29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

268


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta' l-20 ta' Frar 2006

dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mal-Kroazja u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/648/KE

(2006/145/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 533/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 dwar it-twaqqif ta' Sħubiji fil-qafas tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1a u l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 approva l-introduzzjoni tas-Sħubiji bħala mezz li bihom isseħħ il-perspettiva Ewropea dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 533/2004 jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li għandhom ikunu jinsabu fis-Sħubiji, kif ukoll dwar kull aġġustament sussegwenti.

(3)

Il-Kunsill adotta fit-13 ta' Settembru 2004 Sħubija Ewropea mal-Kroazja (2).

(4)

Fit-3 ta' Ottubru 2005, l-Istati Membri bdew in-negozjati mal-Kroazja dwar l-adeżjoni tagħha ma' l-Unjoni Ewropea. L-avvanz tan-negozjati sejjer jiġi ggwidat mill-progress tal-Kroazja fit-tħejjija għall-adeżjoni, li sejjer jitqies, inter alia, fir-rigward ta' l-implementazzjoni tas-Sħubija, kif riveduta regolarment.

(5)

Jixraq għalhekk li tiġi adottata Sħubija għall-Adeżjoni li taġġorna s-Sħubija attwali sabiex tidentifika prijoritajiet imġedda għal iżjed xogħol, abbażi tal-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Progress ta' l-2005 dwar it-tħejjijiet tal-Kroazja għal aktar integrazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea.

(6)

Ir-Regolament (KE) 533/2004 iddikjara li s-segwitu għas-Sħubiji għall-Adeżjoni sejjer jiġi żgurat fi ħdan il-qafas tal-mekkaniżmi stabbiliti skond il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(7)

Sabiex tħejji għal aktar integrazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea, il-Kroazja mistennija tiżviluppa pjan bi programm u b'miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-prijoritajiet ta' din is-Sħubija għall-Adeżjoni.

(8)

Id-Deċiżjoni 2004/648/KE għandha għalhekk tiġi mħassra,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Konformement ma' l-Artikolu 1a tar-Regolament (KE) Nru 533/2004, il-prinċipji, il-prijoritatjiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mal-Kroazja huma disposti fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni li jifforma parti integrali minnha.

Artikolu 2

L-implementazzjoni tas-Sħubija għall-Adeżjoni għandha tiġi eżaminata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti skond il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, notevolment ir-Rapporti ta' Progress annwali preżentati mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni 2004/648/KE hija b'dan imħassra.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, nhar il-20 ta' Frar 2006,

Għall-Kunsill

Il-President

J. PRÖLL


(1)  ĠU L 86, 24.3.2004, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 269/2006 (ĠU L 47, 17.2.2006, p. 7).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/648/KE tat-13 ta' Settembru 2004 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija Ewropea mal-Kroazja — ĠU L 297, 22.9.2004, p. 19.


ANNESS

IL-KROAZJA: SĦUBIJA GĦALL-ADEŻJONI 2005

1.   INTRODUZZJONI

Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki approva l-introduzzjoni tas-Sħubiji bħala mezz li bihom isseħħ il-perspettiva Ewropea dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Ġiet adottata mill-Kunsill Sħubija Ewropea mal-Kroazja fit-13 ta' Settembru 2004. Fit-3 ta' Ottubru 2005, l-Istati Membri bdew in-negozjati mal-Kroazja dwar l-adeżjoni tagħha ma' l-Unjoni Ewropea. Jixraq li tiġi adottata Sħubija għall-Adeżjoni li taġġorna s-Sħubija Ewropea ta' qabel abbażi tal-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Progress ta' l-2005 tal-Kummissjoni dwar il-Kroazja. Din is-Sħubija ġdida għall-Adeżjoni tidentifika prijoritajiet ġodda għal azzjoni. Il-prijoritajiet ġodda huma adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi u għall-istadju tat-tħejjijiet tal-pajjiż u jkunu aġġornati kif ikun meħtieġ. Is-Sħubija għall-Adeżjoni tipprovdi wkoll gwida għall-assistenza finanzjarja lill-pajjiż.

Il-Kroazja hija mistennija tiżviluppa pjan li jinkludi programm u miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-prijoritajiet tas-Sħubija għall-Adeżjoni.

2.   PRINĊIPJI

Il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jibqa' l-qafas għat-triq lejn l-Ewropa tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, sa l-adeżjoni futura tagħhom.

Il-prijoritajiet ewlenin identifikati għall-Kroazja jikkonċernaw il-kapaċità tagħha li tagħmel progress fit-tħejjijiet għall-adeżjoni, u b'mod partikolari għall-kapaċità tagħha li tilħaq il-kriterji definiti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen ta' l-1993 u l-kondizzjonijiet stabbiliti għall-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, notevolment il-kondizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997 u tal-21 u t-22 ta' Ġunju 1999, il-kontenut tad-dikjarazzjoni finali tal-Laqgħa Għolja ta' Żagreb ta' l-24 ta' Novembru 2000 u l-Aġenda ta' Tessaloniki, u l-ħtiġijiet tal-qafas tan-negozjati adottat mill-Kunsill fit-3 ta' Ottubru 2005.

3.   PRIJORITAJIET

Il-prijoritajiet elenkati f'din is-Sħubija għall-Adeżjoni ġew magħżula fuq il-bażi li huwa realistiku li tistenna li l-Kroazja tista' tlestihom jew tmexxihom sostanzjalment 'il quddiem matul il-ftit snin li ġejjin. Qiegħda ssir distinzjoni bejn prijoritajiet għal żmien qasir, li huma mistennija li jitlestew fi żmien sena jew sentejn, u prijoritajiet għal żmien medju, li huma mistennija jitlestew fi żmien tlieta jew erba' snin. Il-prijoritajiet jikkonċernaw kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni tagħha. B'kont meħud ta' l-ispejjeż sostanzjali meħtieġa għall-implementazzjoni u l-infurzar ta' l-acquis kif ukoll tal-kumplessità tal-ħtiġijiet ta' l-UE f'ċerti oqsma, din is-Sħubija ma tinkludix il-kompiti importanti kollha f'dan l-istadju. Is-Sħubiji futuri sejrin jinkludu prijoritajiet ulterjuri konformement mal-progress magħmul mill-pajjiż.

Fost il-prijoritajiet fuq medda ta' żmien qasir, il-prijoritajiet ewlenin ġew identifikati u miġbura flimkien fi grupp fil-bidu tat-Taqsima 3.1. L-ordni ta' dawn il-prijoritajiet ewlenin ma timplikax klassifika gradatorja ta' l-importanza tagħhom.

3.1.   PRIJORITAJIET GĦAL ŻMIEN QASIR

Prijoritajiet Ewlenin

L-implementazzjoni ta' l-istrateġija u tal-pjan ta' azzjoni għar-riforma ġudizzjarja b'konsultazzjoni mal-korpi interessati, inkluża l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida meħtieġa.

L-adozzjoni u l-varar ta' l-implementazzjoni ta' strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-provvediment għall-koordinazzjoni meħtieġa fost id-dipartimenti u l-korpi rilevanti tal-gvern involuti fl-implementazzjoni tagħha, inkluża l-kisba tal-funzjonalità sħiħa ta' l-Uffiċċju għas-Soppressjoni tal-Korruzzjoni u tal-Kriminalità Organizzata.

L-aċċelerament ta' l-implementazzjoni tad-Liġi Kostituzzjonali dwar Minoranzi Nazzjonali. B'mod partikolari, miżuri urġenti li jiżguraw ir-rappreżentanza proporzjonali tal-minoranzi f'unitajiet ta' awtogvernar lokali u reġjonali, fl-amministrazzjoni statali u fil-korpi ġudizzjarji, u fil-korpi ta' l-amministrazzjoni pubblika.

