4.2.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

18


ID-DEĊIŻJONI Nru 167/2006/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Jannar 2006

li tikkonċerna l-attivitajiet ta’ ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tan-navigazzjoni merkantili

(Verżjoni kodifikata)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 78/774/KEE tad-19 ta’ Settembru 1978 dwar l-attivitajiet ta’ ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tan-navigazzjoni merkantili (3) ġiet emendata b’mod sostanzjali (4). Għal raġunijiet ta’ iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Deċiżjoni għandha tkun kodifikata.

(2)

Sistemi ta’ informazzjoni għandhom ikunu stabbiliti biex jippermettu li l-istituzzjonijiet tal-Komunità jinżammu infurmati dwar l-attivitajiet tal-flottot ta’ terzi pajjiżi li l- prassi tagħhom huwa ta’ ħsara għall-interessi tan-navigazzjoni ta’ l-Istati Membri u b’mod partikolari safejn dawn l-attivitajiet jaffettwaw b’mod ħażin il-parteċipazzjoni kompetittiva tal-flotot ta’ l-Istati Membri fil-kummerċ marittimu internazzjonali. Dawn is-sistemi ta’ informazzjoni għandhom jiffaċilitaw il-konsultazzjoni fuq livell Komunitarju.

(3)

Għandha tkun ipprovduta il-possibiltà li l-miżuri meħtieġa jiġu adottati fuq livell Komunitarju għall-eżerċizzju konġunt mill-Istati Membri tal-poteri tagħhom li jadottaw kontromiżuri fir-rigward ta’ l-attivitajiet tan-navigazzjoni merkantili ta’ ċerti pajjiżi terzi,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex jimplimenta sistema li tippermettih li jiġbor informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-flotot ta’ pajjiżi terzi li jsegwu prassi li huwa ta’ ħsara għall-interessi tan-navigazzjoni ta’ l-Istati Membri u b’mod partikolari safejn dawn l-attivitajiet jaffettwaw b’mod ħażin il-parteċipazzjoni kompetittiva tal-flotot ta’ l-Istati Membri fil-kummerċ marittimu internazzjonali.

Din is-sistema għandha tippermetti safejn meħtieġ lil kull Stat Membru biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, biex jiġbor informazzjoni dwar:

(a)

il-livell ta’ servizzi ta’ navigazzjoni merkantili offruti;

(b)

in-natura, il-volum, il-valur, l-oriġini u d-destinazjoni ta’ merkanzija mgħobbija jew imħatta fl-Istati Membri konċernati mill-bastimenti mqabbdin biex jaħdmu f’dawn is-servizzi;

u

(ċ)

il-livell ta’ tariffi għal tali servizzi.

Artikolu 2

1.   Il-Kunsill b’maġġoranza kkwalifikata, għandu jiddeċiedi lil liema flotot ta’ pajjiżi terzi s-sistema ta’ l-informazzjoni għandha tiġi applikata b’mod konġunt.

2.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika t-tip ta’ navigazzjoni merkantili li għaliha għandha tapplika s-sistema ta’ informazzjoni, id-data ta’ l-introduzzjoni tagħha, l-intervalli li fihom għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni u liema tipi ta’ informazzjoni mniżżlin fit-tieni paragrafu ta’ l- Artikolu 1 għandhom jinġabru.

3.   Kull Stat Membru għandu jgħaddi lill-Kummissjoni, perjodikament jew fuq it-talba ta’ dan ta’ l-aħħar, l-informazzjoni prodotta mis-sistema ta’ informazzjoni tiegħu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiġbor l-informazzjoni għall-Komunità kollha. L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/587/KEE tat-13 ta’ Settembru 1977 li tistabbilixxi proċedura ta’ konsultazzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fuq kwistjonijiet ta’ trasport bil-baħar u fuq azzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet f’organizzazzjonijiet internazzjonali (5) għandu japplika għal dik l-informazzjoni.

Artikolu 3

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw regolarment, fi ħdan l-istruttura tal-proċedura ta’ konsultazzjoni stabbilita mid-Deċiżjoni 77/587/KEE u fuq il-bażi inter alia ta’ l-informazzjoni prodotta mis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, l-attivitajiet tal-flotot ta’ pajjiżi terzi speċifikati fid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 (1).

Artikolu 4

Il-Kunsill b’mod unanimu jista’ jiddeċiedi fuq l-applikazzjoni konġunt mill-Istati Membri fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiż terz jew grupp ta’ pajjiżi terzi li dwarhom deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 2 (1) tkun adottata, ta’ kontromiżuri xierqa li jiffurmaw parti mil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li japplikaw unilateralment is-sistemi ta’ informazzjoni nazzjonali tagħhom u l-kontromiżuri.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni 78/774/KEE hija permezz ta’ dan imħassra bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

Referenzi magħmula għad-Deċiżjoni li ġiet imħassra għandhom jiġu implimentati billi jirreferu għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar it-18 ta’ Jannar 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  ĠU C 110, tat-30.4.2004, p. 14.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2004 (ĠU C 102 E, tat-28.4.2004, p. 107) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005.

(3)  ĠU L 258, tal-21.9.1978, p. 35. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 89/242/KEE (ĠU L 97, tal-11.4.1989, p. 47).

(4)  Ara l-Anness I.

(5)  ĠU L 239, tas-17.9.1977, p. 23.


ANNESS I

Deċiżjoni mħassra flimkien ma’ l-emendament tagħha

Deċiżjoni tal-Kunsill 78/774/KEE

(ĠU L 258, tal-21.9.1978, p. 35)

Deċiżjoni tal-Kunsill 89/242/KEE

(ĠU L 97, tal-11.4.1989, p. 47)


ANNESS II

Tabella Ta Korrelazzjoni

Deċiżjoni 78/774/KEE

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1, paragrafu 1

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu.

Artikolu 1, paragrafu 2, sentenza tal-bidu

Artikolu 1, it-tieni paragrafu, sentenza tal-bidu

Artikolu 1, paragrafu 2, l-ewwel inċiż

Artikolu 1, it-tieni paragrafu, punt (a)

Artikolu 1, paragrafu 2, it-tieni inċiż

Artikolu 1, it-tieni paragrafu, punt (b)

Artikolu 1, paragrafu 2, it-tielet inċiż

Artikolu 1, it-tieni paragrafu, punt (ċ)

Artikoli 2-5

Artikoli 2-5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Anness I

Anness II