16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Mejju 2006

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

(2006/466/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 80 (2) (a), flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fil-5 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti disposizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

(2)

Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità ftehim man-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru f'konformità mal-mekkanizmi u d-Direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni jiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti disposizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat u applikat provviżorjament suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f'data aktar 'il quddiem,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru qiegħed hawn jiġi approvat f'isem il-Komunità, soġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' l-imsemmi Ftehim.

It-test tal-ftehim huwa mehmuz ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill qiegħed hawn jiġi awtorizzat jagħżel il-persuna(i) bis-setgħa li jiffirma(w) il-Ftehim f' isem il-Komunità soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Ftehim għandu jiġi applikat provviżorjament mill-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar il-konklużjoni tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill qiegħed hawn jiġi awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8(2) tal-Ftehim.

Magħmul fi Brussel, 5 ta’ Mejju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

K.-H. GRASSER


FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KOMUNITÀ EWROPEA

min-naħa waħda, u

NEW ZEALAND

min-naħa l-oħra

(minn hawn il quddiem imsejħa “il-Partijiet Kontraenti”)

FILWAQT LI NNUTAW li għadd ta’ ftehim bilaterali dwar servizzi ta’ l-ajru ġew konklużi bejn bosta Stati Membri tal-Komunità Ewropea u n-New Zealand li fihom disposizzjonijiet li instabu li huma kuntrarji għall-liġi Komunitarja Ewropea,

FILWAQT LI NNUTAW li l-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklussiva fir-rispett ta' bosta aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehim bilaterali ta' servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

FILWAQT LI NNUTAW li, taħt il-liġi tal-Komunità Ewropea, kumpanniji ta' l-ajru tal-Komunità stabbiliti fi Stat Membru għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għal rotot ta' l-ajru bejn dak l-Istat Membru tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

WARA LI KKUNSIDRAW il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu l-possibiltà għaċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi terzi li jiksbu sehem f’kumpanniji ta' l-ajru liċenzjati b'konformità mal-liġi Komunitarja Ewropea,

FILWAQT LI JAGĦRFU li ċerti disposizzjonijiet tal-ftehim bilaterali dwar servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u n-New Zealand, li nstabu li jmorru kontra l-liġi tal-Komunità Ewropea, iridu jinġiebu f'konformità sħiħa magħha sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand u sabiex tiġi ppreservata l-kontinwità ta' dawn is-servizzi ta' l-ajru,

FILWAQT LI NNUTAW li mhuwiex għan tal-Komunità Ewropea f'dan il-Ftehim, li jiżdied il-volum totali tat-traffiku ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand, li jiġi affettwat il-bilanċ bejn kumpanniji ta' l-ajru tal-Komunità u kumpanniji ta' l-ajru tan-New Zealand, jew li tingħeleb l-interpretazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' ftehim bilaterali eżistenti għal servizzi ta' l-ajru dwar id-drittijiet tat-traffiku,

QABLU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Disposizzjonijiet Ġenerali

1.   Għall-għanjiet ta' dan il-Ftehim, “Stati Membri” tfisser Stati Membri tal-Komunità Ewropea; “Parti Kontraenti” tfisser parti kontraenti għal dan il-Ftehim; “parti” tfisser il-parti kontraenti għall-ftehim bilaterali rilevanti dwar is-servizzi ta’ l-ajru; “kumpannija ta’ l-ajru” tfisser ukoll linja ta’ l-ajru; “it-territorju tal-Komunità Ewropea” tfisser it-territorji ta’ l-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

2.   Referenzi f'kull Ftehim elenkat fl-Anness I għaċ-ċittadini ta' l-Istat Membru li hu parti tal-Ftehim għandhom jinftiehmu bħala li qed jirreferu għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

3.   Referenzi f'kull wieħed mill-Ftehim elenkat fl-Anness I għal kumpanniji ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru ta' l-Istat Membru li huwa parti minn dak il-Ftehim għandhom jinftiehmu li jirreferu għal kumpanniji ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru nominati minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 2

Nomina, Awtorizzazzjoni u Revoka

1.   Id-disposizzjonijiet fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu jegħlbu d-disposizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-Artikoli elenkati fl-Anness II(a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mad-Nomina ta’ kumpanniji ta' l-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi mogħtija min-New Zealand, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi tal-kumpanniji ta' l-ajru, rispettivament.

