8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

493


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta' Marzu 2006

dwar ċerti miżuri ta' ħarsien għal importazzjonijiet mill-Bulgarija li għandhom x'jaqsmu ma' l-influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja f'dak il-pajjiż terz

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 890)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/247/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u partikolarment l-Artikolu 18 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u partikolarment l-Artikolu 22 tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur ta' l-irziezet u għasafar oħra, li tikkawża mwiet u disturbi li malajr jistgħu jiksbu daqs epiżootiku li kapaċi jkunu ta' theddida serja għas-saħħa pubblika u dik ta' l-annimali u li jnaqqsu sew il-profittabbiltà tat-trobbija tat-tjur ta' l-irziezet. Hemm riskju li l-aġent tal-marda jista' jiddaħħal fil-Komunità permezz tal-kummerċ internazzjonali fit-tjur ħajjin u fil-prodotti tat-tjur.

(2)

Il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni l-iżolament ta' virus ta' l-influwenza A tas-sottotip H5N1 tar-razza Ażjatika miġbur minn każ kliniku fit-tjur selvaġġi.

(3)

Il-Bulgarija hija inkluża fil-lista tal-Parti I ta' l-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/482/KE tat-12 ta' Lulju 1996 li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta' saħħa ta' l-annimali u ċertifikati veterinarji għall-importazzjoni ta' tjur u bajd ta' tfaqqis minbarra ta' għasafar li ma jtirux u l-bajd tagħhom minn pajjiżi terzi li jinkludu miżuri ta' saħħa li għandhom jiġu applikati wara l-importazzjoni (3). Dik il-lista tistipula l-pajjiżi terzi jew il-partijiet minn pajjiżi terzi li huma awtorizzati jużaw il-mudelli taċ-ċertifikati A sa D kif stipulati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni. L-importazzjonijiet ta' tjur ta' l-irziezet ħajjin, bajd għat-tifqis u flieles ta' jum mill-pajjiżi terzi jew il-partijiet tagħhom fil-lista tal-Parti I ta' l-Anness I għal dik id-Deċiżjoni huma awtorizzati jidħlu fil-Komunità.

(4)

Il-Bulgarija hija inkluża fil-lista fl-Annessi I u II għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/585/KE tas-7 ta' Settembru 2000, li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw importazzjonijiet ta' laħam tal-fenek u ċertu laħam ta' annimali tal-kaċċa selvaġġi jew imrobbija, u li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali u tal-pubbliku u taċ-ċertifikazzjoni veterinarja għal dawn l-importazzjonijiet (4). Għaldaqstant, l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' laħam ta' tjur tal-kaċċa mill-Bulgarija huma permessi.

(5)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, jixraq għalhekk li jiġu sospiżi l-importazzjonijiet ta' tjur ta' l-irziezet ħajjin, ratiti u tjur tal-kaċċa, imrobbi jew selvaġġ, u l-bajd għat-tifqis ta' dawk l-ispeċijiet li jiġi mit-territorju kollu tal-Bulgarija.

(6)

Minbarra dik is-sospensjoni, jixraq ukoll li jiġu sospiżi l-importazzjonijiet ta' laħam frisk ta' tjur tal-kaċċa u importazzjonijiet ta' laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi jew li fihom laħam ta' dawk l-ispeċijiet, kif ukoll ċerti prodotti oħrajn ta' tjur li joriġinaw mill-Bulgarija.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/812/KE tas-17 ta' Novembru 2003 li tifformula lista ta' pajjiżi terzi minfejn l-Istati Membri huma awtorizzati li jimportaw ċerti prodotti għall-konsum mill-bnedmin mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE (5), tipprevedi li l-lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet minn pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri għanhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta' bajd maħsuba għall-konsum mill-bniedem hija l-lista fl-Anness għad-Deċiżjoni 94/85/KE tas-16 ta' Frar 1994 li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw importazzjonijiet ta' laħam tat-tjur frisk (6). Meta wieħed iqis l-istagun li ġej fejn l-għasafar selvaġġi jbidu, l-importazzjonijiet ta' bajd mill-Bulgarija għall-konsum mill-bniedem miġbura mill-għasafar selvaġġi għandha tiġi pprojbita wkoll.

