29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

245


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-14 ta’ Frar 2006

li temenda d-Deċiżjonijiet 98/161/KE, 2004/228/KE u 2004/295/KE fir-rigward ta’ l-estensjonijiet tal-miżuri li jipprevjenu l-evażjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud fis-settur ta’ l-iskart

(il-verżjonijiet bl-Olandiż, bl-Ispanjol u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

(2006/126/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra s-sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud; bażi uniformi ta’ valutazzjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza kwalunkwe Stat Membru li japplika miżuri speċjali għal deroga minn dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ħlas ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew iwaqqaf milli jseħħu ċertu tip ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

(2)

B’ittra reġistrata mis-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni fil-25 ta’ Ottubru 2005 ir-Renju ta' l-Olanda (hawn aktar 'il quddiem “l-Olanda”) talab estensjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/161/KE tas-16 ta’ Frar 1998 li tawtorizza lil Olanda li japplika miżura ta' deroga mill-Artikoli 2 u 28a(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (2).

(3)

B’ittra rreġistrata mis-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni fit-3 ta’ Awissu 2005 ir-Renju ta' Spanja (hawn aktar 'il quddiem “Spanja”) talab estensjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/228/KE tas-26 ta’ Frar 2004 li tawtorizza lil Spanja li tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (3).

(4)

B’ittra rreġistrata mis-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni fis-26 ta’ Settembru 2005 ir-Repubblika Taljana (hawn aktar 'il quddiem “l-Italja”) talbet estensjoni mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/295/KE tat-22 ta’ Marzu 2004 li tawtorizza lill-Italja li tapplika miżura ta' deroga mill-Artikoli 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (4).

(5)

B’konformità ma’ l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talbiet imressqa. F’ittri datati 27 ta’ Ottubru 2005 u 7 ta’ Settembru 2005; u l-25 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni innotifikat lill-Olanda, lil Spanja u lill-Italja rispettivament li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talbiet individwali.

(6)

Id-Deċiżjoni 98/161/KE tawtorizza lill-Olanda li tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 1999, ċerti miżuri biex tevita l-evażjoni li għandha x’taqsam mal-forniment u l-akkwist intra-komunitarju tal-materjali użati u ta’ l-iskart. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/435/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 (5) testendi d-data ta’ l-iskadenza għad-Deċiżjoni 98/161/KE sal-31 ta’ Diċembru 2003. Sussegwentement din kienet segwità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/514/KE ta' l-14 ta' Ġunju 2004 (6) li testendi ulterjorment l-awtorizzazzjoni mogħtija taħt id-Deċiżjoni 98/161/KE sad-data preċedenti tad-dħul fis-seħħ ta’ skema speċjali għall-applikar tal-VAT fuq is-settur tar-riċiklaġġ ta’ l-iskart jew il-31 ta’ Diċembru 2005.

(7)

Id-Deċiżjoni 2004/228/KE tawtorizza lil Spanja li tapplika miżura biex tipprevjeni l-evażjoni tal-VAT fis-settur tar-riċiklaġġ ta’ l-iskart. Id-Deċiżjoni msemmija tiskadi fid-data preċedenti tad-dħul fis-seħħ ta’ skema speċjali għall-applikar tal-VAT fuq is-settur tar-riċiklaġġ ta’ l-iskart jew il-31 ta' Diċembru 2005.

(8)

Id-Deċiżjoni 2004/295/KE tawtorizza lill-Italja li tapplika miżura biex tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa fis-settur tar-riċiklaġġ ta’ l-iskart. Id-Deċiżjoni msemmija tiskadi fid-data preċedenti tad-dħul fis-seħħ ta’ skema speċjali għall-applikar tal-VAT fuq is-settur tar-riċiklaġġ ta’ l-iskart jew il-31 ta' Diċembru 2005.

(9)

Il-miżuri huma proporzjonati ma’ l-għanijiet immirati minħabba li huma intenzjonati li japplikaw għal fornimenti speċifiċi li fihom riskju konsiderevoli ta’ evażjoni tat-taxxa.

(10)

Il-kwistjonijiet li jiġġustifikaw fid-dritt u fil-fatt l-applikar ta’ dawn il-miżuri speċjali partikolari għadhom ma nbidlux u għadhom jgħoddu. Madankollu, fis-16 ta’ Marzu 2005 il-Kummissjoni preżentat proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE rigward ċertu miżuri biex jissimplifikaw il-proċedura għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud u biex tassisti l-indirizzar ta' l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u li tirrevoka ċerti Deċiżjonijiet li jagħtu derogi.. Id-Direttiva proposta, jekk tiġi adottata, tagħti s-setgħa lill-Istati Membri li jaħtru reċipjent ta' ċerti oġġetti u servizzi fis-settur ta' l-iskart bħala l-persuni responsabbli mill-ħlas tat-taxxa.

(11)

Konsegwentement, jeħtieġ li tiġi estiża l-applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 98/161/KE, 2004/228/KE u 2004/295/KE, sal-31 ta' Diċembru 2009 jew sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' l-iskema speċjali għall-applikar tal-VAT għas-settur tar-riċiklaġġ ta' l-iskart li jemenda d-Direttiva 77/388/KEE, skond liema minnhom isseħħ l-ewwel.

(12)

L-estensjoni tad-deroga m'għandha ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi tal-Komunità stess li jirriżultaw mill-VAT, u lanqas għandha xi effett fuq l-ammont tal-VAT imħallas fl-istadju finali tal-konsum,

(13)

Sabiex tkun assigurata l-kontinwita legali, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2006,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 98/161/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2005” għandha tiġi mibdula bid-data “31 ta’ Diċembru 2009”

Artikolu 2

Fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2004/228/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2005” għandha tiġi mibdula bid-data “31 ta’ Diċembru 2009”

Artikolu 3

Fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2004/295/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2005” għandha tiġi mibdula bid-data “31 ta’ Diċembru 2009”

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2006.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, nhar il-14 ta’ Frar 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

K.-H. GRASSER


(1)  ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, ta’ l-1.5.2004, p. 35).

(2)  ĠU L 53, ta’ l-24.2.1998, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament Nru 2004/514/KE (ĠU L 219, tad-19.6.2004, p. 11).

(3)  ĠU L 70, tad-9.3.2004, p. 37.

(4)  ĠU L 97, ta’ l-1.4.2004, p. 63.

(5)  ĠU L 172, tat-12.7.2000, p. 24.

(6)  ĠU L 219, tad-19.6.2004, p. 11.