29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

133


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-30 ta' Jannar 2006

li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta' skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni ta' l-Euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm “Pericles”)

(2006/75/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet sentenza ta' l-Artikolu 123(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 13(3)(a) tad-Deċiżjoni 2001/923/KE (3) sat-30 ta' Ġunju 2005 il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li għandhu jkun indipendenti mill-amministratur tal-programm, li jevalwa r-relevanza, l-effiċjenza u l-effettività tal-programm u komunikazzjoni dwar jekk dan il-programm għandhux jitkompla u jiġi adottat, akkumpanjat minn proposta xierqa.

(2)

Ir-rapport ta' evalwazzjoni previst fl-Artikolu 13 ta' dik id-Deċiżjoni ġie maħruġ fit-30 ta' Novembru 2004. Dan jikkonkludi li l-programm qed jilħaq l-objettivi tiegħu u jirrakkomanda t-tkomplija tal-programm.

(3)

Ammont ta' referenza finanzjarju, fis-sens tal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina tal-budget u titjib tal-proċedura tal-budget  (4) hu inkluż f'din id-Deċiżjoni għat-tul kollu tal-programm, mingħajr ma dan jaffettwa s-setgħat ta' l-awtorità tal-budget kif definiti mit-Trattat.

(4)

It-tkomplija tal-programm tirrifletti l-ħtieġa ta' viġilanza, taħriġ u assistenza teknika kontinwa meħtieġa biex issostni l-protezzjoni ta' l-euro kontra l-iffalsifikar.

(5)

L-effiċjenza tal-programm għall-protezzjoni ta' l-euro tista' tiġi msaħħa jekk l-appoġġ tekniku jiġi mkabbar biex jipprovdi wkoll, bl-involviment ta' l-Europol, għall-appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni f'operazzjonijiet trans-konfinali; u tista' tibbenefika, f'każijiet debitament ġustifikati, minn flessibbiltà akbar fil-proporzjon ta' l-ispejjeż li l-Komunità tista' ġġorr u fin-numru ta' proġetti li Stat Membru jista' jippreżenta.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE għandha għalhekk tiġi emendata għaldaqstant.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE hija b' dan emendata kif ġej:

1)

L-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 1(2), għandha tinbidel b’dan li ġej:

“Għandu jibda jopera mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2006.”.

2)

Il-punt li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 2(2):

“(e)

għan li jiġu pubblikati r-riżultati miksuba, bħala parti mill-iskambju ta' informazzjoni, esperjenza u prattika tajba.”

.

3)

Il-punt li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 3(3):

“(d)

fuq bażi sekondarja appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni f'operazzjonijiet trans-konfini meta tali appoġġ m'huwiex disponibbli minn istituzzjonijiet Ewropej u korpi oħra.”

.

4)

L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“L-ammont ta' referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2005 għandu jkun ta' EUR 4 miljun.

L-ammont ta' referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2006 għandu jkun ta' EUR 1 miljun.”

5)

Fl-Artikolu 10(1), il-frażi ta' introduzzjoni għandha tinbidel b’dan li ġej:

“Il-Komunità għandha, f'każijiet debitament ġustifikati, iġġorr sa 80 % ta' l-ispiża ta' l-appoġġ operazzjonali msemmija fl-Artikolu 3 permezz ta' ko-finanzjament, b'mod partikolari:”

.

6)

Fl-Artikolu 11 “70 %” għandha tinbidel bi “80 %”.

7)

L-Artikolu 12 għandu jiġi emendat kif ġej:

a)

it-tieni sub-paragrafu ta’ paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jippreżentaw proġett wieħed jew, eċċezzjonalment, tnejn fis-sena li jikkonċernaw il-workshops, il-laqgħat u s-seminarji imsemmija fit-tieni sub-paragrafu ta' l-Artikolu 3(2). Il-proġetti f'rabta ma' tqegħid, skambjar jew assistenza jistgħu jiġu preżentati ukoll.”

;

b)

Is-sub-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' paragrafu 1:

“Fil-każ li iżjed minn proposta waħda jiġu preżentati minn Stat Membru wieħed, il-koordinazzjoni titwettaq mill-awtorità nazzjonali kompetenti definita fl-Artikolu 2(b) ir-raba' inċiż tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001.”

;

ċ)

f' paragrafu 2 il-punt (e) għandu jinbidel b' dan li ġej:

“(e)

il-kwalità intrinsika tal-proġett f'termini tal-proporzjon tal-konċezzjoni, l-organizzazzjoni, il-preżentazzjoni, l-objettivi u l-effettività ta' l-infiq tagħha”

.

d)

Il-punt li ġej għandu jiżdied f' paragrafu 2:

“(h)

kompatibbiltà max-xogħol li qed jitwettaq jew jiġi mħejji bħala parti mill-azzjoni ta' l-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-valuta”

.

Artikolu 2

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effet fl-Istati Membri parteċipanti kif definit fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta' l-euro (5).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2006.

Magħmul fi Brussell, nhar it-30 ta' Jannar 2006

Għall-Kunsill

Il-President

U. PLASSNIK


(1)  Opinjoni mogħtija fit-13 ta' Ottubru 2005 wara l-konsultazzjoni mhux obbligatorja (għadha mhux pubblikata fil-ĠU).

(2)  ĠU C 161, 1.7.2005, p. 11.

(3)  ĠU L 339, 21.12.2001, p. 50.

(4)  ĠU C 172, 18.6.1999, p. 1.

(5)  ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2596/2000 (ĠU L 300, 29.11.2000, p. 2).