Il-tlestija tal-proċess tar-ritorn tar-rifuġjati, inklużi l-każijiet kollha ta' rkupru tal-beni, rikostruzzjoni u assistenza għad-djar għal dawk li qabel kienu d-detenturi tad-drittijiet ta' l-pussess/kiri, u iktar tisħiħ tal-koperazzjoni reġjonali sabiex jiġi aċċelerat il-proċess tar-ritorn tar-rifuġjati u l-integrazzjoni lokali, b'mod partikolari b'kontribut lejn l-implementazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo.

Il-kontinwazzjoni ta' sforzi mmirati lejn ir-rikonċiljazzjoni fost iċ-ċittadini fir-reġjun.

Iż-żamma ta' koperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Internazzjonali Kriminali għal dik li kienet il-Jugoslavja.

Il-ħidma għat-tfittxija ta' soluzzjonijiet definittivi għal kwistjonijiet bilaterali pendenti, b'mod partikolari kwistjonijiet dwar il-fruntieri mas-Slovenja, mas-Serbja u Montenegro u mal-Bosnja u Ħerzegovina.

L-assigurazzjoni ta' l-implementazzjoni adegwata ta' l-impenji kollha meħuda fil-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA) f'oqsma bħall-politika tal-kompetizzjoi, b'mod partikolari l-ħtieġa ta' l-adozzjoni u l-implementazzjoni ta' pjan ta' ristrutturazzjoni għas-settur ta' l-azzar, u l-akkwist ta' immobbli. Il-konklużjoni tan-negozjati attwali u tan-negozjati li sejrin isiru dwar kwistjonijiet kummerċjali marbuta ma' l-SAA (bħal fi protokoll li jintroduċi kwoti tariffarji għaz-zokkor, il-protokoll dwar it-tkabbir u aktar konċessjonijiet kummerċjali dwar prodotti agrikoli u tas-sajd), u l-assigurazzjoni ta' l-implementazzjoni adegwata tar-riżultati tagħhom.

Kriterji Politiċi

Id-demokrazija u l-istat ta' dritt

Miżuri għall-adozzjoni ta' leġislazzjoni elettorali konsistenti u permanenti, li tirregola b'mod trasparenti kwistjonijiet bħal-listi ta' votanti, il-votazzjoni barra l-pajjiż u l-finanzjament ta' kampanji elettorali.

L-amministrazzjoni pubblika

L-implementazzjoni sħiħa tal-miżuri ta' riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika dwar ir-reklutaġġ, il-promozzjoni u t-taħriġ, u t-titjib tal-ġestjoni tar-riżorsi umani fil-korpi kollha ta' l-amministrazzjoni pubblika sabiex tkun assigurata r-responsabbilizzazzjoni, l-effiċjenza, l-aċċessibbiltà, it-trasparenza, id-depolitiċizzazzjoni u livell għoli ta' professjonalità tas-servizz pubbliku.

L-assigurazzjoni tat-teħid ta' miżuri effikaċi kontra nuqqasijiet identifikati fir-rigward tal-kontroll ċivili tas-servizzi ta' sigurtà kollha.

Is-sistema ġudizzjarja

Jitkompla t-tnaqqis ta' każijiet pendenti fil-qrati.

Progress fir-razzjonalizzazzjoni ta' l-organizzazzjoni tal-qrati inkluż l-iżvilupp ta' sistemi moderni tat-teknoloġija ta' l-informatika.

It-twaqqif ta' sistema ta' reklutaġġ, ta' valutazzjoni u ta' promozzjoni miftuħa, ġusta u trasparenti u t-titjib tal-professjonalità fil-ġudikatura billi jiġi assigurat finanzjament statali adegwat għal taħriġ ta' kwalità għolja ta' mħallfin, prosekuturi u persunal amministrattiv.

Miżuri għall-assigurazzjoni ta' l-eżekuzzjoni xierqa u sħiħa tad-deċiżjonijiet tal-qrati.

L-assigurazzjoni ta' l-aċċessibbiltà tal-ġustizzja u ta' l-għajnuna legali u provvedimenti għall-għoti tar-riżorsi korrispondenti mill-budget; it-tisħiħ tat-taħriġ fil-qasam tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE.

Il-linja politika kontra l-korruzzjoni

It-tkomplija ta' l-iżvilupp tal-kodiċi tal-kondotta jew ta' l-etika għall-uffiċjali u r-rappreżentanti eletti kif ukoll pjanijiet ta' azzjoni li jipprevjenu l-korruzzjoni fl-aġenziji rilevanti ta' l-infurzar tal-liġi (il-pulizija tal-fruntieri, il-pulizija, id-dwana, il-ġudikatura).

Miżuri sabiex ikun assigurat li l-qafas ġuridiku għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni ikun konformi u implementat u nfurzat uniformement u l-assigurazzjoni ta' sforzi akbar għall-prevenzjoni, skoperta u prosekuzzjoni aktar effikaċi kontra l-korruzzjoni b'mod proattiv, l-aktar kontra l-korruzzjoni fil-livelli għolja.

Azzjonijiet konkreti sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-korruzzjoni bħala reat gravi.

Id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi

Il-promozzjoni tar-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom skond il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjoni Kwadru tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali u konformement ma' l-aħjar prattika fl-Istati Membri ta' l-UE.

L-assigurazzjoni li l-każijiet kollha ta' reati motivati minn raġunijiet etniċi jiġu investigati u jittieħdu proċeduri dwarhom.

It-tkomplija l-implementazzjoni ta' l-istrateġija u tal-pjan ta' azzjoni għall-protezzjoni u l-integrazzjoni tar-Rom u l-assigurazzjoni tad-disponibbiltà tal-mezzi meħtieġa.

L-iżvilupp u l-varar ta' l-implementazzjoni ta' strateġija komprensiva kontra d-diskriminazzjoni.

Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-mezzi awdjoviżivi tax-xandir konformement mar-rakkomandazzjonijiet formulati fi Frar 2004 mill-missjoni esperta konġunta tal-Kunsill ta' l-Ewropa, tal-Kummissjoni u ta' l-OSCE. B'mod partikolari, ir-reviżjoni ta' l-Att dwar il-Mezzi Elettroniċi tax-Xandir sabiex jiġi stabbilit qafas regolatorju trasparenti, prevedibbli u effikaċi u tiġi żgurata l-indipendenza politika tal-Kunsill għall-Mezzi Elettroniċi tax-Xandir; l-assigurazzjoni li r-Radju u t-Televiżjoni Kroata u l-Kunsill dwar il-Programmi tagħha jiffunzjonaw indipendentement u jibqgħu stabbli filwaqt li jiġi rivedut l-Att dwar ir-Radju u t-Televiżjoni Kroata. Passi ulterjuri sabiex il-libell effettivament jiġi dekriminalizzat.

Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali

It-titjib sostanzjali tal-prosekuzzjoni tal-proċessi ta' delitti tal-gwerra, b'mod partikolari billi jiġi żgurat it-tmiem tal-preġudizzju etniku kontra s-Serbi u l-applikazzjoni ta' standard uniformi ta' responsabbiltà kriminali irrispettivament mill-oriġini nazzjonali.

Fir-rigward tar-ritorn tar-rifuġjati, it-tlestija mingħajr dewmien ta' l-ipproċessar ta' dawk it-talbiet diġà mressqa għar-rikostruzzjoni tad-djar; ir-rikostruzzjoni tad-djar kollha li għalihom tkun ittieħdet deċiżjoni pożittiva sa tmiem l-2005 u r-rikostruzzjoni sa tmiem l-2006 tad-djar l-oħra kollha li fir-rigward tagħhom sejra tittieħed deċiżjoni pożittiva. It-tlestija tal-proċess tar-ripussess tad-djar mingħajr aktar dewmien.

