8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

86


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta' Jannar 2006

dwar kondizzjonijiet speċjali li jirregolaw il-laħam u l-prodotti tal-laħam ta' l-ekwini impurtati mill-Messiku maħsuba għall-konsum mill-bniedem

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 16)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/27/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi proċeduri fi kwistjonijiet tas-sigurtà ta' l-ikel (2), u partikolarment l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 97/78/KE u r-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-miżuri neċessarji għandhom jiġu adottati fir-rigward ta' l-importazzjonijiet ta' prodotti minn pajjiżi terzi li probabilment jistgħu jikkawżaw periklu serju għas-saħħa ta' l-annimali jew dik tal-bniedem jew fejn dan il-periklu qed jinfirex.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE tad-29 ta' April 1996 li tikkonċerna l-projbizzjoni ta' l-użu fl-istockfarming ta' ċerti sustanzi li jkollhom azzjoni ormonika u tirostatika u ta' beta-agonists u li tħassar id-Direttivi 81/602/KEE, 88/146/KEE u 88/299/KEE (3) tipprojbixxi importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta' annimali u ta' laħam jew prodotti tal-laħam meħuda minn annimali li ngħataw tali sustanzi, barra fil-każ fejn ingħataw għal skopijiet terapewtiċi jew bħala trattament żootekniku.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 tas-26 ta' Ġunju 1990 li jistabbilixxi proċedura tal-Komunità għal iffissar ta' limiti massimi ta' residwi ta' prodotti mediċinali veterinarji fi prodotti ta' l-ikel ta' oriġini mill-annimali (4) jipprevedi lista ta' sustanzi li ma jistgħux jintużaw fil-produzzjoni tal-laħam u lista ta' sustanzi li għalihom ġew iffissati limiti massimi ta' residwi. Jipprevedi wkoll lista ta' ċerti prodotti mediċinali veterinarji li għalihom ġew iffissati limiti massimi ta' residwi provviżorji. Dawn il-prodotti jistgħu jkunu preżenti fil-laħam ta' l-ekwini.

(4)

L-aħħar żjara ta' spezzjoni tal-Komunità fil-Messiku rrivelat difetti serji fil-kapaċità ta' l-awtoritajiet Messikani biex iwettqu kontrolli serji tal-laħam ta' l-ekwini partikolarment biex jiġu osservati s-sustanzi pprojbiti mid-Direttiva 96/22/KE.

(5)

Dik l-ispezzjoni rrivelat ukoll difetti serji fir-rigward ta' kontrolli tas-suq tal-mediċini veterinarji, li jinkludu prodotti mhux awtorizzati. Dawn id-difetti jwasslu biex l-użu ta' sustanzi pprojbiti fil-produzzjoni tal-laħam taż-żiemel ikun iktar faċli. Għalhekk, dawk is-sustanzi jistgħu jkunu preżenti fil-laħam u fil-prodotti tal-laħam ta' l-ekwini maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Il-preżenza ta' dawk is-sustanzi fl-ikel tesponi lis-saħħa tal-bniedem għal riskju serju potenzjali.

(6)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-kontrolli xierqa fuq il-laħam u l-prodotti tal-laħam ta' l-ekwini impurtati mill-Messiku mal-wasla tagħhom fuq il-fruntiera tal-Komunità biex b'hekk jkun evitat li laħam jew prodotti tal-laħam ta' l-ekwini bħal dawn, li mhumiex tajba għall-konsum tal-bniedem, ma jitqiegħdux fis-suq.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi s-sistema ta' allarm rapida li għandha tintuża biex tiġi implimentata l-kondizzjoni meħtieġa ta' informazzjoni reċiproka prevista fl-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 97/78/KE. Flimkien ma' dan, l-Istati Membri se jżommu lill-Kummissjoni infurmata permezz ta' rapporti perjodiċi tar-riżultati analitiċi kollha tal-kontrolli uffiċjali li jkunu saru fir-rigward ta' konsenji ta' laħam u prodotti tal-laħam ta' l-ekwini mill-Messiku.

(8)

Din id-Deċiżjoni se terġa' tiġi riveduta fid-dawl tal-garanziji offruti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Messiku u fuq il-bażi tar-riżultati tat-testijiet imwettqa mill-Istati Membri.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Suġġett

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal-laħam u għall-prodotti tal-laħam ta' l-ekwini impurtati mill-Messiku u maħsuba għall-konsum tal-bniedem (“laħam u prodotti tal-laħam ta' l-ekwini”).

Artikolu 2

Kontrolli Uffiċjali

1.   Permezz ta' l-użu ta' pjanijiet ta' ġbir ta' kampjuni u ta' metodi ta' osservazzjoni xierqa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skond id-Direttiva 96/22/KE, kull konsenja ta' laħam jew prodotti tal-laħam ta' l-ekwini tgħaddi minn kontrolli uffiċjali bbażati fuq il-periklu, partikolarment għall-preżenza ta' ċerti prodotti li jkollhom azzjoni ormonali jew beta-agonists użati biex iħeġġu t-tkabbir.

2.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport tar-riżultati analitiċi kollha tal-kontrolli uffiċjali fuq konsenji ta' prodotti koperti f'paragrafu 1 lill-Kummissjoni kull tliet xhur. Dan ir-rapport għandu jiġi sottomess matul ix-xahar ta' wara kull perjodu ta' tliet xhur (April, Lulju, Ottubru, u Jannar).

Artikolu 3

Ħlas tan-nefqa

In-nefqa kollha li tkun saret biex tiġi applikata din id-Deċiżjoni għandha tiġi mħallsa mill-konsenjatur, mid-destinatarju jew mill-aġent ta' wieħed minnhom.

Artikolu 4

Konformità

L-Istati Membri għandhom jinformaw mill-ewwel lill-Kummissjoni bil-miżuri li huma jieħdu biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Reviżjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fuq il-bażi tal-garanziji pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti Messikani u tar-riżultati tal-kontrolli uffiċjali li jirreferi għalihom l-Artikolu 2.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Deċiżoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).

(2)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1642/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 4).

(3)  ĠU L 125, 23.5.1996, p. 3. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 262, 14.10.2003, p. 17).

(4)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1518/2005 (ĠU L 244, 20.9.2005, p. 11).