(8)

Meta wieħed iqis il-qagħda epidemjoloġika attwali fil-Bulgarija u l-fatt li dak il-pajjiż applika ċerti miżuri għall-kontroll tal-mard u bagħat aktar informazzjoni lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tal-marda, jixraq li tiġi llimitata s-sospensjoni ta' l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ta' għasafar lil dawk il-partijiet tat-territorju tal-Bulgarija li huma milquta jew f'riskju mill-influenza tat-tjur.

(9)

Ċerti prodotti dderivati minn tjur tal-kaċċa selvaġġi kkaċċjati qabel l-1 ta' Awissu 2005 għandhom ikomplu jiġu awtorizzati minn dawk il-partijiet tal-Bulgarija, filwaqt li titqies l-epidemjoloġija tal-marda f'dawk il-partijiet ta' dak il-pajjiż.

(10)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/432/KE tat-3 ta' Ġunju 2005 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali u tal-pubbliku u mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta' prodotti tal-laħam għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 97/41/KE, 97/221/KE u 97/222/KE (7) tistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi jew partijiet minnhom minn fejn il-prodotti tal-laħam huma awtorizzati għall-importazzjoni fil-Komunità u tistabbilixxi reġimi ta' trattament għall-prodotti tal-laħam meqjusa effettivi fl-inattivazzjoni ta' ċerti patoġeni.

(11)

Sabiex ma jkunx hemm riskju ta' trażmissjoni tal-mard permezz tal-prodotti koperti mid-Deċiżjoni 2005/432/KE, għandu jkun applikat trattament xieraq skond il-qagħda tas-saħħa tal-pajjiż ta' l-oriġini u l-ispeċi li l-prodott jinkiseb minnha. Jixraq, għalhekk, li l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-laħam ta' tjur selvaġġ, li joriġinaw fil-Bulgarija u li kellhom trattament b'temperatura ta' għallinqas 70 oC fil-prodott kollu kemm hu, għandhom ikomplu jkunu awtorizzati għall-importazzjoni fil-Komunità.

(12)

Sabiex ikunu awtorizzati l-importazzjonijiet tal-laħam soġġetti għal trattament bis-sħana bizzejjed biex jinattiva kull virus possibbli fil-laħam, jeħtieġ li jkun speċifikat it-trattament rikjest għal laħam minn tjur tal-kaċċa selvaġġ fiċ-ċertifikati tas-saħħa mfassla skond l-Anness III u IV għad-Deċiżjoni 2005/432/KE.

(13)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-miżuri marbuta mal-marda ta' Newcastle fil-Bulgarija kif previst fid-Deċiżjoni 2005/648/KE tat-8 ta' Settembru 2005 dwar miżuri ta' ħarsien marbuta mal-marda ta' Newcastle fil-Bulgarija (8).

(14)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjonijiet ta'

a)

tjur ta' l-irziezet ħajjin, ratiti u tjur tal-kaċċa sew ta' l-irziezet kif ukoll selvaġġ u bajd għat-tifqis ta' dawn l-ispeċijiet li ġejjin mill-parti tat-territorju tal-Bulgarija msemmija fil-Parti A ta' l-Anness; u

b)

il-prodotti li ġejjin mill-parti tat-territorju tal-Bulgaria msemmija fil-Parti B ta' l-Anness:

i)

laħam frisk tat-tjur tal-kaċċa;

ii)

laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom, laħam tat-tjur tal-kaċċa selvaġġi;

iii)

ikel mhux imsajjar għall-annimali tad-dar u materjal mhux ipproċessat għall-għalf li fih kwalunkwe parti minn tjur tal-kaċċa selvaġġi;

iv)

bajd għall-konsum mill-bniedem minn tjur tal-kaċċa selvaġġi;

v)

trofej tal-kaċċa mhux trattati ta' kwalunkwe tip ta' għasfur;

vi)

rix mhux ittrattat u partijiet tar-rix;

vii)

demel mhux ipproċessat minn tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn.

Artikolu 2

1.   B'deroga mill-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet tal-prodotti msemmija fil-punt b) i), ii) u iii) ta' dak l-Artikolu, li jkunu nkisbu minn tjur ikkaċċjati qabel l-1 ta' Awissu 2005.

