8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

956


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta' Ġunju 2006

dwar miżuri ta' emerġenza għall-prevenzjoni ta' l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tad-Dryocosmus kuriphilus Yasumatsu

(innotifkata taħt dokument numru C(2006) 2881)

(2006/464/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta' organiżmi perikolużi għall-pjanti u prodotti tal-pjanti, u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b'mod partikolari fl-Artikolu 16(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 2000/29/KE, meta Stat Membru jqis li hemm periklu ta' introduzzjoni jew ta' tixrid fit-territorju tiegħu ta' organiżmu perikoluż li mhux elenkat fl-Anness I jew Anness II ta' dik id-Direttiva, jista' temporanjament jieħu miżuri addizzjonali meħtieġa sabiex jipproteġi lili nnifsu minn dak il-periklu.

(2)

Riżultat tal-preżenza tad-Dryocosmus kuriphilus Yasumatsu, fiċ-Ċina, fil-Korea, fil-Ġappun, fl-Istati Uniti u f'żona limitata tal-Komunità, Franza infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni fl-14 ta' Marzu 2005 li fis-16 ta' Frar 2005 adottat miżuri uffiċjali għall-protezzjoni tat-territorji tagħha mill-periklu ta' l-introduzzjoni ta' dak l-organiżmu.

(3)

Is-Slovenja infurmat lill-Istati Membri li l-Kummissjoni fid-29 ta' Ġunju 2005 li minħabba t-tifqigħa ta' l-istess organiżmu fit-territorju tagħha kienet adottat fl-24 ta' Ġunju 2005 miżuri addizzjonali għall-prevenzjoni ta' iktar introduzzjoni u tixrid fit-territorju tagħha ta' dak l-organiżmu.

(4)

Dryocosmus kuriphilus Yasumatsu, mhux elenkat fl-Anness I jew II tad-Direttiva 2000/29/KE. Madanakollu, rapport ta' valutazzjoni dwar ir-riskju tal-pesti bbażat fuq l-informazzjoni xjentifika limitata disponibbli wera li huwa wieħed mill-insetti li l-iktar jikkawża ħsara lill-qastan (Castanea Mill.). Dan jista' jfixkel sew il-produzzjoni u l-kwalità tal-qastan u hemm xi evidenza li jista' wkoll joqtol is-siġar. Il-qastan huwa sikwit ikkoltivat fuq firxa ta' art marġinali fuq l-għoljiet u il-muntanji. Il-ħsara li tirriżulta mit-tixrid ta' l-insett tista' tfixkel il-produzzjoni tal-qastan għall-konsum mill-bniedem f'dawk iż-żoni u b' hekk għad-degradazzjoni tagħhom ekonomika u ambjentali.

(5)

Huwa b'hekk meħtieġ li jittieħdu miżuri proviżorji kontra l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità ta' dan l-organiżmu perikoluż.

(6)

Il-miżuri stipolati f'din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-introduzzjoni u t-tixrid ta' dan l-organiżmu, il-produzzjoni u l-moviment tal-pjanti Castanea fi ħdan il-Komunità, il-kontroll ta' l-organiżmu u għal stħarriġ dwar il-preżenza tiegħu jew l-assenza kontinwa tiegħu tat-tali organiżmu perikoluż fl-Istati Membri.

(7)

Huwa xieraq li r-riżultati tal-miżuri jiġu assessjati regolarment fl-2006, fl-2007 u fl-2008 b' mod partikolari fuq il-bażi ta' l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Istati Membri. Miżuri sussegwenti possibbli għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tar-riżultati ta' dak l-assessjar.

(8)

L-Istati Membri għandhom jadottaw, jekk meħtieġ, il-leġislazzjoni tagħhom sabiex jiġu f' konformità mad-Deċiżjoni.

(9)

Ir-riżultati tal-miżuri għandhom jiġu riveduti sa mhux iktar tard mill-1 ta' Frar 2008.

(10)

Il-miżuri stipolati f'din id-Deċiżjoni huma f' konformità ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjoni

F'din id-Deċiżjoni, “pjanti” tfisser pjanti jew parti ta' pjanti tal-genus Castanea Mill., intenzjonati għall-koltivazzjoni, li mhumiex frott jew żrieragħ.

Artikolu 2

Miżuri kontra d-Dryocosmus kuriphilus Yasumatsu

L-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tad-Dryocosmus kuriphilus Yasumatsu, minn hawn 'il quddiem “l-organiżmu”, għandhom jiġu pprojbiti.

Artikolu 3

Importazzjonijiet ta' pjanti

Il-pjanti jistgħu jiġu introdotti biss fil-Komunità jekk:

(a)

ikunu f'konformità mal-miżuri stipolati fil-punt 1 ta' l-Anness, u

(b)

ikunu spezzjonati, kif jidħlu fil-Komunità għall-preżenza ta' l-organiżmu, skond l-Artikolu 13a(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, u nstabu ħielsa minnu.