Il-varar u t-tlestija b'mod urġenti ta' l-implementazzjoni tal-programm ta' l-Assistenza għad-Djar għal dawk ir-rifuġjati li tilfu d-drittijiet ta' pussess/kiri barra ż-żoni ta' interess Statali speċjali u l-aċċelerament ta' l-implementazzjoni tal-programm ta' l-Assistenza għad-Djar għar-rifuġjati li jmorru lura għaż-żoni ta' interess Statali speċjali. L-assigurazzjoni ta' kampanja adegwata ta' pubbliċità/informazzjoni.

L-assigurazzjoni ta' koordinazzjoni u koperazzjoni adegwati bejn l-awtoritajiet kollha rilevanti fil-livelli ċentrali u lokali dwar kwistjonijiet tar-ritorn tar-rifuġjati.

Il-ħolqien ta' kondizzjonijiet soċjali u ekonomiċi għat-titjib tal-klima għar-riintegrazzjoni ta' dawk li jiġu lura u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-komunitajiet li jilqgħuhom, anke permezz ta' programmi ta' żvilupp reġjonali f'żoni milquta. Il-ftuħ mill-ġdid tal-possibbiltà tal-konvalidazzjoni ta' pretensjonijiet u r-reviżjoni ta' l-applikazzjonijiet kollha magħmula mill-iskadenza taż-żmien perentorju ta' qabel.

Implementazzjoni sħiħa ta' kull ftehim mal-pajjiżi ġirien, notevolment dwar il-kummerċ, dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u r-riammissjoni, dwar il-koperazzjoni transkonfinali, u dwar l-koperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija, anke fir-rigward ta' delitti tal-gwerra, u l-konklużjoni ta' tali ftehim fejn tali ftehim ikun għadu pendenti.

Kriterji ekonomiċi

L-implementazzjoni ta' linji politiċi makroekonomiċi prudenti u orjentati lejn l-istabbiltà, inkluż l-iżvilupp ta' strumenti monetarji bbażati fuq is-suq għat-titjib ta' l-effikaċja tal-politika monetarja.

It-tisħiħ tal-konsolidazzjoni fiskali abbażi ta' miżuri strutturali permanenti, b'mod partikolari fil-qasam tas-sussidji u ta' l-nfiq soċjali, u s-soluzzjoni tal-kwistjoni tal-ħlas ta' dak li huwa magħruf bħala d-“dejn pensjonistiku qadim” b'mod li ma jipperikolax il-konsolidazzjoni fiskali. Il-varar ta' l-implementazzjoni ta' miżuri ulterjuri lejn riforma komprensiva tas-settur tas-saħħa bil-ħsieb li s-sitwazzjoni finanzjarja titjieb.

It-tkomplija tar-riformi strutturali fil-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni ta' l-infiq. It-twaqqif ta' kapaċità ta' ġestjoni trasparenti u effiċjenti tad-dejn.

L-aċċelerament tal-privatizzazzjoni tal-kumpanniji fil-portfolio tal-Fond għall-Privatizzazzjoni. L-aċċelerament tar-ristrutturazzjoni u l-privatizzazzjoni jew likwidazzjoni ta' impriżi statali kbar, b'mod partikolari fl-agrikoltura, fl-industrija ta' l-azzar u fl-industrija tal-bini tal-vapuri. L-implementazzjoni ta' passi ulterjuri fir-ristrutturazzjoni u/jew fil-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi (it-telekomunikazzjoni, l-enerġija, iż-żejt, eċċ.). It-titjib fit-trasparenza tal-proċess ta' privatizzazzjoni.

Iktar titjib ta' l-ambjent kummerċjali bis-simplifikazzjoni tar-regoli tad-dħul fis-suq u tal-ħruġ mis-suq. B'mod partikolari, l-aċċelerament tal-proċeduri għar-reġistrazzjoni u t-titjib ta' l-implementazzjoni tar-regoli dwar il-fallimenti u t-titjib tal-kondizzjonijiet għall-iżvilupp ta' impriżi privati u għall-investiment barrani dirett, anke permezz tat-titjib fl-effiċjenza amministrattiva.

L-aċċelerament tar-riforma ta' l-artijiet, b'mod partikolari fir-reġistrazzjoni u l-privatizzazzjoni ta' l-art agrikola, permezz tat-twaqqif ta' katast u ta' reġistru ta' l-artijiet moderni u effiċjenti sabiex jiġu eliminati l-ostakoli attwali għall-iżvilupp tas-swieq ta' l-artijiet u tad-djar.

L-iżvilupp ta' statistika makroekonomika

Il-kapaċità fis-sodisfaċiment ta' l-obbligi ta' sħubija

Il-moviment liberu tal-merkanzija

It-tlestija tar-ristrutturazzjoni tal-qafas eżistenti leġiżlattiv u istituzzjonali sabiex tiġi żgurata s-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji, ta' akkreditament, ta' standardizzazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti u sabiex jitwaqqfu strutturi ta' sorveljanza tas-suq konformi ma' l-acquis. L-aċċelerament ta' l-adozzjoni ta' l-istandards Ewropej. It-tkomplija tax-xogħol fuq it-traspożizzjoni tad-Direttivi kemm ta' l-approċċ il-qadim kif ukoll ta' l-approċċ il-ġdid.

Il-varar ta' monitoraġġ tal-leġislazzjoni nazzjonali sabiex jiġu identifikati l-inkompatibbiltajiet ma' l-Artikoli 28-30 tat-Trattat tal-KE, l-ippjanar għall-eleminazzjoni tagħhom u l-prevenzjoni ta' l-introduzzjoni ta' ostakoli ġodda.

Id-dritt ta' l-istabbiliment u l-libertà tal-provviżjoni ta' servizzi

Il-bidu ta' l-allinjament ma' l-acquis dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali, inkluż it-twaqqif tal-kapaċità amministrattiva meħtieġa.

Il-bidu ta' monitoraġġ tal-liġi nazzjonali għall-identifikazzjoni ta' restrizzjonijiet fuq id-dritt ta' l-istabbiliment u fuq il-libertà tal-provviżjoni ta' servizzi, l-ippjanar għall-eliminazzjoni tagħhom u l-prevenzjoni ta' l-introduzzjoni ta' ostakoli ġodda.

It-tisħiħ tal-kapaċità ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali fil-qasam tas-servizzi postali u l-assigurazzjoni ta' l-indipendenza tagħha.

Il-moviment liberu tal-kapital

It-titjib tal-leġislazzjoni kontra l-money laundering u l-bidu fl-assigurazzjoni ta' implementazzjoni effettiva. It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva ta' l-unità ta' l-intelliġenza finanzjarja (FIU) u t-titjib tal-koperazzjoni tagħha ma' istituzzjonijiet oħra involuti fil-ġlieda kontra l-money laundering.

Ir-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tax-xiri minn ċittadini ta' l-UE ta' proprjetà immobbli fuq bażi mhux diskriminatorja u t-tnaqqis sostanzjali ta' ħafna applikazzjonijiet pendenti.

L-akkwist pubbliku

It-tlestija ta' l-allinjament tal-liġi Kroata dwar l-akkwist pubbliku u tar-regolamenti implementattivi, anke fl-oqsma tal-kuntratti pubbliċi, tal-konċessjonijiet u tar-reviżjoni tal-proċeduri.

It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva ta' l-Uffiċċju għall-Akkwist Pubbliku sabiex iwettaq il-funzjonijiet li tassenjalu l-Liġi dwar l-Akkwist Pubbliku.

