8.3.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 68/37


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Frar 2006

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2001/645/KE li taċċetta garanziji offruti b’konnessjoni mal-proċediment anti-dumping fir-rigward ta' l-importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene li joriġinaw, inter alia, fl-Indja.

(2006/173/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-ħarsien minn importazzjonijiet taħt il-prezz minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA PREĊEDENTI

(1)

Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 (2) impona miżuri anti-dumping definittivi fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (“PET”) li joriġinaw, inter alia, fl-Indja. Il-miżuri ħadu x-xejra ta' dazju ad valorem li jvarja bejn 0 % u 62,6 % fuq l-importazzjonijiet ta' tertuqa PET li joriġinaw fl-Indja.

(2)

Fit-22 ta’Awissu 2001, il-Kummissjoni aċċettatat b’Deċiżjoni (2001/645/KE) (3), garanziji ta’ ħames produtturi Indjani: Ester Industries Limited (“Ester”), Flex Industries Limited (“Flex”), Garware Polyester Limited (“Garware”), MTZ Polyfilms Limited (“MTZ”), u Polyplex Corporation Limited (“Polyplex”).

(3)

Fit-22 ta’ Novembru 2003 (4), il-Kummissjoni bdiet reviżjoni interim parzjali tar- Regolament (KE) Nru 1676/2001 limitata għall-forma ta’ miżuri anti-dumping definittivi. Din l-investigazzjoni ġiet konkluża bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 365/2006 (5) li emenda r-Regolament (KE) Nru 1676/2001.

B.   IRTIRAR TA’ L-AĊĊETTAZZJONI TAL-GARANZIJA

(4)

Kif imsemmi fil-premessi 22 sa 25 tar-Regolament (KE) Nru 365/2006, u wara li ġew ikkonsultati l-partijiet ikkonċernati kollha, il-garanzija fil-forma attwali tagħha mhux adegwata biex tikkumpensa għall-effett offensiv tad-dumping peress li tirrikjedi sorveljanza konsiderevoli, u hemm ukoll diffikultajiet ta’ nfurzar u riskji li m'humiex aċċettabbli. Fuq din il-bażi, kif ukoll bi qbil mal-klawżoli rilevanti tal-garanzija kkonċernata, li jawtorizzaw lill-Kummissjoni li tirtira l-aċċettazzjoni tal-garanzija b’mod unilaterali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira l-aċċettazzjoni tal-garanzija.

(5)

Il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Indjani u l-produtturi esportaturi Indjani kkonċernati fir-Regolament (KE) Nru 365/2006 li pproponiet li tirtira l-aċċettazzjoni tal-garanzija attwali. Il-partijiet interessati ingħataw l-opportunità li jikkummentaw.

(6)

Dawn il-kummenti huma indirizzati fil-premessi (27) sa (31) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 365/2006.

Ċ.   REVOKA TAD-DEĊIŻJONI 2001/645/KE

(7)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, id-Deċiżjoni 2001/645/KE li taċċetta garanzija mill-Ester Industries Limited (“Ester”), Flex Industries Limited (“Flex”), Garware Polyester Limited (“Garware”), MTZ Polyfilms Limited (“MTZ”), u Polyplex Corporation Limited (“Polyplex”) għandha tiġi rrevokata.

(8)

Fl-istess waqt ma’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 366/2006 (6), impona dazji definittivi anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (“PET”) lejn il-Komunità li joriġinaw, inter alia, fl-Indja,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2001/645/KE hi b’dan irrevokata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, it-13 ta’ Frar 2006.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 227, 23.8.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 227, 23.8.2001, p. 56.

(4)  ĠU C 281, 22.11.2003, p. 4.

(5)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  Ara paġna 6 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.