Artikolu 4

Movimenti ta' pjanti fi ħdan il-Komunità

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(3)(a) u l-Anness II, Parti II, il-pjanti li joriġinaw fil-Komunità jew li jiġu importati fil-Komunità skond l-Arikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni jistgħu biss jiġu trasferiti mill-post ta' produzzjoni tagħhom fil-Komunità, inkluż, fejn huwa xieraq, stabbilimenti ta' ġardinaġġ, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 2 ta' l-Anness I.

Artikolu 5

Stħarriġ u notifikazzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet uffiċjali kull sena għall-preżenza ta' l-organiżmu jew għall-evidenza ta' l-infestazzjonijiet mill-organiżmu fit-territorji tagħhom.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/29/KE, ir-riżultati ta' dak l-istħarriġ għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena.

2.   Kull okkorrenza sospetta jew preżenza kkonfermata ta' l-organiżmu għandhom jiġu nnotifikati mill-ewwel lill-korp uffiċjali risponsabbli.

3.

(a)

L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-movimenti għall-ġewwa jew fi ħdan it-territorju tagħhom ta' pjanti, ikunu soġġetti għal sistema ta' rintraċċabbiltà, li tista' tinkludi dikjarazzjoni dwar movimenti lill-korpi uffiċjali risponsabbli mill-persuna risponsabbli għall-movimenti.

(b)

L-Istati Membri jistgħu jitolbu għal dikjarazzjoni ta' koltivazzjoni lill-korpi uffiċjali risponsabbli mill-persuni risponsabbli għall-koltivazzjoni.

Artikolu 6

Stabbiliment ta' żoni demarkati

Meta r-riżultati ta' l-istħarriġ li jissemma fl-Artikolu 5.1 jew in-notifikazzjoni li tissemma fl-Artikolu 5.2 jikkonfermaw il-preżenza ta' l-organiżmu fiż-żona, jew ikun hemm evidenza ta' l-istabbiliment ta' l-organiżmu minn mezzi oħrajn, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu żoni demarkati u għandhom jieħdu miżuri uffiċjali kif stipolat fil-punti I u II rispettivament ta' l-Anness II.

Artikolu 7

Konformità

L-Istati Membri għandhom, jekk huwa meħtieġ, jemendaw il-miżuri li kienu adottaw sabiex jipproteġu lilhom infushom kontra l-introduzzjoni u t-tixrid ta' l-organiżmu f'tali mod li dawk il-miżuri jiġu f'konformità ma' din id-Deċiżjoni u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri.

Artikolu 8

Analiżi

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta, sa mhux iktar tard mill-1 ta' Frar 2008.

Artikolu 9

Lil min hija indirizzata

Din id-Deċiżoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar is-27 ta' Ġunju 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/35/KE (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 9).


ANNESS I

MIŻURI LI JISSEMMEW FL-ARTIKOLI 3 U 4 TA' DIN ID-DEĊIŻJONI

1.   Miżuri (Ċertifikati)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(3)(a), ta' din id-Deċiżjoni u l-Anness III, Parti A(2) u Anness IV, Parti A(I)(11.1), (11.2), (33), (36.1), (39) u (40) tad-Direttiva 2000/29/KE, il-pjanti li joriġinaw minn pajjiżi terzi għandhom jiġu akkumpanjati minn ċertifikat kif jissemma fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE li tistipola skond ir-rubrika “Dikjarazzjoni addizzjonali”:

(a)

jistipola li l-pjanti ġew ikkoltivati matul il-ħajja tagħhom f'postijiet ta' produzzjoni f'pajjiżi fejn l-organiżmu mhux magħruf li jinstab; jew

(b)

li l-pjanti ġew ikkoltivati matul il-ħajja tagħhom f'żoni ta' produzzjoni li hija ħielsa mill-pesti, stabbilita mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż ta' oriġini skond l-Istandards Internazzjonali rilevanti għall-Miżuri Fitosanitarji u, skond ir-rubrika “post ta' oriġini”, l-isem taż-żona ħielsa mill-pesti.