Il-liġi dwar il-proprjeta intelletwali

It-titjib ta' l-infurzar tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali notevolment bit-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, anke fl-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi u fil-ġudikatura.

Il-kompetizzjoni

L-assigurazzjoni ta' aktar allinjament tal-liġi primarja u sekondarja sabiex ikun hemm kontroll effikaċi fil-ġlieda kontra l-monopolji u kontroll ta' l-għajnuna Statali b'deċiżjonijiet, li jorbtu, li jkunu applikabbli lis-setturi ekonomiċi kollha u, fir-rigward ta' l-għajnuna Statali, kemm għall-iskemi ta' għajnuna kif ukoll għall-miżuri individwali ta' għajnuna.

It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u l-indipendenza ta' l-Aġenzija għall-Kompetizzjoni, kemm fil-qasam ta' l-għajnuna Statali kif ukoll fil-ġlieda kontra l-monopolji. L-assigurazzjoni ta' l-iżvilupp u t-taħriġ tal-ġudikatura fil-qasam tal-kompetizzjoni.

It-tisħiħ tal-prestazzjoni fl-infuzar tar-regoli kontra l-monopolji, b'mod partikolari permezz ta' konċentrazzjoni aħjar fuq il-prevenzjoni ta' distorsjonijiet serji tal-kompetizzjoni, u l-introduzzjoni ta' reġim ta' multi deterrenti. It-tisħiħ tal-prestazzjoni fl-infuzar tar-regoli dwar l-għajnuna Statali, b'mod partikolari bl-assigurazzjoni tar-rispett ta' l-obbligi ta' notifika u ta' valutazzjoni proattiva tal-miżuri kollha għall-għajnuna.

L-assigurazzjoni li l-iskemi eżistenti ta' għajnuna u l-liġi fiskali kollha ikunu allinjati ma' l-acquis dwar l-għajnuna Statali.

L-adozzjoni u l-varar ta' l-implementazzjoni ta' programmi vijabbli ta' ristrutturazzjoni fis-setturi ta' l-azzar u tal-bini tal-vapuri, konformement mal-ħtiġijiet ta' l-UE sabiex jiġi żgurat, inter alia, li l-għajnuna kollha tkun konformi ma' l-acquis.

L-assigurazzjoni tat-trasparenza fl-għoti ta' l-għajnuna Statali bit-twaqqif ta' inventarju komprensiv u r-rapurtaġġ tal-miżuri kollha ta' għajnuna fis-seħħ fil-livelli amministrattivi kollha u s-sensibilizzazzjoni dwar il-prinċipji tal-kompetizzjoni.

Is-servizzi finanzjarji

It-tisħiħ tal-qafas regolatorju u amministrattiv għas-sorveljanza tas-servizzi finanzjarji u b'mod partikolari t-tħejjija għat-transizzjoni lejn l-awtorità integrata ta' sorveljanza ppjanata għas-servizzi finanzjarji mhux bankarji.

It-tħejjija għall-introduzzjoni tal-qafas il-ġdid ta' rekwiżiti dwar il-kapital għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u għad-ditti ta' l-investiment.

Is-soċjeta ta' l-informazzjoni u l-medja

Aktar tisħiħ tal-kapaċità ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali fil-qasam tat-telekomunikazzjoni u l-assigurazzjoni ta' l-indipendenza tagħha.

L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

L-assigurazzjoni tal-funzjonament sħiħ ta' l-aġenzija SAPARD/IPARD.

L-aċċelerament tal-ħidma għat-twaqqif ta' sistema xierqa ta' identifikazzjoni ta' porzjonijiet ta' l-art u ta' sistema ta' identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' bhejjem ta' l-ifrat.

Ir-rafforzament tal-ġbir u ta' l-proċessar ta' l-istatistika agrikola konformement ma' l-istandards u l-metodoloġija ta' l-UE.

L-iżvilupp ta' strateġija għall-iżvilupp rurali u ta' strumenti ta' politika għat-tfassil, l-implementazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll u l-valutazzjoni tal-programmi għall-iżvilupp rurali.

Is-sigurtà fl-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja

It-tkomplija ta' l-allinjament fis-settur veterinarju u fitosanitarju, it-titjib ta' l-arranġamenti għall-ispezzjonijiet, il-modernizzazzjoni ta' l-istabbilimenti agroalimentari sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' iġjene ta' l-UE.

L-iżvilupp ta' strateġija komprensiva fl-oqsma tas-sigurtà alimentari u tal-politika veterinarja u fitosanitarja. It-tisħiħ ta' l-istrutturi amministrattivi meħtieġa u t-titjib tal-koordinazzjoni ta' bejniethom sabiex tkun assigurata strateġija komprensiva għat-titjib tas-sigurtà alimentari fil-katina alimentari kollha.

Is-sajd

It-tisħiħ ta' l-istrutturi amministrattivi u, b'mod partikolari, ta' dawk ta' spezzjoni għall-politika tas-sajd.

Il-varar tat-twaqqif ta' reġistru kompjuterizzat tal-bastimenti tas-sajd.

It-tkomplija, fir-rigward taż-żona ekoloġika u tas-sajd protetta, dikjarata unilateralment mill-Kroazja, ta' l-implementazzjoni tal-ftehim trilaterali milħuq f'Ġunju 2004.

Il-politika tat-trasport

It-tkomplija ta' l-implementazzjoni ta' l-istandards ta' l-UE fil-qasam tal-liġi soċjali u teknika fit-trasport bit-triq u fil-qasam ta' l-istandards tas-sigurtà fit-trasport marittimu.

It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fis-settur tal-ferroviji.

L-assigurazzjoni tat-twaqqif ta' korp indipendenti għall-investigazzjonijiet ta' inċidenti u t-tisħiħ ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fis-settur ta' l-avjazzjoni.

Il-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-Ispazju Ewropew Komuni ta' l-Ajru (ECAA) bi Protokoll dwar il-miżuri ta' transizzjoni għall-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar l-avjazzjoni.

L-enerġija

It-tkomplija ta' l-implementazzjoni ta' l-acquis ta' l-UE dwar il-gass u l-elettriku.

L-assigurazzjoni tal-kapaċità operattiva u tal-funzjonament indipendenti ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali.

Il-varar ta' l-implementazzjoni ta' l-impenji assunti fil-qafas tat-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija.

It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u t-titjib fl-allinjament ma' l-acquis dwar l-effiċjenza enerġetika, sorsi rinnovabbli ta' l-enerġija u fil-qasam nukleari, kif ukoll l-assigurazzjoni ta' livell għoli ta' sigurtà nukleari u ta' protezzjoni mir-radjazzjoni.

It-tassazzjoni

L-aċċelerament fl-allinjament tal-liġi fiskali ma' l-acquis u l-assigurazzjoni ta' l-infurzar effettiv tagħha, b'attenzjoni partikolari għall-inklużjoni ta' żoni liberi fl-applikazzjoni territorjali tar-regoli tal-VAT u għall-abolizzjoni tar-rati żero attwali tal-VAT.

Il-bidu ta' l-allinjament ma' l-acquis fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, sabiex jiġi faċilitat l-infurzar effettiv tal-miżuri kontra l-elużjoni u l-evażjoni tat-taxxa.

L-impenn favur il-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni ta' l-intrapriżi u l-assigurazzjoni tal-konformità ta' miżuri ġodda tat-taxxa ma' dawn il-prinċipji.

Tisħiħ sinifikattiv tal-kapaċità ta' l-amministrazzjonijiet fiskali u doganali, b'mod partikolari dwar il-funzjonijiet ta' ġbir u kontroll; it-tkomplija tax-xogħol fuq servizz tas-sisa li jiffunzjona u li jkollu persunal suffiċjenti; is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-prosekuzzjoni effettiva kontra l-frodi fiskali.

