|
8.5.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
715 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-28 ta’ April 2006
li tiddetermina l-kwantitajiet tal-bromid tal-metil li huma permessi għal użi kritiċi fil-Komunità mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ l-2006 skond ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff ta' l-Ożonu
(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 1244)
(It-testi bl-Olandiż, bil-Franċiż, bit-Taljan, bil-Pollakk, bil-Portugiż, u bl-Ispanjol biss huma awtentiċi)
(2006/350/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff ta' l-Ożonu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 (2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikoli 3(2)(i)(d) u 4(2)(i)(d) tar-Regolament (KE) Nru. 2037/2000 jipprojbixxu l-produzzjoni, l-importazzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-bromid tal-metil għall-użi kollha wara l-31 ta’ Diċembru ta’ l-2004 ħlief, fost l-oħrajn (2), għall-użi kritiċi skond l-Artikolu 3(2)(ii) u l-kriterji stipolati fid-Deċiżjoni IX/6 tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Montreal, flimkien ma' kriterji oħra relevanti maqbula bejn il-Partijiet. Eżenzjonijiet għall-użi kritiċi huma intenzjonati li jkunu derogi limitati sabiex jippermettu perjodu ta' żmien qasir għall-adozzjoni ta' l-alternattivi. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni IX/6 tistipola li l-bromid tal-metil għandu jikkwalifika bħala “kritiku” biss jekk l-applikant jiddetermina li n-nuqqas tad-disponibbiltà tal-bromid tal-metil għal dak l-użu speċifiku jista' jirriżulta fi tfixkil sinifikanti tas-suq; u li ma hemm ebda alternattivi jew sostituti fiżiċi teknikament u ekonomikament vijabbli disponibbli għall-utent li huma aċċettabbli mill-aspett ambjentali u tas-saħħa u li huma xierqa għall-uċuħ u għaċ-ċirkostanzi tan-nominazzjoni. Aktar minn hekk, il-produzzjoni u l-konsum, jekk applikabbli, tal-bromid tal-metil għall-użi kritiċi għandhom jiġu permessi biss jekk il-passi tekniċi u ekonomiċi xierqa kollha ttieħdu għall-minimizzazzjoni ta' l-użu kritiku u kull emissjoni assoċjata tal-bromid tal-metil. Applikant għandu wkoll juri li qiegħed isir sforz xieraq għall-evalwazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-aċċertament ta' l-approvazzjoni ta' regolazzjoni nazzjonali ta' l-alternattivi u tas-sostituti; u li l-programmi tar-riċerka jitwaqqfu sabiex ikun hemm lok għall-iżvilupp u l-użu ta' l-alternattivi u s-sostituti. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni rċeviet 79 proposta għall-użi kritiċi tal-bromid tal-metil minn disa' Stati Membri inkluż il-Belġju (44 070 kg), Franza (259 097 kg), il-Ġermanja (19 450 kg), l-Irlanda (1 250 kg), l-Italja (1 333 225 kg), il-Polonja (45 900 kg), il-Portugall (50 000 kg), Spanja (986 000 kg), l-Olanda (120 kg) u r-Renju Unit (139 285 kg). Intalab total ta' 2 878 397 kg, li jinkludi 2 690 275 kg (94 %) għal użi ta' qabel il-ħsad u 188 140 kg (6 %) għal użi ta' wara l-ħsad għall-bromid tal-metil. Sussegwentament, il-Ġermanja għarrfet lill-Kummissjoni li kienet irtirat il-proposti kollha tagħha għaliexx issa l-alternattivi huma disponibbli. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni applikat il-kriterji li jinsabu fid-Deċiżjoni IX/6 u fl-Artikolu 3(2)(ii) tar-Regolament (KE) Nru. 2037/2000 sabiex jiġi determinat l-ammont tal-bromid tal-metil li huwa eliġibbli li jkun liċenzjat għall-użu kritiku fl-2006. Il-Kummissjoni sabet li l-alternattivi xierqa kienu disponibbli fil-Komunità u li kienu saru aktar prevalenti f' ħafna Partijiet tal-Protokoll ta' Montreal fil-perjodu minn meta l-proposti ta' użu kritiku tlestew mill-Istati Membri. Bħala riżultat ta' dan, il-Kummissjoni ddeterminat li 1 607 587 kg ta' bromid tal-metil jistgħu jintużaw fl-2006 sabiex jissodisfaw l-użi kritiċi f' kull wieħed mil l-Istati Membri li kienu talbu l-użu tal-bromid tal-metil. Dan l-ammont huwa ugwali għal 8,4 % tal-konsum ta' l-1991 tal-bromid tal-metil fil-Komunità Ewropea u jindika li iktar minn 91,6 % tal-bromid tal-metil ġie ssostitwit minn alternattivi. Il-kategoriji ta' użi kritiċi huma simili għal dawk li huma definiti fl-Taqsima IIB fid-Deċiżjoni XVI/2 (3) u f'Tabella tad-Deċiżjoni XVI/I/9 tas-Sbatax -il Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Montreal (4). |
|
(5) |
L-Artikolu 3(2)(ii) jeħtieġ lill-Kummissjoni tiddetermina wkoll liema utenti jistgħu jieħdu vantaġġ mill-eżenzjoni ta' l-użi kritiċi. Billi l-Artikolu 17(2) jitlob lill-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-kondizzjonijiet ta' kwalifiki minimi għall-personal involut l-applikar tal-bromid tal-metil, u billi l-fumigazzjoni huwa l-uniku użu, il-Kummissjoni ddeterminat li l-fumigaturi tal-bromid tal-metil huma l-uniċi utenti proposti mill-Istati Membri u awtorizzati mill-Kummissjoni li japplikaw il-bromid tal-metil f' użi kritiċi. Il-fumigaturi huma kkwalifikati li japplikawh mingħajr periklu, minflok, per eżempju, il-bdiewa jew il-proprjetarji ta' l-imtieħen li huma ġeneralment mhux ikkwalifikati li japplikaw il-bromid tal-metil iżda li huma s-sidien ta' proprjetajiet li fihom dan jiġi applikat. Aktar minn hekk, l-Istati Membri ġabu fis-seħħ proċeduri biex jidentifikaw l-aġenti ta' fumigazzjoni fi ħdan it-territorju tagħhom li huma permessi li jużaw il-bromid tal-metil għall-użi kritiċi. |
|
(6) |
Id-Deċiżjoni IX/6 tistipola li l-produzzjoni u l-konsum tal-bromid tal-metil għall-użi kritiċi għandhom jiġu permessi biss jekk il-bromid tal-metil mhux disponibbli minn ħażniet eżistenti minn bromid tal-metil ibbankjat jew riċiklat. L-Artikoli 3(2)(ii) jistipolaw li l-produzzjoni u l-importazzjoni tal-bromid tal-metil għandha tiġi permessa biss jekk ebda bromid tal-metil riċiklat jew miġjub lura ma jkun disponibbli minn ebda Parti. Skond id-Deċiżjoni IX/6 u l-Artikolu 3(2)(ii), il-Kummissjoni ddeterminat li 50047 kg ta' ħażniet huma disponibbli għall-użi kritiċi. |
|
(7) |
L-Artikolu 4(2)(ii) jiddikjara li, soġġett għall-paragrafu 4, it-tqegħid fuq is-suq u l-użu ta' bromid tal-metil minn intrapriżi apparti minn produtturi jew importaturi għandu jkun projbit wara l-31 ta' Diċembru 2005. L-Artikolu 4(4) jiddikjara li l-Artikolu 4(2) m'għandux japplika japplikaw għat-tqegħid fuq is-suq u l-użu ta' sostanzi kontrollati jekk dawn ikunu wżati biex iwettqu t-talbiet liċenzjati għall-użu essenzjali ta' dawk l-utenti identifikati kif stabbilit fl-Artikolu 3(2). Għalhekk, minbarra l-produtturi u l-importaturi, il-fumigaturi li huma rreġistrati mill-Kummissjoni fl-2006 se jkollhom il-permess iqiegħdu fis-suq il-bromid tal-metil, u jużaw għall-użi essenzjali, wara l-31 ta’ Diċembru 2005. Tipikament, fumigatur jitlob importatur sew għall-importazzjoni u l-provvista tal-bromid tal-metil. Il-fumigaturi rreġistrati għall-użi essenzjali mill-Kummissjoni fl-2005 se jkollhom il-permess iressqu'l quddiem għall-2006 il-bromid tal-metil li jkun fadlilhom u li ma kienx ġie użat fl-2005 (stokks/ħażniet). Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet proċeduri ta' liċenzjar sabiex tillokalizza ħażniet bħal dawn ta' bromid tal-metil qabel ma' xi bromid tal-metil addizzjonali jiġi importat jew prodtt sabiex iwettaq it-talbiet liċenzjati għall-użi essenzjali fl-2006. |
|
(8) |
Tliet użi tal-bromid tal-metil huma kkategorizzati f'din id-Deċiżjoni bħala “bioċidi”, u għalihom japplikaw restrizzjonijiet addizzjonali. Ir-Regolament (KE) Nru 2032/2003 (5) iniżżel il-bromid tal-metil bħala sustanza bioċidi li ma tistax titqiegħed fis-suq wara l-1 ta’ Settembru 2006. Il-Kummissjoni tista' tawtorizza Stat Membru li juża l-bromid tal-metil wara din id-data sakemm l-Istat Membru juri li jikkonforma mal-kriterji għall-“użu essenzjali” skond l-Artikolu 4a tar-regolament 2032/2003. Il-kwantitajiet tal-bromid tal-metil għall-użi bioċidi li għalih hija meħtieġa awtorizzazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 2032/2003 għal kull użu wara l-1 ta’ Settembru 2006 huma murija fl-Annessi 1, 4 u 8 tad-Deċiżjoni. |
|
(9) |
Billi l-użi kritiċi tal-bromid tal-metil japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2006, u għall-finijiet ta' aċċertament li l-kumpaniji interessati u l-operaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-sistema ta' liċenzjar, huwa xieraq li din id-deċiżjoni preżenti għandha tapplika minn dik id-data. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f' din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000/KE. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika tal-Polonja, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq għandhom jiġu permessi li jużaw total ta' 1 607 587 kg ta' bromid tal-metil għall-użi kritiċi mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ l-2006 għall-kwantitajiet speċifiċi u l-kategoriji dwar l-użu deskritti fl-Annessi 1-8.
Artikolu 2
Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Taljana u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Iralnda ta' Fuq m'għandhom ikollhom permess jużaw il-bromid tal-metil għall-użi bioċidi mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru 2006 sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni għall-“użu essenzjali” għall-użi speċifiċi murija fl-Annessi 1, 4, u 8 lill-Istat Membru relevanti wara l-proċeduri deskritti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) NRu 2032/2003.
Artikolu 3
Il-ħażniet iddikjarati li huma disponibbli għall-użi kritiċi mill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom jitnaqqsu mill-ammont li jista' jiġi importat jew prodott sabiex jissodisfa l-użi kritiċi f' dak l-Istat Membru.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar ta’ l-2006 u tiskadi fil-31 ta’ Diċembru ta’ l-2006.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.
Magħmul fi Brussell, nhar it-28 ta’ April 2006.
Għall-Kummissjoni
Stavros DIMAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2006 (ĠU L 6, 11.1.2006, p. 27).
(2) Użi oħrajn huma għall-kwarantena u qabel ma ssir il-konsenja, bħala oġġetti ta' l-għalf u għall-użi fil-laboratorju u użi analitiċi.
