8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

960


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta' Lulju 2006

li tagħraf ċerti pajjiżi terzi u ċerti żoni ta' pajjiżi terzi bħala ħielsa mill-Xanthomonas campestris (il-varjetajiet kollha patoġeniċi għaċ-Ċitru), iċ-Cercospora angolensis Carv. et Mendes u l-Guignardia citricarpa Kiely (il-varjetajiet kollha patoġeniċi għaċ-Ċitru)

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 3024)

(2006/473/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u partikolarment il-punti 16.2, 16.3 u 16.4 tas-Sezzjoni I ta' Parti A ta' l-Anness IV tagħha,

Billi:

(1)

Biex tippermetti li l-frott ta' Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., u l-ibridi tagħhom minn pajjiżi terzi jiddaħħlu fil-Komunità jew jiċċirkolaw fiha taħt id-Direttiva 2000/29/KE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/83/KE tat-8 ta' Jannar 1998 li tagħraf ċerti pajjiżi terzi u ċerti żoni ta' pajjiżi terzi bħala ħielsa mill-Xanthomonas campestris (il-varjetajiet kollha patoġeniċi għaċ-Ċitru), iċ-Cercospora angolensis Carv. et Mendes u l-Guignardia citricarpa Kiely (il-varjetajiet kollha patoġeniċi għaċ-Ċitru) (2) għarfet ċerti pajjiżi terzi u ċerti żoni ta' pajjiżi terzi bħala ħielsa minn dawk l-organiżmi ta' ħsara.

(2)

Mill-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni 98/83/KE ġiet emendata bosta drabi. Fl-interess taċ-ċarezza u razzjonalità, id-Deċiżjoni 98/83/KE għandha għalhekk tiġi mħassra u sostitwita.

(3)

In-New Zealand ippreżentat tagħrif uffiċjali li juri li t-territorju tagħha huwa ħieles mill-Xanthomonas campestris u l-Guignardia citricarpa. In-New Zealand għandha għaldaqstant tingħaraf bħala ħielsa minn dawn l-organiżmi ta' ħsara.

(4)

L-Afrika ta' Isfel ippreżentat tagħrif uffiċjali li juri li d-distretti maġisterjali ta' Hartswater u Warrenton fin-Northern Cape huma ħielsa mill-Guignardia citricarpa. Għaldaqstant dawn id-distretti ta; l-Afrika ta' Isfel għandhom jingħarfu bħala ħielsa minn dan l-organiżmu ta' ħsara

(5)

L-Awstralja ppreżentat tagħrif uffiċjali li juri li Queensland ma għadhiex ħielsa mill-Xanthomonas campestris. Għaldaqstant, Queensland ma għandhiex tibqa' tingħaraf bħala ħielsa minn dak l-organiżmu ta' ħsara

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet ta' punt 16.2 ta' Sezzjoni I ta' Parti A ta' l-Anness IV, il-pajjiżi terzi li ġejjin qed jingħarfu bħala ħielsa mill-varjetajiet kollha ta' Xanthomonas campestris li huma patoġeniċi għaċ-Ċitru:

(a)

il-pajjiżi terzi kollha ta' l-Ewropa li jkabbru ċ-ċitru, l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Libja, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija;

(b)

l-Afrika: l-Afrika ta' Isfel, il-Gambja, il-Ghana, il-Ginea, il-Kenja, is-Sudan, is-Sważiland u ż-Żimbabwe;

(ċ)

L-Amerika Ċentrali u ta' Isfel u l-Karibew: il-Baħamas, il-Beliże, iċ-Ċilì, il-Kolumbja, il-Kosta Rika, Kuba, l-Ekwador, il-Ħonduras, il-Ġamajka, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Perù, ir-Repubblika Dominikana, Santa Luċija, El Salvador, is-Surinam u l-Venezwela.

(d)

l-Oċeanja: in-New Zealand.