2.   Fiċ-ċertifikati veterinarji/fid-dokumenti kummerċjali li jakkumpanjaw il-konsenji tal-prodotti li jissemmew fl-Artikolu 1 b) i), ii) u iii), il-kelmiet li ġejjin, kif japplikaw b'mod xieraq għall-ispeċi, għandhom jiġu inklużi:

“Laħam frisk ta' tjur tal-kaċċa selvaġġ/laħam frisk ta' tjur tal-kaċċa/prodott tal-laħam li jikkonsisti minn, jew li fih, it-tjur tal-kaċċa selvaġġ/preparazzjoni tal-laħam li tikkonsisti fi, jew li fiha, laħam ta' tjur tal-kaċċa selvaġġ/ikel mhux imsajjar għall-annimali tad-dar u materjal mhux ipproċessat għall-għalf li fih kwalunkwe parti mit-tjur tal-kaċċa selvaġġ (1) miksuba minn għasafar ikkaċċjati qabel l-1 ta' Awissu 2005.

3.   B'deroga mill-Artikolu 1 b) ii), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet tal-prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom laħam tat-tjur selvaġġ bil-kundizzjoni li l-laħam ta' dawn l-ispeċijiet ikun għadda minn talanqas wieħed mill-proċessi speċifiċi msemmija fil-punti B, C jew D fil-Parti 4 ta' l-Anness II għad-Deċiżjoni 2005/432/KE.

4.   Il-proċess speċifiku applikat skond il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi speċifikat fil-punt 9.1, il-kolonna B, taċ-ċertifikat veterinarju mfassal skond il-mudell stabbilit fl-Anness III għad-Deċiżjoni 2005/432/KE, u l-kliem li ġej għandu jiżdied lil dak iċ-ċertifikat:

“Prodotti tal-laħam ipproċessati skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/247/KE”

5.   Il-proċess speċifiku applikat skond il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi ċċertifikat biż-żieda tal-kliem li ġej liċ-ċertifikat veterinarju mfassal skond il-mudell stabbilit fl-Anness IV għad-Deċiżjoni 2005/432/KE:

“Prodotti tal-laħam ipproċessati skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/247/KE”

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-importazzjoni tar-rix jew ta' partijiet tar-rix ipproċessat(i), dokument kummerċjali li jiddikjara li r-rix ipproċessat jew il-partijiet minnu jkunu ġew trattati b'kurrent tal-fwar jew inkella b'xi metodu ieħor li jiżgura li m'għad fadal l-ebda patoġenu, għandu jakkumpanja l-konsenja.

Madankollu, dak id-dokument kummerċjali ma għandux ikun rekwiżit għar-rix dekorattiv ipproċessat, ir-rix ipproċessat li jġorruh il-vjaġġaturi għall-użu personali tagħhom jew il-konsenji ta' rix ipproċessat mibgħuta lill-individwi privati għal finijiet mhux industrijali.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa minnufih sabiex ikunu konformi ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawk il-miżuri. Huma għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Mejju 2006.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, is-27 ta' Marzu 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(2)  ĠU L 24, 31.1.1998, p. 9. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; verżjoni kkoreġġuta fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).

(3)  ĠU L 196, 7.8.1996, p. 13. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2004/118/KE (ĠU L 36, 7.2.2004, p. 34).

(4)  ĠU L 251, 6.10.2000, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2004/413/KE (ĠU L 151, 30.4.2004, p. 57).

(5)  ĠU L 305, 22.11.2003, p. 17. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2004/19/KE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 84).

(6)  ĠU L 44, 17.2.1994, p. 31. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2004/118/EC.

(7)  ĠU L 151, 14.6.2005, p. 3.

(8)  ĠU L 238, 15.9.2005, p. 16.


ANNESS

Partijiet mit-territorju tal-Bulgarija msemmija fl-Artikolu 1 a) u b) rispettivament:

PARTI A

Kodiċi ISO tal-pajjiż

Isem il-Pajjiż

Deskrizzjoni tal-parti mit-territorju

BG

Il-Bulgarija

It-territorju kollu tal-Bulgarija

PARTI B

Kodiċi ISO tal-pajjiż

Isem il-Pajjiż

Deskrizzjoni tal-parti mit-territorju

BG

Il-Bulgarija

Fil-Bulgarija, il-kontej ta'

Vidin

Montana

Vratsa

Pleven

Veliko Tarnovo (iż-żona li tinsab fit-tramuntana ta' l-awtostrada E 771)

Russe

Razgrad

Silistra

Dobrich

Varna

Burgas