It-tkomplija ta' l-iżvilupp tas-sistemi informatiċi meħtieġa għall-iskambju ta' data elettronika ma' l-UE u ma' l-Istati Membri tagħha.

L-istatistika

It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva ta' l-Uffiċċju Ċentrali Kroat ta' l-Istatistika, ir-riforma ta' l-uffiċċji reġjonali tiegħu u t-titjib tal-koordinazzjoni ma' produtturi oħra ta' statistika uffiċjali.

L-iżvilupp ta' statistika dwar l-oqsma kummerċjali u soċjali.

Il-politika soċjali u l-politika dwar l-impjiegi

It-tkomplija ta' l-allinjament ma' l-acquis fl-oqsma tal-liġi tax-xogħol, tas-saħħa u s-siġurtà, ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u tar-regoli kontra d-diskriminazzjoni.

It-tisħiħ ta' l-istrutturi relatati amministrattivi u ta' infurzar u l-koordinament interministerjali.

L-intraprenditorija l-politika industrijali

Iktar simplifikazzjoni u aċċelerament tal-proċeduri tar-reġistrazzjoni tal-kumpanniji; l-introduzzjoni ta' aċċess on-line għal servizzi magħżula tal-gvern għall-SMEs; l-iżvilupp ulterjuri ta' valutazzjonijiet ta' impatt regolatorji.

It-tkomplija ta' l-implementazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Impriżi ż-Żgħar.

Il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta' l-istrumenti strutturali

L-iżvilupp ta' strateġija komprensiva u koerenti fil-qasam ta' l-iżvilupp reġjonali.

L-għażla u t-tisħiħ tal-kapaċità ta' l-awtoritajiet u l-korpi ewlenin ta' ġestjoni għall-implementazzjoni ta' l-istrumenti stutturali.

Ġustizzja, libertà u sigurtà

It-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri, b'mod partikolari bir-rafforzament tas-sorveljanza tal-fruntieri marittimi; l-implementazzjoni ta' strateġija integrata ta' ġestjoni tal-fruntieri (anke ta' l-ammissjoni mill-ġdid); it-tiżjid ta' l-investimenti f'tagħmir u infrastruttura teknika; ir-reklutaġġ ta' iżjed persunal u l-provviżjoni ta' infrastruttura adegwata ta' taħriġ.

It-titjib tat-tagħmir għall-iskoperta ta' dokumenti kontraffatti u falsifikati u l-għoti ta' taħriġ għall-persunal f'missjonijiet diplomatiċi u f'uffiċċji konsolari.

Iktar allinjament ma' l-acquis tal-liġi dwar l-asil. It-twaqqif ta' ċentru nazzjonali permanenti għall-akkoljenza ta' dawk li jfittxu l-asil.

It-titjib tal-koordinazzjoni bejn il-korpi għall-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura, partikolarment fir-rigward tal-kriminalità ekonomika, tal-kriminalità organizzata, tal-frodi, tal-money laundering u tal-korruzzjoni; ir-rafforzament tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u t-tisħiħ tal-prevenzjoni tad-droga u t-tnaqqis tad-domanda għad-droga; l-assigurazzjoni ta' miżuri effettivi fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin u t-trasport transnazzjonali illegali ta' persuni, partikolarment b'attenzjoni debita għall-prevenzjoni, għall-protezzjoni u għar-riintegrazzjoni soċjali tal-vittmi. L-għoti tat-taħriġ speċjalizzat meħtieġ għall-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi.

It-tiżjid tal-koperazzjoni internazzjonali kontra t-terroriżmu u l-implementazzjoni sħiħa tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti; it-titjib tal-koperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn is-servizzi tal-pulizija u ta' l-informazzjoni fi ħdan l-Istat u ma' Stati oħra; ir-rafforzament tal-prevenzjoni tal-finanzjament u tat-tħejjija ta' atti terroristiċi.

L-ambjent

It-tkomplija ta' l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni orizzontali, anke dwar il-valutazzjoni ta' l-impatt ambjentali u l-parteċipazzjoni pubblika.

Id-definizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u operattiva fil-livelli nazzjonali u reġjonali sabiex jiġi assigurat l-ippjanar, inkluża t-tħejjija, ta' strateġiji finanzjarji.

It-tkomplija tat-tisħiħ tal-kapaċità tas-servizzi nazzjonali u reġjonali ta' ispezzjoni u l-għoti ta' assistenza lil dawn sabiex ikunu jistgħu jinfurzaw b'mod effettiv il-leġiżlazzjoni ambjentali.

L-adozzjoni u l-varar urġenti ta' l-implementazzjoni ta' pjan nazzjonali għall-maniġgar ta' l-iskart.

L-unjoni doganali

It-tkomplija tat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u operattiva tas-servizzi doganali, b'mod partikolari għall-kontroll tar-regoli preferenzjali ta' oriġini, u l-aċċelerament ta' l-allinjament ma' l-acquis ta' l-UE. L-assigurazzjoni tal-funzjonament sħiħ taċ-Ċentru ta' Taħriġ tad-Dwana.

It-tkomplija ta' l-iżvilupp tas-sistemi informatiċi meħtieġa għall-iskambju ta' data elettronika ma' l-UE u ma' l-Istati Membri tagħha.

L-adozzjoni u l-implementazzjoni ta' kodiċi ta' etika għas-servizzi doganali.

Ir-relazzjonijiet esterni

It-tkomplija tal-politika tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bl-implementazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, l-impenji tad-WTO u l-FTAs bilaterali. Ħidma lejn FTA reġjonali fil-futur fl-Ewropa tax-Xlokk.

L-assigurazzjoni li l-miżuri kummerċjali protettivi jkunu konformi ma' l-obbligi assunti taħt l-SAA u fid-WTO.

It-tlestija tan-negozjati u l-implementazzjoni sħiħa tal-protokoll li jintroduċi kwota tariffarja fuq iz-zokkor fl-SAA sabiex is-settur taz-zokkor Kroat jiġi ppreparat għall-aġġustamenti meħtieġa sabiex jiffunzjona f'ambjent realistiku u ekonomikament sostenibbli. Ir-riżultati tan-negozjati dwar il-protokoll għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżitu tan-negozjati għall-adeżjoni.

Il-kontroll finanzjarju

L-adozzjoni ta' qafas regolatorju koerenti għal Kontroll Intern tal-Finanzi Pubbliċi fuq il-bażi ta' dokument ta' strateġija.

It-tkomplija tat-twaqqif u t-tisħiħ tal-funzjonijiet ta' kontroll pubbliku intern permezz tal-provviżjoni ta' persunal adegwat, ta' taħriġ u ta' tagħmir.

It-twaqqif ta' proċeduri effikaċi għall-iskoperta, għat-trattament, għal miżuri ta' segwitu u għall-komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta' l-irregolaritajiet u l-każijiet ta' suspett ta' frodi li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u t-twaqqif ta' l-istrutturi amministrattivi meħtieġa għall-protezzjoni effikaċi u ekwivalenti ta' dawk l-interessi u għall-koperazzjoni ma' l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi.

3.2.   PRIJORITAJIET GĦALL-PERIJODU MEDJU

Kriterji Politiċi

Id-demokrazija u l-istat ta' dritt

L-amministrazzjoni pubblika

It-tkomplija tal-proċess ta' żvilupp ta' l-istituzzjonijiet direttament rilevanti għall-acquis u l-introduzzjoni ta' riformi sabiex tittejjeb l-effikaċja ta' l-amministrazzjoni pubblika in ġenerali.

