8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

483


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Marzu 2006

dwar kondizzjonijiet speċjali li jirregolaw il-prodotti tas-sajd li jiġu importati mill-Indonesja u li huma intenzjonati għall-konsum mill-bniedem

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 843)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/236/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi proċeduri fi kwistjonijiet tas-sigurtà ta' l-ikel (2), u partikolarment l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 97/78/KE u r-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-miżuri neċessarji għandhom jiġu adottati fir-rigward ta' l-importazzjonijiet ta' prodotti minn pajjiżi terzi li probabbilment jistgħu jikkawżaw periklu serju għas-saħħa ta' l-annimali jew dik tal-bniedem jew fejn dan il-periklu qed jiżdied.

(2)

Il-Ħistamina u l-metalli tqal ġew osservati fil-prodotti tas-sajd li huma importati mill-Indonesja u li huma intenzjonati għall-konsum mill-bniedem. Il-preżenza ta' dawn is-sustanzi fl-ikel tesponi lis-saħħa tal-bniedem għal riskju potenzjali.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/493/KEE tat-22 ta' Lulju 1991 li tistipola kondizzjonijiet tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti tas-sajd (3) tistabbilixxi proċedura ta' kampjunar u ta' analiżi għall-Ħistamina u l-livelli awtorizzati għaliha.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 466/2001 tat-8 ta' Marzu 2001 li jistabbilixxi livelli ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta' l-ikel (4) jistipola livelli ta' metalli tqal li huma permessi fil-ħut.

(5)

Ir-riżultati ta' l-aħħar spezzjonijiet tal-Komunità ta' l-Indonesja wrew in-nuqqasijiet konsiderevoli fir-rigward ta' l-iġjene fl-immaniġġjar tal-prodotti tas-sajd. B' tali nuqqasijiet ifisser li l-ħut mhux frisk daqs kemm għandu jkun u b' hekk imur malajr, bil-livelli għoljin tal-ħistamina fl-ispeċi rilevanti. L-ispezzjonijiet wrew wkoll nuqqasijiet serji fil-kapaċità ta' l-awtoritajiet Indonesjani biex iwettqu kontrolli tajbin fuq ħut, partikolarment biex jiddeterminaw il-preżenza tal-ħistamina u l-metalli tqal fl-ispeċi rilevanti.

(6)

L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli xierqa fuq il-prodotti tas-sajd mill-Indonesja fid-dħul tagħhom fil-fruntiera tal-Komunità sabiex jipprevjenu li prodotti mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem jitqiegħdu fis-suq.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi s-Sistema ta' Allarm Rapida għall-Ikel u l-Għalf li għandha tintuża biex tiġi implimentata l-kondizzjoni meħtieġa ta' informazzjoni reċiproka prevista fl-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 97/78/KE. Flimkien ma' dan l-Istati Membri se jżommu lill-Kummissjoni infurmata permezz ta' rapporti perjodiċi tar-riżultati analitiċi kollha tal-kontrolli uffiċjali li jkunu saru fir-rigward ta' konsenji ta' prodotti tas-sajd mill-Indonesja.

(8)

Din id-Deċiżjoni għandha terġa' tiġi riveduta fid-dawl tal-garanziji offruti mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Indonesja u fuq il-bażi tar-riżultati tat-testijiet imwettqa mill-Istati Membri.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ambitu

Id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-prodotti tas-sajd mill-Indonesja u li huma intenzjonati għall-konsum mill-bniedem.

Artikolu 2

Testijiet

1.   L-Istati Membri għandhom, permezz ta' pjanijiet u metodi ta' kampjunar u ta' osservanza xierqa, jaċċertaw li kull konsenja ta' prodotti li huma koperti mill-Artikolu 1 jgħaddu minn testijet meħtieġa li jaċċertaw li l-prodotti kkonċernati ma jaqbżux il-livelli massimi stipolati fir-Regolament (KE) 466/2001 għall-metalli tqal.

Aktar minn hekk, fil-każ ta' l-ispeċi li jagħmlu parti mill-familji scombridae, clupeidae, engraulidae u coryphaenidae, għandu jsir test għall-osservanza tal-preżenza tal-ħistamina sabiex jaċċertaw li l-livelli jibqgħu taħt dawk stabbiliti mid-direttiva 91/493.

2.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport tar-riżultati analitiċi kollha tal-kontrolli uffiċjali fuq konsenji ta' prodotti koperti f'paragrafu 1 lill-Kummissjoni kull tliet xhur. Dan ir-rapport għandu jiġi sottomess matul ix-xahar ta' wara kull perjodu ta' tliet xhur (April, Lulju, Ottubru, u Jannar).

Artikolu 3

Riżultati negattivi

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet fit-territorju tagħhom jew konsenji lejn Stat Membru ieħor kif jissemma fl-Artikolu 1 li jinsabu li huma ogħla mil-livelli massimi fit-testijiet li jissemmew fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 4

Ħlas tan-nefqa

In-nefqa kollha li tkun saret biex tiġi applikata din id-Deċiżjoni għandha tiġi mħallsa mill-konsenjatur, mid-destinatarju jew mill-aġent ta' wieħed minnhom.

Artikolu 5

Konformità

L-Istati Membri għandhom jinformaw mill-ewwel lill-Kummissjoni bil-miżuri li huma jieħdu biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Reviżjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta skond il-bażi tal-garanziji pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Indonesja u tar-riżultati tat-testijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2.

Artikolu 7

Lil min hi ndirizzata

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Regolament kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(2)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 1642/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 4).

(3)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 15. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(4)  ĠU L 77, 16.3.2001, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 199/2006 (ĠU L 32, 4.2.2006, p. 34).