8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

439


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta' Frar 2006

biex tgħaqqad grupp ta' esperti regolatorji nazzjonali ta' livell għoli

(2006/210/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Marzu 2005 il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni msejħa Regolazzjoni Aħjar għat-Tkabbir u l-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea  (1), li fiha ħabbret li matul l-2005 kien bi ħsiebha tgħaqqad grupp ta' esperti regolatorji nazzjonali ta' livell għoli biex jitħaffef l-iżvilupp ta' miżuri regolattivi aħjar kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll ta' l-UE.

(2)

Dan il-grupp għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet regolatorji ġenerali; m'għandux jagħti l-opinjonijiet tiegħu dwar inizjattivi jew proġetti li għandhom x'jaqsmu ma' l-iżvilupp ta' proposti leġiżlattivi speċifiċi.

(3)

Il-grupp għandu jkun magħmul minn esperti nazzjonali ta' livell għoli maħtura mill-Kummissjoni fuq il-proposti mill-Istati Membri, u miftuħ għal osservaturi mill-pajjiżi fi triqthom għall-adeżjoni.

(4)

Il-grupp ta' esperti regolatorji nazzjonali ta' livell għoli għandu għalhekk jiġi ffurmat u mogħti d-dettalji dwar il-mandat tiegħu u definizzjoni ta' l-istrutturi tiegħu.

IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

B'dan, il-Kummissjoni hawn tistabbilixxi grupp ta' esperti msejjaħ “Il-Grupp ta' esperti regolatorji nazzjonali ta' livell għoli”, li minn issa 'l quddiem ir-referenza għalih tkun “il-grupp”.

Artikolu 2

Missjoni

Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-grupp dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw politika regolatorja aħjar u l-iżvilupp ta' miżuri relatati fuq livell nazzjonali kif ukoll ta' l-UE.

Il-missjoni tal-grupp hija biex:

iservi ta' intermedjarju effikaċi bejn il-Kummissjoni u awtoritajiet governattivi ewlenin, sabiex jipprovdi għajnuna lill-Kummissjoni fit-titjib ta' l-ambjent regolatorju għall-impriżi, l-industrija, il-konsumaturi, l-imsieħba soċjali u ċ-ċittadini in ġenerali;

jikkontribwixxi għat-tixrid ta' l-aħjar prattika żviluppata fuq il-livell ta' l-UE u dak nazzjonali fir-rigward ta' regolazzjoni aħjar fl-UE;

isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri bil-għan li tkun implimentata regolazzjoni aħjar fuq livell nazzjonali; b'mod partikolari, biex, bħala grupp, il-membri flimkien jeżaminaw kif l-Istati Membri jittrasportaw u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni ta' l-UE (jiġifieri l-introduzzjoni ta' obbliġi jew proċeduri supplimentari fil-proċess tat-trasportazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja);

jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sett koerenti ta' indikaturi komuni biex issir sorveljanza tal-progress fir-rigward tal-kwalità ta' l-ambjent regolatorju kemm fuq il-livell ta' l-UE kif ukoll fl-Istati Membri nfushom, u b'hekk tiġi stabbilita bażi ta' valutazzjoni komparattiva fil-kuntest tal-programmi nazzjonali tagħhom ta' Lisbona;

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta' regolazzjoni aħjar, b'mod partikolari: is-simplifikazzjoni; l-analiżi ta' l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, inklużi l-ispejjeż amministrattivi; il-prattika konsultattiva; u d-diversi tipi ta' regolazzjoni li huwa possibbli li wieħed ifassal.

Artikolu 3

Kompożizzjoni — Nominazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tordna lis-Segretarju Ġenerali tagħha jkun responsabbli biex jaħtar il-membri tal-grupp li jintgħażlu minn fost il-kandidati proposti mill-Istati Membri.

2.   Il-grupp għandu jkun magħmul minn membru wieħed jew, f'xi każi eċċezzjonali (2), żewġ membri minn kull Stat Membru. Membri alternattivi jistgħu jinħatru mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni wara proposta mill-Istat Membru u dawn awtomatikament jidħlu minflok dawk il-membri li jkunu assenti jew indisposti.