Is-sistema ġudizzjarja

It-tkomplija ta' l-implementazzjoni tar-riforma ġudizzjarja, inkluż it-taħriġ, u t-teħid ta' miżuri għat-tnaqqis tal-każijiet pendenti fil-qrati kollha.

It-tkomplija tar-razzjonalizzazzjoni ta' l-organizzazzjoni tal-qrati inkluż l-iżvilupp ta' sistemi moderni tat-teknoloġija ta' l-informatika.

L-assigurazzjoni ta' l-infurzar regolari u effettiv tad-deċiżjonijiet tal-qrati.

Il-politika kontra l-korruzzjoni

It-trawwim ta' iżjed progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata. B'mod partikolari, it-twaqqif ta' unitajiet speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi ħdan is-servizzi kompetenti u l-għoti lilhom ta' taħriġ u ta' riżorsi adegwati.

L-assigurazzjoni li jintlaħqu l-istandards stabbiliti minn strumenti internazzjonali, billi jittieħdu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi xierqa.

Id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi

L-assigurazzjoni ta' implementazzjoni sħiħa tal-Liġi Kostituzzjonali dwar il-Minoranzi Nazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tar-rappreżentanza proporzjonali tal-minoranzi.

It-tkomplija ta' l-implementazzjoni ta' strateġija komprensiva kontra d-diskriminazzjoni.

It-tkomplija tat-titjib tal-qagħda tar-Rom permezz tat-tisħiħ ta' l-implementazzjoni ta' l-istrateġija rilevanti, inkluż l-għoti tas-sostenn finanzjarju meħtieġ fil-livelli nazzjonali u lokali, ta' miżuri kontra d-diskriminazzjoni bil-għan li jitkattru l-opportunitajiet tax-xogħol, it-tiżjid ta' l-aċċess għall-edukazzjoni u t-titjib fil-kondizzjonijiet tad-djar.

Jitkompla t-titjib tal-kondizzjonijiet soċjali u ekonomiċi għat-titjib tal-klima għar-riintegrazzjoni ta' dawk li jirritornaw u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-komunitajiet li jilqgħuhom.

Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali

L-assigurazzjoni ta' l-implementazzjoni bla xkiel tal-ftehim definittivi dwar kwistjonijiet bilaterali attwalment pendenti, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet tal-fruntiera.

It-tkomplija ta' l-implementazzjoni tal-ftehim bilaterali eżistenti.

Kriterji Ekonomiċi

L-implementazzjoni ta' qafas fiskali sostenibbli mifrux fuq perjodu medju permezz tat-tnaqqis kontinwu tan-nefqa pubblika ġenerali, ta' l-iżbilanċ pubbliku ġenerali u tad-dejn bħala proporzjoni tal-PGD. Id-definizzjoni tal-prijoritajiet fil-qasam tan-nefqa pubblika sabiex jiġu rilaxxati r-riżorsi li jkopru l-ispejjeż relatati ma' l-acquis. L-implementazzjoni ta' riforma komprensiva tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-pensjonijiet. It-tkomplija tat-tnaqqis tas-sussidji għall-impriżi l-kbar li jkunu qed jagħmlu telf.

It-tlestija tal-bejgħ ta' l-ishma ta' minoranza u ta' maġġoranza tal-gvern f'kumpanniji koperti mill-Fond għall-Privatizzazzjoni.

Aktar titjib tal-kondizzjonijiet għall-ħolqien u l-iżvilupp ta' l-impriżi privati u ta' l-investiment barrani dirett.

Progress sostanzjali fit-tisħiħ tad-dixxiplina finanzjarja f'impriżi kbar, b'mod partikolari fis-setturi ta' l-azzar, tal-bini tal-vapuri u tal-ferroviji.

It-tlestija tar-riforma ta' l-artijiet b'enfasi partikolari fuq ir-reġistrazzjoni u l-privatizzazzjoni ta' l-art agrikola.

It-tkomplija tar-riformi fis-suq tax-xogħol u ta' l-edukazzjoni bil-ħsieb li jiżdiedu l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u r-rati ta' l-impjiegi.

Il-kapaċità fis-sodisfaċiment ta' l-obbligi ta' sħubija

Il-moviment liberu tal-merkanzija

Progress sostanzjali fit-traspożizzjoni tad-Direttivi ta' approċċi qodma (bħal fil-qasam tal-farmaċewtiċi u tal-kimiċi) u tad-Direttivi ta' approċċi ġodda, u fis-sodisfaċiment l-ħtiġijiet tas-sħubija fil-korpi Ewropej ta' standardizzazzjoni CEN, CENELEC u ETSI.

Il-moviment liberu tal-ħaddiema

It-tneħħija ta' kull miżura diskriminatorja lejn l-ħaddiema migranti fl-UE u lejn iċ-ċittadini ta' l-UE.

It-tisħiħ ta' l-istrutturi amministrattivi għall-koordinazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali.

Id-dritt ta' l-istabbiliment u l-libertà tal-provvista ta' servizzi

It-tneħħija ta' l-ostakoli li fadal għall-istabbiliment u l-provvista transkonfinali ta' servizzi li jiffaċċaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-UE.

Progress sostanzjali fl-allinjament ma' l-acquis ta' l-EU dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar it-taħriġ, u iktar żvilupp ta' l-istrutturi amministrattivi meħtieġa.

Il-moviment liberu tal-kapital

Progress sostanzjali fit-tneħħija tar-restrizzjonijiet li fadal fuq il-movimenti tal-kapital, b'mod partikolari fl-akkwist ta' proprjetà immobbli, skond l-obbligi ta' l-SAA.

It-tlestija ta' l-istabbiliment ta' mekkaniżmu effettiv kontra l-money laundering, partikolarment bl-assigurazzjoni li l-aġenziji jkunu kompletament operattivi, b'riżorsi adegwati u jkunu koordinati tajjeb ma' awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali korrispondenti.

L-akkwist pubbliku

L-implementazzjoni ta' sistema ta' akkwist pubbliku bl-istrutturi amministrattivi u bl-istrumenti operattivi kollha rIlevanti, u progress sostanzjali fil-ħidma lejn l-allinjament sħiħ ma' l-acquis ta' l-UE, l-assigurazzjoni li r-regoli ta' l-akkwist pubbliku ikunu implementati effettivament mill-awtoritajiet u entitajiet kontraenti kollha fil-livelli kollha. Il-promozzjoni ta' l-użu ta' mezzi elettroniċi fil-proċeduri ta' l-akkwist pubbliku.

Il-liġi dwar il-proprjetà intelletwali

It-tlestija ta' l-allinjament fil-qasam tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali u industrijali u t-tisħiħ ta' l-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-piraterija u l-falsifikazzjoni.

It-tkomplija tat-tisħiħ ta' l-infurzar tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali u t-tnaqqis tal-livelli ta' piraterija u falsifikazzjoni.

Il-kompetizzjoni

Iktar tisħiħ ta' l-awtorità li tikkontrolla l-monopolji u l-għajnuna Statali u l-iżvilupp ta' record kredibbli ta' infurzar. Titjib sostanzjali tat-trasparenza fil-qasam ta' l-għajnuna Statali.

L-iżvilupp ta' taħriġ dwar il-liġi u l-politika tal-kompetizzjoni fil-livelli kollha ta' l-amministrazzjoni u tal-ġudikatura.

Is-servizzi finanzjarji

It-tlestija ta' l-allinjament mal-ħtiġijiet prudenzjali ta' l-UE u t-tkomplija tat-tisħiħ tal-prattika ta' sorveljanza.

It-tkomplija ta' l-implementazzjoni tal-qafas il-ġdid ta' rekwiżti dwar il-kapital għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u għad-ditti ta' l-investiment.