2.   Id-disposizzjonijiet fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu jegħlbu d-disposizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-Artikoli elenkati fl-Anness II(a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mad-Nomina ta’ kumpanniji ta' l-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi mogħtija min-New Zealand, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi tal-kumpanniji ta' l-ajru, rispettivament.

3.   Hekk kif tkun riċevuta tali Nomina, u ta' l-applikazzjonijiet mill-kumpannija(i) ta' l-ajru nominata(i), fil-forma u l-mod stipulat għall-awtorizzazzjonijiet għat-tħaddim u l-permessi tekniċi, kull parti għandha, soġġetta għall-paragrafi 4 u 5 tagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi xierqa b’dewmien proċedurali mill-inqas, dejjem jekk:

(a)

fil-każ ta' kumpannija ta' l-ajru nominata minn Stat Membru:

(i)

il-kumpannija ta' l-ajru tkun stabbilita, taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fit-territorju ta' l-Istat Membru li jinnomina u li għandu Liċenzja Operattiva valida f’konformità mal-liġi tal-Komunità Ewropea;

u

(ii)

il-kontroll regolatorju effettiv tal-kumpannija ta' l-ajru huwa eżerċitat u miżmum mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat ta' l-Operaturi ta' l-Ajru tagħha u l-awtorità aeronawtika rilevanti hija identifikata b'mod ċar fid-Nomina;

u

(iii)

il-post prinċipali ta' negozju tal-kumpannija ta’ l-ajru jkun fl-Istat Membru mingħand min tkun irċeviet il-Liċenzja Operattiva valida;

u

(iv)

il-kumpannija ta' l-ajru tkun il-proprjetà, direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju, u tkun ikkontrollata effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, u/jew mill-Istati l-oħra elenkati fl-Anness III u/jew miċ-ċittadini ta' tali Stati oħra.

(b)

fil-każ ta' kumpannija ta' l-ajru nominata min-New Zealand:

(i)

In-New Zealand jkollha, u żżomm, kontroll regolatorju effettiv tal-kumpannija ta’ l-ajru;

u

(ii)

il-post prinċipali tan-negozju tagħha u l-post ta’ l-inkorporazzjoni tagħha jkunu fin-New Zealand.

4.   Kull waħda mill-partijiet tista' tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjoni ta' operazzjoni jew il-permessi tekniċi ta' kumpannija ta' l-ajru nominata mill-Parti l-oħra fejn:

(a)

fil-każ ta' kumpannija ta' l-ajru nominata minn Stat Membru:

(i)

il-kumpannija ta' l-ajru ma tkunx stabbilita, taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fit-territorju ta' l-Istat Membru li nnominahajew m’għandhiex Liċenzja Operattiva valida minn Stat Membru f'konformità mal-liġi Komunitarja Ewropea;

(ii)

il-kontroll regolatorju effettiv tal-kumpannija ta' l-ajru m'hux eżerċitat jew m'hux miżmum mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat ta' l-Operaturi ta' l-Ajru tagħha, jew l-awtorità aeronawtika rilevanti m'hix identifikata b'mod ċar fid-Nomina;

jew

(iii)

il-post prinċipali tan-negozju tal-kumpannija ta’ l-ajru ma jkunx fit-territorju ta’ l-Istat Membru mingħand min irċeviet il-Liċenzja Operattiva tagħha;

jew

(iv)

il-kumpannija ta' l-ajru mhix il-proprjetà, direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju, u mhix ikkontrollata effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, u/jew mill-istati l-oħra elenkati fl-Anness III u/jew miċ-ċittadini ta' tali stati oħra;

jew

(v)

il-kumpannija ta' l-ajru hija diġà awtorizzata biex topera taħt Ftehim bilaterali bejn in-New Zealand u Stat Membru ieħor u n-New Zealand tista' turi li, billi teżerċita drittijiet tat-traffiku taħt dan il-Ftehim fuq rotta li tinkludi punt f’dak l-Istat Membru l-ieħor, tkun qed tevita restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tat-traffiku imposti minn dak il-Ftehim l-ieħor;

jew

(vi)

il-kumpannija ta' l-ajru nominata jkollha Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru maħruġ minn Stat Membru u ma jkunx hemm Ftehim bilaterali ta' servizzi ta' l-ajru bejn in-New Zealand u dak l-Istat Membru, u dak l-Istat Membru jkun ċaħad id-drittijiet ta' traffiku lill-kumpannija ta' l-ajru nominata min-New Zealand;

jew

(b)

fil-każ ta' kumpannija ta' l-ajru nominata min-New Zealand:

(i)

In-New Zealand mhix qed iżomm kontroll regolatorju effettiv tal-kumpannija ta’ l-ajru;

jew

(ii)

il-post ewlieni ta' negozju tagħha u l-post ta’ l-inkorporazzjoni tagħha ma jkunux fin-New Zealand.