(3) UNEP/OzL.Pro.16/17. Rapport tas-Sittax-il Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Montreal dwar is-Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff ta' l-Ożonu, li seħħet bejn it-22 u s-26 ta' Novembru 2004 fi Praga, ir-Repubblika Ċeka
www.unep.org/ozone/Meeting_Documents/mop/index.asp
(4) UNEP/OzL.Pro.17/11. Rapport tas-Sbatax-il Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Montreal dwar is-Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff ta' l-Ożonu, li seħħet bejn it-12 u s-16 ta' Diċembru 2005 f' Dakar, is-Senegal,
www.unep.org/ozone/Meeting_Documents/mop/index.asp
(5) ĠU L 307, 24.11.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1048/2005 (ĠU L 178, 9.7.2005, p. 1).
ANNESS I
Ir-Renju tal-Belġju
|
KG |
|
|
Kategoriji ta’ użi kritiċi permessi |
|
|
Mtieħen tad-dqiq (17-il mitħna) |
2 752 |
|
Artefatti (mużewijiet/sgs) (*1) |
307 |
|
TOTAL |
3 059 |
Ħażniet ta' bromid tal-metil disponibbli għall-użi kritiċi fl-Istat Membru = 479 kg
(*1) Il-bromid tal-metil ma jistax jintuża mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru 2006 sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni għall-użu essenzjali lill-Belġju għal dan l-użu bioċida skond l-Artikolu 4a tar-Regolament (KE) Nru 2032/2003.
ANNESS II
Ir-Renju ta' Spanja
|
KG |
|
|
Kategoriji ta’ użi kritiċi permessi |
|
|
Xtieli tal-frawli (ikkoltivati f’postijiet fil-għoli) |
230 000 |
|
Frott tal-frawli (Huelva, protetti) |
180 000 |
|
Bżar (protetti, f’Murcia u lejn in-nofsinhar tal-Comunidad Valenciana) |
50 000 |
|
Fjuri maqtugħin (Cataluňa, qronfol, li huma protetti u kkoltivati fil-miftuħ) |
15 000 |
|
Fjuri maqtugħin (protetti, f’Cadiz u Sevilla) |
39 000 |
|
Ross (ta’ wara l-ħsad) |
36 000 |
|
TOTAL |
550 000 |
Ħażniet ta' bromid tal-metil disponibbli għall-użi kritiċi fl-Istat Membru = 41 797 kg
ANNESS III
Ir-Repubblika Franċiża
|
KG |
|
|
Kategoriji ta’ użi kritiċi permessi |
|
|
Karotti tal-ħamrija ramlija speċjalisti (mkabbra fil-brittanja, maħsuda bl-idejn u suxxettibbli għall-fusarium solani u r-rhizoctonia violacea) |
5 000 |
|
Fjuri maqtugħin: ranunculus, anemone, paeonia u ġilju tal-widien fl-għelieqi fil-miftuħ |
12 000 |
|
Xtieli tal-frawli |
35 000 |
|
Mxietel għall-foresti |
1 500 |
|
Replant għall-imsaġar |
7 500 |
|
Mixtla: masġar, lampun |
2 000 |
|
Imtieħen |
8 000 |
|
Qastan |
1 800 |
|
Żrieragħ mibjugħa minn kumpanija plan-sg |
121 |
|
TOTAL |
72 921 |
Ħażniet ta' bromid tal-metil disponibbli għall-użi kritiċi fl-Istat Membru = 973 kg
ANNESS IV
Ir-Repubblika Taljana
|
KG |
|
|
Kategoriji ta’ użi kritiċi permessi |
|
|
Tadam (protett) |
495 000 |
|
Bżar (protett) |
73 000 |
|
Bettieħ (protett) |
38 000 |
|
Brunġiel (protett) |
40 000 |
|
Frott tal-frawli (protett) |
75 000 |
|
Xtieli tal-frawli |
60 000 |
|
Fjuri maqtugħa (protetti) |
74 000 |
|
Mtieħen, strutturi għall-ipproċessar ta’ l-ikel |
55 000 |
|
Artefatti (*1) |
5 000 |
|
TOTAL |
915 000 |
Stockks ta' bromid tal-metil disponibbli għall-użi kritiċi fl-Istat Membru = 951 136 kg
(*1) Il-bromid tal-metil ma jistax jintuża mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru 2006 sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni għall-użu essenzjali lill-Italja għal dan l-użu bijoċida skond l-Artikolu 4a tar-regolament (KE) Nru 2032/2003.