3.   Japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

il-membri għandhom ikunu uffiċjali ta' livell għoli u ta' esperjenza fil-qasam konċernat u jkunu jirrappreżentaw awtorità pubblika;

Il-membri jinħatru għal mandat ta' sena li jista' jiġġedded. Għandhom jibqgħu fil-kariga sa meta jiġu ssostitwiti jew jispiċċalhom il-mandat.

il-membri li ma jkunux jistgħu jikkontribwixxu aktar b'mod effikaċi fil-ħidmiet tal-grupp, li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom jew li ma jirrispettawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel jew it-tieni punt ta' dan l-Artikolu jew ta' l-Artikolu 287 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jistgħu jkunu sostitwiti għall-perjodu taż-żmien li jkun fadallu l-mandat tagħhom;

l-ismijiet tal-membri maħtura għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit ta' l-Internet tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Operazzjoni

1.   Il-grupp jaħdem taħt il-presidenza tal-Kummissjoni.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu subgruppi biex jeżaminaw il-mistoqsijiet speċifiċi skond it-termini ta' referenza stabbiliti mill-grupp; kif ilestu minn din il-ħidma, is-subgruppi għandhom jiżbandaw.

3.   Il-presidenza tista' tistieden esperti b'għarfien speċjalizzat ta' suġġett fuq l-aġenda u osservaturi, inklużi rappreżentanti ta' pajjiżi fi triqthom lejn l-adeżjoni (3), biex jattendu l-laqgħat tal-grupp jew is-subgruppi meta dan ikun ta' siwi u/jew meħtieġ.

4.   L-informazzjoni miksuba permezz tal-parteċipazzjoni fil-ħidmiet tal-grupp jew is-subgruppi ma tistax tinħareġ jekk il-Kummissjoni tesiġi l-konfidenzjalità.

5.   Il-grupp u s-subgruppi tiegħu normalment għandhom jiltaqgħu f'waħda mil-lokalitajiet fejn il-Kummissjoni u d-dipartimenti tagħha huma stabbiliti, skond il-proċeduri u l-kalendarju ffissati minnhom. Is-segretarjat għandu jkun ipprovdut mill-Kummissjoni.

6.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu fuq il-bażi tar-regoli standard ta' proċedura adottati mill-Kummissjoni (4).

7.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi għajnuna segretarjali lill-grupp u lil kull subgrupp maħluq skond l-Artikolu 4(2) ta' din id-Deċiżjoni.

8.   Il-Kummissjoni tista' tippubblika fuq l-Internet, bil-lingwa(i) ta' ħidma tal-grupp, kull sommarju, konklużjoni, jew parti minn konklużjoni jew dokument ta' ħidma tal-grupp. Id-dokumenti ta' ħidma għandhom ikunu ppubblikati fil-verżjonijiet differenti lingwistiċi li jkunu disponibbli.

Artikolu 5

Spejjeż tal-laqgħat

Il-Kummissjoni għandha tirrifondi l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u, fejn xieraq, ta' l-għajxien maħruġa mill-membri, l-esperti u l-osservaturi f'konnessjoni ma' l-attivitajiet tal-grupp skond ir-regoli interni tal-Kummissjoni għall-kumpens lill-esperti interni. Il-Kummissjoni għandha tirrifondi l-ispejjeż ta' membru wieħed tal-grupp ta' esperti regolatorji nazzjonali ta' livell għoli għal kull Stat Membru. Il-membri ma jirċevux ħlas għas-servizzi tagħhom.

L-ispejjeż tal-laqgħat huma rimburżati fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni.

Artikolu 6

Id-dħul fis-seħħ

Id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tkun adottata mill-Kummissjoni. Għandha tibqa' tapplika sal-31 ta' Diċembru 2009.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Frar 2006.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  Com (2005) 97 finali, 16 ta' Marzu 2005.

(2)  Il-Kummissjoni tista' taħtar żewġ membri biex jirrapreżentaw Stat Membru jekk ikun jeżisti qsim ta' kompetenza fuq il-livell amministrattiv nazzjonali ta' dak l-Istat.

(3)  Dan jikkonċerna lill-esperti minn Stati aderenti li jkunu ffirmaw it-Trattat ta' Sħubija skond il-Komunikazzjoni “Lejn it-Tkabbir ta' l-Unjoni — Dokument ta' Strateġija u rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress ta' kull wieħed mill-pajjiżi kandidati fit-triq lejn l-adeżjoni” tad-9 ta' Ottubru 2002 [COM(2002) 700 finali] u bl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 874 ta' l-24 ta' Marzu 2005, bil-għan li tkun rinfurzata l-integrazzjoni progressiva tal-pajjiżi aderenti fl-istrutturi Komunitarji.

(4)  Ara l-Anness III ta' l-SEC(2005) 1004 adottat mill-Kummissjoni fis-27 ta' Lulju 2005.