5.   Fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha taħt il-paragrafu 4, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħha taħt il-paragrafu 4(a)(v) u (vi) ta’ dan l-Artikolu, in-New Zealand ma tiddiskriminax bejn kumpanniji ta’ l-ajru ta’ Stati Membri fuq il-bażi tan-nazzjonalità.

Artikolu 3

Drittijiet fir-rigward tal-kontroll regolatorju

1.   Id-disposizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw l-artikoli elenkati fl-Anness II (ċ).

2.   Fejn Stat Membru nnomina kumpannija ta’ l-ajru li l-kontroll regolatorju tagħha hu eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tan-New Zealand taħt id-disposizzjonijiet ta' sikurezza tal-Ftehim bejn l-ewwel Stat Membru li nnomina l-kumpannija ta’ l-ajru u n-New Zealand għandhom japplikaw kemm fir-rigward ta' l-adozzjoni, l-eżerċizzju jew iż-żamma ta’ standards ta' sikurezza mit-tieni Stat Membru kif ukoll fir-rigward ta’ l-awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta’ dik il-kumpannija ta’ l-ajru.

Artikolu 4

Tassazzjoni tal-fjuwil għall-avjazzjoni

1.   Id-disposizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw id-disposizzjonijiet korrispondenti fl-Artikoli elenkati fl-Anness II (d).

2.   Minkejja kull disposizzjoni oħra kontra dan, xejn f'kull wieħed mill-Ftehim elenkati fl-Anness II(d) ma jżomm Stati Membri jew in-New Zealand milli jimponu fuq bażi mhux diskriminatorja taxxi, imposti, dazji, drittijiet jew ħlasijiet fuq fjuwil li jiġi fornut fit-territorji rispettivi tagħhom għall-użu f'inġenju ta' l-ajru ta' kumpannija ta' l-ajru nominata ta’ Stat Membru jew tan-New Zealand li topera bejn żewġ punti fit-territorji rispettivi tal-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 5

Tariffi

1.   Id-disposizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw l-artikoli elenkati fl-Anness II (e).

2.   It-tariffi li jiġu imposti mill-kumpannija/i ta' l-ajru nominata/i min-New Zealand permezz ta' Ftehim elenkat fl-Anness I li fih disposizzjoni elenkata fl-Anness II(e) għal trasport li jseħħ kollu kemm hu fil-Komunità Ewropea jkunu suġġetti għal-liġi Komunitarja Ewropea. Il-liġi Komunitarja Ewropea hija applikata fuq bażi mhux diskriminatorja.

3.   It-tariffi li jiġu imposti mill-kumpannija/i ta' l-ajru nominata/i mill-Istati Membri permezz ta' Ftehim elenkat fl-Anness I li fih disposizzjoni elenkata fl-Anness II(e) għal trasport li jseħħ kollu kemm hu fin-New Zealand ikunu suġġetti għal-liġi tan-New Zealand. Il-liġi tan-New Zealand tiġi applikata fuq bażi mhux diskriminatorja.

Artikolu 6

Annessi għall-Ftehim

L-Annessi għal dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integrali minnu.

Artikolu 7

Reviżjoni jew emenda

Il-Partijiet Kontraenti jistgħu, f'kull ħin, jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim b'kunsens komuni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu jkunu ntemmew.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li japplikaw provviżorjament dan il-Ftehim mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar il-konklużjoni tal-proċeduri meħtieġa għal dan l-iskop.

3.   Ftehim u arranġamenti oħra bejn l-Istati Membri u n-New Zealand li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, ma kinux daħlu fis-seħħ u li mhux qed jiġu applikati provviżorjament huma elenkati fl-Anness I(b). Dan il-Ftehim għandhu japplika għal tali Ftehim u arranġamenti kollha mad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni provviżorja tagħhom.

Artikolu 9

Tmiem

1.   Fil-każ li Ftehim elenkat fl-Anness I jintemm, id-disposizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim li għandhom x’jaqsmu mal-Ftehim elenkat fl-Anness I ikkonċernat għandhom jintemmu fl-istess ħin.