2.   Għall-finijiet ta' punt 16.2 ta' Sezzjoni I ta' Parti A ta' l-Anness IV, iż-żoni li ġejjin qed jingħarfu bħala ħielsa mill-varjetajiet kollha ta' Xanthomonas campestris li huma patoġeniċi għaċ-Ċitru:

(a)

l-Awstralja: New South Wales, South Australia u Victoria;

(b)

il-Brażil, bl-eċċezzjoni ta' l-Istati ta' Rio Grande do Sul, Santa Catarina, Paraná, São Paulo, Minas Gerais u Mato Grosso de Sul;

(ċ)

l-Istati Uniti: Arizona, California, Guam, Hawaii, Louisiana, Northern Mariana Islands, Puerto Rico, American Samoa, Texas u l-United States Virgin Islands;

(d)

l-Urugwaj, bl-eċċezzjoni tad-Dipartmenti Salto, Riviera u Paysandu — fit-Tramuntana tax-xmara Chapicuy.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' punt 16.3 ta' Sezzjoni I ta' Parti A ta' l-Anness IV, il-pajjiżi terzi li ġejjin qed jingħarfu bħala ħielsa miċ-Cercospora angolensis Carv. et Mendes:

(a)

il-pajjiżi terzi kollha li jkabbru ċ-ċitru fl-Amerika ta' Fuq, Ċentrali u ta' Isfel, il-Karibew, l-Ażja, bl-eċċezzjoni tal-Jemen, l-Ewropa u l-Oċeanja;

(b)

il-pajjiżi terzi kollha li jkabbru ċ-ċitru fl-Afrika, bl-eċċezzjoni ta' l-Angola, il-Kamerun, ir-Repubblika Afrikana Ċentrali, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Gabon, il-Ginea, il-Kenja, il-Możambik, in-Niġerja, l-Uganda, iż-Żambja u ż-Żimbabwe.

Artikolu 3

1.   Għall-finijiet ta' punt 16.4 ta' Sezzjoni I ta' Parti A ta' l-Anness IV, il-pajjiżi terzi li ġejjin qed jingħarfu bħala ħielsa mill-varjetajiet kollha ta' Guignardia citricarpa Kiely li huma patoġeniċi għaċ-Ċitru:

(a)

il-pajjiżi terzi kollha li jkabbru ċ-ċitru fl-Amerika ta' Fuq, Ċentrali u ta' Isfel, bl-eċċezzjoni ta' l-Arġentina u l-Brażil, il-Karibew u l-Ewropa;

(b)

il-pajjiżi terzi kollha li jkabbru ċ-ċitru fl-Ażja, bl-eċċezzjoni tal-Bhutan, iċ-Ċina, l-Indoneżja, il-Filippini u t-Tajwan,

(ċ)

il-pajjiżi terzi kollha li jkabbru ċ-ċitru fl-Afrika, bl-eċċezzjoni ta' l-Afrika ta' Isfel, il-Kenja, il-Możambik, Sważiland, iż-Żambja u ż-Żimbabwe;

(d)

il-pajjiżi terzi kollha li jkabbru ċ-ċitru fl-Oċeanja, bl-eċċezzjoni ta' l-Awstralja u Vanuatu.

2.   Għall-finijiet ta' punt 16.4 ta' Sezzjoni I ta' Parti A ta' l-Anness IV, il-pajjiżi terzi li ġejjin qed jingħarfu bħala ħielsa mill-varjetajiet kollha ta' Guignardia citricarpa Kiely li huma patoġeniċi għaċ-Ċitru:

(a)

l-Afrika ta' Isfel: Western Cape; Northern Cape: id-distretti maġisterjali ta' Hartswater u Warrenton;

(b)

l-Awstralja: South Australia, Western Australia u Northern Territory;

(ċ)

iċ-Ċina: iż-żoni kollha bl-eċċezzjoni ta' Sichuan, Yunnan, Guangdong, Fujian u Zhejiang;

(d)

il-Brażil: iż-żoni kollha, bl-eċċezzjoni ta' l-Istati ta' Rio de Janeiro, São Paulo u Rio Grande do Sul.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni 98/83/KE għandha titħassar.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar il-5 ta' Lulju 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/35/KE (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 9).

(2)   ĠU L 15, 21.1.1998, p. 41. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2003/129/KE (ĠU L 51, tal-26.2.2003, p. 21).