29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

224


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta' l14 ta' Frar 2006

li testendi l-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2002/148/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet maż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE

(2006/114/EK)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern (1) dwar il-miżuri li jittieħdu u l-proċeduri li jiġu segwiti fl-implementazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2002 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni 2002/148/KE (3), il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe taħt l-Artikou 96(2)(ċ) tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE, ġew konklużi u ġew meħuda l-miżuri adatti, kif speċifikat fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni 2005/139/KE (4), l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/148/KE, li kienet ġiet estiża sa l-20 ta' Frar 2004 bid-Deċiżjoni 2003/112/KE (5) u sa l-20 ta' Frar 2005 bid-Deċiżjoni 2004/157/KE (6), ġew estiżi sa l-20 ta' Frar 2006.

(3)

L-elementi essenzjali ċitati fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE għadhom qegħdin jiġu miksura mill-Gvern taż-Żimbabwe u l-kondizzjonijiet attwali fiż-Żimbabwe ma jiggarantixxux ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-prinċipji demokratiċi u ta' l-istat tad-dritt.

(4)

Il-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri għandu, għalhekk, jiġi estiż,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/148/KE għandu jiġi estiż sa l-20 ta' Frar 2007. Dawn il-miżuri għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni kostanti.

L-ittra fl-Anness ma din id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lill-President taż-Żimbabwe.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, nhar il-14 ta' Frar 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

K.-H. GRASSER


(1)  ĠU L Nru 317 tal-15.12.2000, p. 376.

(2)  ĠU L Nru 317 tal-15.12.2000, p. 3.

(3)  ĠU L Nru 50 tal-21.2.2002, p. 64.

(4)  ĠU L Nru 48 tad-19.2.2005, p. 28.

(5)  ĠU L Nru 46 tal-20.2.2003, p. 25.

(6)  ĠU L Nru 50 tal-20.2.2004, p. 60.


ANNESS

Brussell,

L-Unjoni Ewropea tagħti l-akbar importanza lid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE. Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi u ta' l-istat ta' dritt, li jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Sħubija, huma l-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

B'ittra li ġġib id-data tad-19 ta' Frar 2002, l-Unjoni Ewropea informatek bid-deċiżjoni tagħha li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet li saru taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE u li tieħu “miżuri adatti” skond l-Artikolu 96(2)(c) ta' dan il-Ftehim.

Bl-ittri tad-19 ta' Frar 2003, tad-19 ta' Frar 2004 u tat-18 ta' Frar 2005, l-Unjoni Ewropea informatek bid-deċiżjoni tagħha li ma tirrevokax l-applikazzjoni tal-“miżuri adatti” u li testendi l-perjodu ta' żmien ta' l-applikazzjoni tagħhom sa l-20 ta' Frar 2004, l-20 ta' Frar 2005 u l-20 ta' Frar 2006 rispettivament.

Wara tnax-il xahar, il-Gvern ta' pajjiżek, fil-fehma l-Unjoni Ewropea, ma għamel ebda progress sinifikattiv fil-ħames oqsma msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2002.

Fid-dawl ta' dak espost hawn fuq, l-Unjoni Ewropea ma tikkunsidrax li l-miżuri adatti jistgħu jiġu revokati, u ddeċidiet li testendi l-perjodu ta' l-applikazzjoni tagħhom sa l-20 ta' Frar 2007. L-Unjoni Ewropea sejra ssegwi mill-viċin l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe u tixtieq mill-ġdid temfasizza li hija mhijiex qiegħda tippenalizza l-poplu taż-Żimbabwe u li sejra tkompli tagħti l-kontribuzzjoni tagħha għall-operazzjonijiet ta' natura umanitarja u għall-proġetti li jsostnu b'mod dirett il-popolazzjoni lokali, partikolarment proġetti fis-setturi soċjali, ta' demokratizzazzjoni, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u ta' l-istat ta' dritt, li mhumiex milquta minn dawn il-miżuri.

L-Unjoni Ewropea tixtieq tfakkar li l-applikazzjoni tal-miżuri adatti fis-sens ta' l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE ma tostakolax id-djalogu politiku kif definit fid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 ta' dak l-istess Ftehim. B'kont meħud ta' dan, l-Unjoni Ewropea tixtieq temfasizza l-importanza li hija tagħti lill-koperazzjoni futura bejn il-KE u ż-Żimbabwe u tixtieq tesprimi d-disponibbiltà tagħha li tibda, meta l-kondizzjonijiet jiġu sodisfatti, l-programmazzjoni ta' wara d-9 EDF u tikkunsidra li din tkun opportunità ta' djalogu bejn iż-żewġ imseħbin.

Għal dan l-iskop, l-Unjoni Ewropea tixtieq li int u l-Gvern tiegħek tagħmlu dak kollu li tistgħu sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid ir-rispett tal-prinċipji fundamentali proklamati fil-Ftehim ta' Sħubija, u b'hekk tippermettu r-ristabbiliment tal-koperazzjoni meta l-kondizzjonijiet jippermettu.

Dejjem tiegħek,

Għall-Kummissjoni

A. PIEBALGS

Għall-Kunsill

K.-H. GRASSER