8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

740


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta' Mejju 2006

li tagħlaq il-proċediment kontra s-sussidji fir-rigward ta' importazzjoni ta' ċerti boroż u xkejjer tal-plastik li joriġinaw fil-Malażja u t-Tajlandja

(2006/361/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 (14) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fit-30 ta' Ġunju 2005, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta' avviż ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea  (2), il-bidu ta' proċediment kontra s-sussidji fir-rigward ta' importazzjoni lejn il-Komunità ta' ċerti boroż u xkejjer tal-plastik li fihom ta' l-inqas 20 % polietilene u ta' ħxuna li ma taqbiżx il-100 mikrometru li joriġinaw fil-Malażja u t-Tajlandja u li normalment jiġu ddikjarati fi ħdan il-kodiċi NM ex 3923 21 00, ex 3923 29 10 u ex 3923 29 90.

(2)

Dak in-nhar stess, il-Kummissjoni ħabbret il-bidu ta' investigazzjoni ta' l-anti-dumping fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li fihom ta' l-inqas 20 % polietilene u ta' ħxuna li ma taqbiżx il-100 mikrometru li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Malażja u t-Tajlandja

(3)

Il-proċediment ta' kontra s-sussidji nbeda, skond l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku, wara kwerela mressqa fit-18 ta' Mejju 2005 minn tletin produttur Ewropew ta' ċerti boroż u xkejjer tal-plastik (“il-kwerelanti”) li jirrappreżentaw iktar mill-25 % tal-produzzjoni Komunitarja ta' dawn il-boroż u xkejjer. Il-kwerela kien fiha evidenza prima facie ta' l-eżistenza ta' sussidjar tal-prodott imsemmi u ta' ħsara materjali li rriżultat minnu, li tqieset biżżejjed biex ikun ġustifikat il-bidu ta' proċediment.

(4)

Il-Kummissjoni uffiċjalment għarrfet lill-awtoritajiet tal-Malażja u t-Tajlandja, il-produtturi esportaturi fil-Malażja u t-Tajlandja, importaturi/kummerċjanti u l-għaqdiet tagħhom, u utenti magħrufa li huma kkonċernati, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi kkonċernati u l-kwerelanti bil-bidu tal-proċediment. Il-Partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fl-avviż ta' bidu.

B.   IRTIRAR TAL-KWERELA

(5)

Permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Frar 2006 lis-servizzi tal-Kummissjoni, il-kwerelanti formalment irtiraw il-kwerela tagħhom.

(6)

Skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista' jingħalaq meta l-kwerela tiġi rtirata sakemm għeluq bħal dan ma jmurx kontra l-interess Komunitarju.

(7)

Il-Kummissjoni qieset li l-proċedura attwali għandha tintemm peress li l-investigazzjoni ma sabet l-ebda konsiderazzjoni li turi li dan l-għeluq ma jkunx fl-interess Komunitarju. Il-partijiet interessati ġew infurmati kif jixraq u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma tqajmu l-ebda oġġezzjonijiet.

(8)

Minħabba dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċediment kontra s-sussidji dwar importazzjonijiet lejn il-Komunità ta' ċerti boroż u xkejjer tal-plastik li joriġinaw fil-Malażja u t-Tajlandja għandhom jintemmu mingħajr l-impożizzjoni ta' miżuri kumpensatorji.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv.

ADOTTAT DIN ID-DECIZJONI:

Artikolu Uniku

Il-proċediment ta' kontra s-sussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċerti boroż u xkejjer tal-plastik li fihom ta' l-inqas 20 % polietilene u ta' ħxuna li ma taqbiżx il-100 mikrometru li joriġinaw fil-Malażja u t-Tajlandja huwa b'dan mitmum.

Magħmul fi Brussell, nhar id-19 ta' Mejju 2006.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1, Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(2)  ĠU C 159, 30.6.2000, p. 15.