2.   Fil-każ li l-Ftehim kollha elenkati fl-Anness I jintemmu, dan il-Ftehim għandu jintemm fl-istess ħin.

B'XHIEDA TA' DAN, dawn hawn taħt iffirmati, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell f’żewġ kopji, f’dan il-wleħed u għoxrin jum ta’ Ġunju fis-sena elfejn u sitta, bil-lingwa Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża. F’każ ta’ diverġenzi t-test Ingliż għandu jipprevali fuq it-testi bil-lingwi l-oħra.

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

För Europeiska gemenskapen

Image 1

Image 2

Por Nueva Zelanda

Za Nový Zéland

For New Zealand

Für Neuseeland

Uus-Meremaa nimel

Για τη Νέα Ζηλανδíα

For New Zealand

Pour la Nouvelle-Zélande

Per la Nuova Zelanda

Jaunzēlandes vārdā

Naujosios Zelandijos vardu

Új-Zéland részéről

Għan-New Zealand

Voor Nieuw-Zeeland

W imieniu Nowej Zelandii

Pela Nova Zelândia

Za Nový Zéland

Za Novo Zelandijo

Uuden-Seelannin puolesta

För Nya Zeeland

Image 3

ANNESS I

Lista tal-Ftehim imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim

(a)

Ftehim dwar servizzi ta' l-ajru bejn in-New Zealand u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati provviżorjament

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern Federali Awstrijak u l-Gvern tan-New Zealand magħmul fi Vjenna fl-14 ta' Marzu 2002; minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim New Zealand-Awstrija”.

Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tan-New Zealand dwar is-servizzi ta’ l-Ajru magħmul f’Wellington fl-4 ta’ Ġunju 1999; minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim New Zealand-Belġju”.

Ftehim dwar is-servizzi ta’ l-Ajru bejn ir-Renju tad-Danimarka u n-New Zealand magħmul f’Wellington fis-7 ta’ Frar 2001; minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim New Zealand-Danimarka”. Issupplimentat bil-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Skandinavi fir-rigward ta' Scandinavian Airline System (SAS), iffirmat f’Wellington fis-7 ta’ Frar 2001.

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tan-New Zealand rigward is-Servizzi ta' l-Ajru magħmul f'Pariġi fid-9 ta' Novembru 1967; minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim New Zealand-Franza”; Immodifikat l-aħħar bl-Iskambju ta’ Noti, it-tnejn iddatati id-9 ta’ Awissu 1971.

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u n-New Zealand iffirmat f’Bonn fit-2 ta’ Novembru 1987 kif emendat; minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim New Zealand-Ġermanja”.

Ftehim dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern ta’ l-Irlanda u l-Gvern tan-New Zealand magħmul f’Dublin fis-27 ta’ Mejju 1999; minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim New Zealand-Irlanda”.

Ftehim bejn il-Gvern tan-New Zealand u l-Gvern tar-Repubblika Taljana dwar is-Servizzi ta' l-Ajru iffirmat f'Ruma f'Settembru 2001; minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim New Zealand-Italja”.

Ftehim bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tan-New Zealand dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru; magħmul f’Wellington fit-2 ta' Novembru 1992; minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim New Zealand-Lussemburgu”.

Abbozz ta' Ftehim bejn il-Gvern tan-New Zealand u l-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda għas-Servizzi ta’ l-Ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, kif inhu anness mal-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat fl-Aja fil-11 ta’ Mejju 1999; minn hawn ‘il quddiem “l-Abbozz ta' Ftehim New Zealand-Olanda”.

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn ir-Renju ta’ Spanja u n-New Zealand magħmul f’Madrid fis-6 ta’ Mejju 2002; minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim New Zealand-Spanja”.

Ftehim dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru bejn ir-Renju ta’ l-Iżvezja u n-New Zealand; magħmul f’Wellington fis-7 ta’ Frar 2001; minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim New Zealand-Żvezja”. Issupplimentat bil-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Skandinavi fir-rigward ta' Scandinavian Airlines System (SAS), iffirmat f’Wellington fis-7 ta’ Frar 2001.

(b)

Ftehim dwar servizzi ta' l-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn in-New Zealand u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, kienu għadhom ma' daħlux fis-seħħ u mhux qed jiġu applikati provviżorjament.

