29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

135


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-30 ta' Jannar 2006

li testendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/75/KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta' skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni ta' l-Euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm “Pericles”)

(2006/76/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Meta adotta d-Deċiżjoni 2006/75/KE (2) il-Kunsill indika li din għandha tapplika fl-Istati Membri parteċipanti kif definit fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta' l-euro (3),

(2)

Madankollu, l-iskambju ta' informazzjoni u ta' persunal u l-miżuri ta' għajnuna u taħriġ implimentati taħt il-programm Pericles għandhom ikunu uniformi fil-Komunità kollha u għaldaqstant għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi garantit l-istess livell ta' protezzjoni għall-euro fl-Istati Membri fejn l-euro mhix il-munita uffiċjali,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/75/KE għandha tiġi estiża għal Stati Membri barra mill-Istati Membri parteċipanti kif definit fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 974/98.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Maghmul fi Brussell, nhar it-30 ta' Jannar 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

U. PLASSNIK


(1)  Opinjoni mogħtija fit-13 ta' Ottubru 2005 (Għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ara paġna 40 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)   ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2169/2005 (ĠU L 346, 29.11.2005, p. 1).