Is-soċjeta ta' l-informazzjoni u l-medja

L-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja meħtieġa sabiex jitlesta l-qafas regolatorju u l-introduzzjoni tal-kompetizzjoni fl-oqsma kollha.

L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

It-tisħiħ ta' l-istrutturi amministrattivi u l-kapaċità meħtieġa għall-implementazzjoni tal-politika tas-suq u dik ta' l-iżvilupp rurali.

It-twaqqif ta' reġistru ta' l-għelieqi tad-dwieli konformement ma' l-istandards ta' l-UE.

It-tkomplija tat-tħejjijiet għat-twaqqif ta' korpi effettivi u finanzjarjament sodi għall-pagamenti għall-ġestjoni u għall-kontroll tal-fondi agrikoli, konformement mal-ħtiġijiet ta' l-UE u ma' l-istandards internazzjonali ta' verifika.

Is-sigurtà fl-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja

Titjib sostanzjali ta' l-allinjament tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel u t-tisħiħ ta' l-istrutturi meħtieġa għall-implementazzjoni.

Progress sinifikattiv fl-allinjament fis-settur veterinarju u fitosanitarju, inkluża sistema ta' identifikazzjoni ta' l-annimali, l-ipproċessar ta' l-iskart mill-annimali, il-modernizzazzjoni ta' l-istabbilimenti agro-alimentari, programmi għall-kontroll tal-mard ta' l-annimali, il-ħarsien tal-pjanti u l-kwalità taż-żerriegħa u materjal għall-propagazzjoni tal-pjanti; titjib sinifikattiv ta' l-istrutturi ta' spezzjoni.

Is-sajd

Titjib sostanzjali tat-tagħmir u ta' l-istrutturi amministrattivi sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni tal-politika komuni tas-sajd, inklużi l-ġestjoni tar-riżorsi, l-ispezzjoni u l-kontroll ta' l-attivitajiet ta' sajd, il-politika tas-suq, il-programmi strutturali u pjan ta' ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta skond ir-riżorsi tal-ħut.

It-tlestija tat-twaqqif ta' reġistru kompjuterizzat tal-bastimenti tas-sajd u ta' sistema ta' monitoraġġ bis-satellita tal-bastimenti.

Il-politika tat-trasport

It-tkomplija tal-ħidma lejn l-allinjament sħiħ ma' l-acquis ta' l-UE fil-qasam tat-trasport fuq it-triq.

L-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni għall-implementazzjoni għat-trasport bil-ferrovija b'mod partikolari dispożizzjonijiet ta' interoperabbiltà u l-allokazzjoni indipendenti tal-kapaċità.

Ħidma fl-allinjament ma' l-acquis ta' l-UE fil-qasam tat-trasport fuq l-ilmijiet navigabbli interni, b'mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà tan-navigazzjoni u s-Servizzi ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (River Information Services).

It-tkomplija ta' l-allinjament fil-qasam tat-trasport marittimu u l-assigurazzjoni ta' kontroll adegwat mill-istat li tiegħu tittajjar il-bandiera.

Il-kisba ta' allinjament sħiħ ma' l-acquis ta' l-UE fil-qasam ta' l-avjazzjoni.

It-tkomplija ta' l-implementazzjoni tal-Memorandum ta' Ftehim dwar l-Iżvilupp tan-Network Prinċipali tat-Trasport Reġjonali ta' l-Ewropa tax-Xlokk.

L-enerġija

It-tkomplija tat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u l-allinjament ma' l-acquis ta' l-UE fl-oqsma ta' l-effiċjenza enerġetika u tas-sorsi rinnovabbli ta' l-enerġija, fis-suq intern ta' l-enerġija (elettriku u gass) u fil-qasam ta' l-enerġija nukleari.

L-assigurazzjoni li l-ħażniet taż-żejt jiggarantixxu sigurtà adegwata fil-provvista ta' enerġija.

L-indirizz debitu tal-kwistjoni tal-maniġġar ta' l-iskart radju-attiv.

It-tassazzjoni

Avvanz sostanzjali fil-ħidma lejn it-tlestija ta' l-allinjament ma' l-acquis fiskali fir-rigward tal-VAT, tat-taxxi tas-sisa u tat-tassazzjoni diretta, inkluż il-Kodiċi ta' Kondotta għat-Tassazzjoni fuq in-Negozju.

It-tkomplija tat-tisħiħ ta' l-amministrazzjoni fiskali – anke fis-settur ta' l-informatika – u l-assigurazzjoni tal-funzjonament korrett tagħha sabiex jintlaħqu l-istandards ta' l-UE u l-interkonnetività tas-sistemi informatiċi. L-iżvilupp u l-implementazzjoni ta' Kodiċi ta' Etika.

Il-politika ekonomika u monetarja

Titjib fil-politika monetarja bil-ħsieb li jitkabbru l-użu u l-effikaċja ta' l-istrumenti monetarji bbażati fuq is-suq.

L-istatistika

It-tkomplija ta' l-iżvilupp ta' statistika makroekonomika, tan-negozji u soċjali.

Il-politika soċjali u ta' l-impjiegi

Iktar allinjament ma' l-acquis u t-tisħiħ ta' l-istrutturi relatati amministrattivi u ta' infurzar, inklużi l-ispettorati ta' l-impjiegi.

L-għoti ta' sostenn lill-ħidma fil-bini tal-kapaċitajiet ta' l-imsieħba soċjali, notevolment permezz ta' djalogu soċjali bilaterali awtonomu.

L-iżvilupp u l-implementazzjoni ta' strateġija komprensiva dwar l-impjiegi li tinvolvi l-atturi rilevanti kollha fid-dawl tal-parteċipazzjoni fl-Istrateġija Ewropea għall-Impjieg. L-assigurazzjoni ta' kapaċità adegwata ta' analiżi, ta' implementazzjoni u ta' valutazzjoni.

L-iżvilupp u l-implementazzjoni ta' strateġija nazzjonali dwar l-inklużjoni soċjali, inkluż il-ġbir tad-data, konformement mal-prattika ta' l-UE bil-ħsieb ta' parteċipazzjoni fil-futur fl-Istrateġija Ewropea għall-inklużjoni soċjali.

L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għall-iżvilupp tar-riżorsi umani fit-tħejjija għall-Fond Soċjali Ewropew.

L-intraprenditorija u l-politika industrijali

L-aġġornament u l-artikulazzjoni aħjar ta' l-approċċ politiku dwar l-istrumenti finanzjarji għall-SMEs li għandhom jippermettu lill-Gvern li jgħaddi minn self dirett għal skemi ta' sostenn inqas riġidi.

Il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta' l-istrumenti strutturali

L-assigurazzjoni ta' tqassim ċar tar-responsabilitajiet u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni, kemm fuq livell interministerjali kif ukoll bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali.

It-tkomplija tal-bini tal-kapaċitajiet ta' l-awtoritajiet nominati għall-ġestjoni u għall-pagamenti, inklużi awtoritajiet lokali.

It-titjib fit-tfassil u fl-implementazzjoni ta' pjanijiet ta' żvilupp reġjonali.

It-twaqqif ta' sistemi adegwata ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni u t-tisħiħ tal-proċeduri ta' ġestjoni u ta' kontroll finanzjarju.

L-introduzzjoni ta' statistika reġjonali adegwata.

Ġustizzja, libertà u sigurtà

L-allinjament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mar-regoli u ma' l-aħjar prattika ta' l-UE u iktar tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri; l-iżvilupp ta' databases u reġistri nazzjonali u l-assigurazzjoni ta' koordinazzjoni bejn is-servizzi rilevanti.