2.   Kundizzjonijiet għall-moviment

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5.3(a) u l-Anness II, parti II, punt 8, ta' din id-Deċiżjoni u l-Anness IV, Parti A, Taqsima II (7) tad-Direttiva 2000/29/KE, u l-Anness V, Parti A, Taqsima I, (2.1) tad-Direttiva 2000/29/KE, il-pjanti kollha li joriġinaw mill-Komunità jew li ġew importati fil-Komunità skond l-arikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni jistgħu biss jiġu trasferiti mill-post tal-produzzjoni fi Stat Membru, inkluż fejn huwa xieraq, stabbilimenti ta' ġardinaġġ, jekk ikunu akkumpanjati biss minn passaport tal-pjanti ippreparat u maħruġ skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/105/KEE (1) u:

(a)

il-pjanti li joriġinaw fil-post imsemmi tal-produzzjoni ġew ikkoltivati matul il-ħajja tagħhom jew mill-introduzzjoni tagħhom fil-Komunità f'post ta' produzzjoni fi Stat Membru fejn l-organiżmu mhux magħruf li jinstab; jew

(b)

il-pjanti li joriġinaw mill-post imsemmi ta' produzzjoni, ġew ikkoltivati tul il-ħajja kollha tagħhom jew mill-introduzzjoni tagħhom fil-Komunità f'żona ta' produzzjoni li hija ħielsa mill-pesti, stabbilita mis-servizz nazzjonali tal-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru rilevanti, skond l-Istandards Internazzjonali rilevanti tal-Miżuri Fitosanitarji.


(1)  ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/17/KE (ĠU L 57, 3.3.2005, p. 23).


ANNESS II

MIŻURI LI JISSEMMEW FL-ARTIKOLI 6 TA' DIN ID-DEĊIŻJONI

I.   Stabbiliment ta' żoni demarkati

1.

Iż-żoni demarkati li jissemmew fl-Artikolu 6 għandhom jikkonsistu mill-partijiet li ġejjin :

(a)

żona infestata fejn il-preżenza ta' l-organiżmu ġiet ikkonfermata u li tinkludi l-pjanti kollha li juru sintomi kkawżati mill-organiżmu, u, fejn huwa xieraq, il-pjanti kollha li jagħmlu parti mill-istess lot fiż-żmien taż-żrigħ,

(b)

żona ffokata speċifikament li għandha fruntiera mill-inqas 5 km iktar 'il bogħod mill-fruntiera taż-żona infestata, u

(c)

żona li sservi ta' buffer li għandha fruntiera mill-inqas 10 km iktar 'il bogħod mill-fruntiera taż-żona speċifika ffokata.

Fis-sitwazzjoni fejn bosta żoni buffer jidħlu f'xulxin jew li jkunu ġeografikament qrib xulxin, żona demarkata iktar ampja għandha tiġi ddefinita li tinkludi żoni demarkati rilevanti u żoni ta' bejniethom.

2.

Id-delimitazzjoni eżatta taż-żoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq prinċipji solidi xjentifiċi, il-bijoloġija ta' l-organiżmu, il-livell ta' infestazzjoni, il-perjodu tas-sena u d-distribuzzjoni partikolari tal-pjanti fl-Istat Membru kkonċernat.

3.

Jekk tiġi kkonfermata l-preżenza ta' l-organiżmu 'il barra miż-żona infestata, id-delimitazzjoni taż-żoni demarkati għandha tinbidel kif jixraq.

4.

Jekk, skond l-istħarriġ annwali li jissemma fl-Artikolu 5.1 l-organiżmu ma jinstabx f'ebda miż-żoni demarkati għal perjodu ta' tliet snin, dawn iż-żoni m'għandhomx jibqgħu jeżistu u l-miżuri li jissemmew fil-parti II ta' dan l-Anness m'għandhom ikunu iktar meħtieġa.

5.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar iż-żoni li jissemmew fil-paragrafu 1 billi jipprovdu mapep fuq skala xierqa, u n-natura tal-miżuri li ttieħdu għall-eradikazzjoni jew il-konteniment ta' l-organiżmu.

II.   Miżuri fiż-żoni demarkati

Il-miżuri uffiċjali li jissemmew fl-Artikolu 6 li għandhom jittieħdu fiż-żoni demarkati għandhom jinkludu ta' l-anqas:

il-projbizzjoni tal-movimenti tal-pjanti 'il barra jew fi ħdan iż-żoni demarkati.

fil-każijiet fejn il-preżenza ta' l-organiżmu tkun ġiet ikkonfermata fuq il-pjanti f'sit ta' produzzjoni, miżuri xierqa li jimmiraw lejn il-qerda ta' l-organiżmu perikoluż, li jikkonsistu ta' l-anqas mid-distruzzjoni tal-pjanti infestati, dawk il-pjanti kollha li juru sintomi kkawżati mill-organiżmu u, fejn huwa xieraq, kull waħda mill-pjanti li kienu jagħmlu parti mill-istess lott fiż-żmien tat-tħawwil u monitoraġġ għall-preżenza ta' l-organiżmu permezz ta' spezzjonijiet xierqa matul il-perijodu ta' preżenza potenzjali tal-ġrieħi infestati.