ANNESS V
L-Irlanda
|
KG |
|
|
Kategoriji ta’ użi kritiċi permessi |
|
|
Imtieħen tad-dqiq |
888 |
|
TOTAL |
888 |
Ħażniet ta' bromid tal-metil disponibbli għall-użi kritiċi fl-Istat Membru = 0 kg
ANNESS VI
Ir-Renju ta' l-Olanda
|
KG |
|
|
Kategoriji ta’ użi kritiċi permessi |
|
|
Diżinfettar għal wara l-ħsad tax-xtieli tal-frawli |
120 |
|
TOTAL |
120 |
ħażniet ta' bromid tal-metil disponibbli għall-użi kritiċi fl-istat membru = 0 kg
ANNESS VII
Ir-Repubblika tal-Polonja
|
KG |
|
|
Kategoriji ta’ użi kritiċi permessi |
|
|
Ħxejjex mediċinali u faqqiegħ niexef użati bħala prdotti niexfa |
2 700 |
|
Kakaw u kafè |
1 836 |
|
TOTAL |
32 536 |
Stocks ta' bromid tal-metil disponibbli għall-użi kritiċi fl-Istat Membru = 915,3 kg
ANNESS VIII
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq
|
KG |
|
|
Kategoriji ta’ użi kritiċi permessi |
|
|
Xtieli tal-frawli (protetti u fil-miftuħ) |
10 000 |
|
Produzzjoni ta’ siġar ornamentali għall-kontroll tad-dbiel minħabba l-Verticillium |
2 500 |
|
Lampun |
1 000 |
|
Mtieħen għall-qmuħ u għar-ross |
7 900 |
|
Stabilimenti tal-qamħ, il-qamħirrun u r-ross li huma operati mill-Quaker Oats, Kellogs, Weetabix Ltd, Ryecroft u EOM |
6 098 |
|
Impjanti għall-ipproċessar li huma assoċjati mal-ħxejjex u l-ħwawar u li huma operati mill-British Pepper and Spice Ltd, Lion Foods u East Anglian Food Ingredients |
1 591 |
|
Prodotti imnixxfin (ġewż, frott imqadded, ross, fażola, qmuħ taċ-ċereali, żrieragħ li jittieklu) għall-Whitworths Ltd |
900 |
|
Mtieħen, żoni ta’ proċessar ta’ l-ikel għall-gallettini, tal-prodott lest u għall-ħażna li huma operati mir-Ryvita Company Ltd (dorset) |
839 |
|
Strutturi — faċilitajiet u tagħmir, proċessar u ħażna operati mill-Whitworths Ltd |
450 |
|
Prodotti ta’ ħwawar li huma infestati okkażjonalment (inklużi l-Pappadams) ipproċessati mill-Mccormick (UK) Ltd, British Pepper u Spice Ltd, East Anglian Food Ingredients u Pataks Foods Ltd |
37 |
|
Mhażen speċjalizzati ghall-gobon (*1) |
1 248 |
|
TOTAL |
33 063 |
Stocks ta' bromid tal-metil disponibbli għall-użi kritiċi fl-Istat Membru = 5 227 kg
(*1) Il-bromid tal-metil ma jistax jintuża mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru 2006 sakemm ma tingħatx awtorizzazzjoni għall-użu essenzjali lir-Renju Unit għal dan l-użu bioċida skond l-Artikolu 4a tar-Regolament (KE) Nru 2032/2003.