L-elaborazzjoni ta' database nazzjonali għall-kontroll tad-data personali ta' dawk li jitolbu asil, inklużi l-marki tas-swaba', bil-għan li titħejja l-parteċipazzjoni fil-EURODAC.

It-tisħiħ tal-ħidma għall-integrazzjoni tar-refuġjati.

Aktar titjib tat-tagħmir u l-infrastruttura tal-pulizija, inkluż it-twaqqif ta' sistema ta' investigazzjoni kompjuterizzata; it-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-pulizija u aġenziji oħra ta' l-infurzar tal-liġi; it-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, kontra l-kriminalità organizzata, kontra l-kriminalità ekonomika (inkluż il-money laundering u l-falsifikazzjoni tal-flus), kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni; it-titjib fl-allinjament tal-leġiżlazzjoni relata nazzjonali ma' l-acquis f'dawn is-setturi.

It-tħejjija għall-applikazzjoni ta' strumenti ġuridiċi varji fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali u ċivili billi jiġi pprovdut taħriġ xieraq dwar ir-relazzjonijiet bejn il-ġurisdizzjonijiet ġudizzjarji u kwistjonijiet rilevanti oħra.

Xjenza u riċerka

Il-varar tat-tfassil u l-applikazzjoni ta' politika integrata ta' riċerka.

Edukazzjoni u kultura

L-intensifikazzjoni ta' l-isforzi sabiex tinħoloq sistema moderna ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u l-assigurazzjoni ta' l-implementazzjoni tal-kriterji ta' Bologna fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla.

L-ambjent

L-assigurazzjoni ta' l-integrazzjoni ta' ħtiġijiet għall-ħarsien ta' l-ambjent fid-definizzjoni u l-implemetazzjoni ta' linji politiċi settorjali oħrajn. L-iżvilupp ta' strateġija ta' l-investimenti fil-qasam ta' l-ambjent abbażi ta' stimi ta' l-ispejjeż ta' l-allinjament. It-tkomplija ta' l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni orizzontali.

It-tkomplija fil-ħidma fuq it-traspożizzjoni ta' l-acquis ta' l-UE, b'enfasi partikolari fuq il-maniġġar ta' l-iskart, fuq il-kwalità ta' l-ilma, fuq il-kwalità ta' l-arja, fuq il-ħarsien tan-natura u fuq l-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis; it-tiżjid ta' l-investiment fl-infrastruttura ambjentali, b'emfasi partikolari fuq il-ġbir u t-trattament ta' l-ilma ta' l-iskart, il-provvista ta' l-ilma tax-xorb u l-maniġġar ta' l-iskart.

Ir-ratifika tal-Protokoll ta' Kyoto tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Bidla fil-Klima.

Il-protezzjoni tal-konsumatur u tas-saħħa

It-tlestija ta' l-allinjament ma' l-acquis ta' l-UE dwar il-miżuri relatati mas-sigurtà u t-tisħiħ tal-kapaiċità amministrattiva meħtieġa għal sorveljanza effikaċi tas-suq.

It-tkomplija ta' l-allinjament ma' l-acquis ta' l-UE dwar miżuri li mhumiex relatati mas-sigurtà.

L-unjoni doganali

It-tisħiħ u l-konsolidazzjoni tal-kapaċità amministrattiva u operattiva tas-servizzi doganali. L-espansjoni tat-taħriġ tal-persunal kollu u t-tiżjid ta' l-użu ta' teknoloġiji ta' l-informazzjoni kompatibbli ma' dawk użati fl-UE u t-tkomplija tat-tħejjijiet sabiex tkun assigurata l-interkonnettività mas-sistemi ta' l-UE. It-tisħiħ tal-verifiki u ta' l-użu tal-valutazzjoni tar-riskju u tas-selettività.

Progress sostanzjali fl-allinjament ma' l-acquis, partikolarment fl-oqsma taż-żoni ta' kummerċ liberu, tat-transitu, tad-drittijiet doganali, ta' kwoti tariffarji u tas-sorveljanza fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' merkanzija.

Il-kontroll finanzjarju

L-iżvilupp tal-kapaċità u l-allinjament tas-sistema tal-Kontroll Intern tal-Finanzi Pubbliċi, inklużi r-responsabbilizzazzjoni direttiva deċentralizzata u l-verifika interna funzjonalment indipendenti kif ukoll il-koordinazzjoni ċentrali u l-armonizzazzjoni.

Ir-riforma u t-tisħiħ tal-funzjoni tal-verifika esterna skond l-aħjar prattika internazzjonali u l-aħjar prattika fl-UE.

4.   PROGRAMMAZZJONI

L-assistenza Komunitarja skond il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sejra tingħata taħt l-istrumenti finanzjarji eżistenti, b'mod partikolari taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000 tal-5 ta' Diċembru 2000 dwar l-assistenza għall-Albanija, għall-Bosnja u l-Ħerzegovina, għall-Kroazja, għar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u għal dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (ir-Regolament CARDS) (1) u l-istrumenti ta' qabel l-adeżjoni PHARE  (2) , SAPARD  (3) u ISPA  (4). Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma jkollha l-ebda implikazzjoni finanzjarja. Il-Kroazja tista' ssib aċċess għal finanzjamenti minn programmi multinazzjonali u orizzontali.

5.   KONDIZZJONIJIET

L-assistenza Komunitarja skond il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent tingħata bil-kondizzjoni li jsir iktar progress fis-sodisfaċiment tal-kriterji ta' Kopenħagen kif ukoll isir progress fis-sodisfaċiment tal-prijoritajiet speċifiċi ta' din is-Sħubija għall-Adeżjoni. In-nuqqas ta' rispett ta' dawn il-kondizzjonijiet jista' jwassal lill-Kunsill sabiex jieħu miżuri xierqa abbażi ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2666/2000. L-assistenza Komunitarja għandha wkoll tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997, u tal-21-22 ta' Ġunju 1999 b'mod partikolari fir-rigward ta' l-impenji assunti mir-riċevituri sabiex iwettqu riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali.

L-assistenza Komunitarja għall-finanzjament ta' proġetti permezz tat-tliet strumenti ta' qabel l-adeżjoni PHARE, ISPA u SAPARD tingħata wkoll bil-kondizzjoni li l-Kroazja tirrispetta l-impenji tagħha taħt il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li jsir progress fis-sodisfaċiment tal-kriterji ta' Kopenħagen u b'mod partikolari fis-sodisfaċiment tal-prijoritajiet speċifiċi ta' din is-Sħubija għall-Adeżjoni.

In-nuqqas ta' rispett ta' dawn il-kondizzjonijiet ġenerali jista' jwassal għal deċiżjoni mill-Kunsill sabiex jissospendi l-assistenza finanzjarja abbażi ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 622/98 tas-16 ta' Marzu 1998 dwar assistenza lil pajjiżi applikanti fil-qafas ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni, u partikolarment dwar it-twaqqif ta' Sħubiji għall-Adeżjoni (5).

6.   MONITORAĠĠ

L-implementazzjoni tas-Sħubija għall-Adeżjoni għandha tiġi eżaminata permezz tal-qafas tal-mekkaniżmi stabbiliti skond il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, notevolment permezz tar-Rapporti annwali ta' Progress preżentati mill-Kummissjoni.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000, ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) 2112/2005 tal-21 ta' Novembru 2005 (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 23).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89 (ĠU L 375, 23.12.1989, p. 11). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2257/2004 (ĠU L 389, 30.12.2004, p. 1)

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1268/1999 (ĠU L 161, 26.6.1999, p. 87). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) 2112/2005 (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 23).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/99, ĠU L 161, 7.12.2000, p. 73). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005 (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 23).

(5)  ĠU L 85, 20.3.1998, p. 1.