ANNESS II

Lista ta' artikoli fil-Ftehim elenkati fl-Anness I u msemmija fl-Artikoli 2 sa 5 ta' dan il-Ftehim

(a)

Nomina minn Stat Membru:

L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Awstrija;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Belġju;

L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Danimarka;

L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Ġermanja; (*1)

L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Irlanda; (*1)

L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Italja; (*1)

L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Lussemburgu; (*1)

L-Artikolu 4 ta’ l-Abbozz ta' Ftehim New Zealand-Olanda; (*1)

L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Spanja;

L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Żvezja;

(b)

Rifjut, Revoka, Sospensjoni jew Limitazzjoni ta' Awtorizzazzjonijiet jew Permessi:

L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Awstrija;

L-Artikolu 5 tal-Ftehim New Zealand-Belġju;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Danimarka;

L-Artikolu 8 tal-Ftehim New Zealand-Franza; (*1)

L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Ġermanja; (*1)

L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Irlanda; (*1)

L-Artikolu 5 tal-Ftehim New Zealand-Italja; (*1)

L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Lussemburgu; (*1)

L-Artikolu 5 ta’ l-Abbozz tal-Ftehim New Zealand-Olanda; (*1)

L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Spanja;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Żvezja;

(ċ)

Kontroll Regolatorju:

L-Artikolu 6 tal-Ftehim New Zealand-Awstrija;

L-Artikolu 7 tal-Ftehim New Zealand-Belġju;

L-Artikolu 13 tal-Ftehim New Zealand-Danimarka;

L-Artikolu 11a tal-Ftehim New Zealand-Ġermanja;

L-Artikolu 6 tal-Ftehim New Zealand-Irlanda;

L-Artikolu 11 tal-Ftehim New Zealand-Italja;

L-Artikolu 6 tal-Ftehim New Zealand-Lussemburgu;

L-Artikolu 12 ta’ l-Abbozz ta' Ftehim New Zealand-Olanda;

L-Artikolu 11 tal-Ftehim New Zealand-Spanja;

L-Artikolu 13 tal-Ftehim New Zealand-Żvezja.

(d)

Tassazzjoni tal-fjuwil ta' l-avjazzjoni:

L-Artikolu 7 tal-Ftehim New Zealand-Awstrija;

L-Artikolu 10 tal-Ftehim New Zealand-Belġju;

L-Artikolu 5 tal-Ftehim New Zealand-Danimarka;

L-Artikolu 6 tal-Ftehim New Zealand-Franza;

L-Artikolu 6 tal-Ftehim New Zealand-Ġermanja;

L-Artikolu 9 tal-Ftehim New Zealand-Irlanda;

L-Artikolu 6 tal-Ftehim New Zealand-Italja;

L-Artikolu 8 tal-Ftehim New Zealand-Lussemburgu;

L-Artikolu 10 ta’ l-Abbozz ta' Ftehim New Zealand-Olanda;

L-Artikolu 5 tal-Ftehim New Zealand-Spanja;

L-Artikolu 5 tal-Ftehim New Zealand-Żvezja;

(e)

Tariffi għat-trasport fi ħdan il-Komunità Ewropea:

L-Artikolu 11 tal-Ftehim New Zealand-Awstrija;

L-Artikolu 13 tal-Ftehim New Zealand-Belġju;

L-Artikolu 9 tal-Ftehim New Zealand-Danimarka;

L-Artikolu 10 tal-Ftehim New Zealand-Franza;

L-Artikolu 10 tal-Ftehim New Zealand-Ġermanja;

L-Artikolu 12 tal-Ftehim New Zealand-Irlanda;

L-Artikolu 8 tal-Ftehim New Zealand-Italja;

L-Artikolu 10 tal-Ftehim New Zealand-Lussemburgu;

L-Artikolu 6 ta’ l-Abbozz ta' Ftehim New Zealand-Olanda;

L-Artikolu 7 tal-Ftehim New Zealand-Spanja;

L-Artikolu 9 tal-Ftehim New Zealand-Żvezja.


(*1)  L-Artikolu 2 (2) ta' dan il-Ftehim ma japplikax għal dawn id-disposizzjonijiet.

ANNESS III

Lista ta’ stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim

(a)

Ir-Repubblika ta’ l-Islanda (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(b)

Il-Prinċipat tal-Liechtenstein (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(ċ)

Ir-Renju tan-Norveġja (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(d)

Il-Konfederazzjoni Svizzera (taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport ta’ l-Ajru)