8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

15


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta' Jannar 2006

li temenda d-Deċiżjoni 2005/758/KE dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' suspett ta' influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja fil-Kroazja u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/749/KE

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 6025)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/11/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u partikolarment l-Artikolu 18(7) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur ta' l-irziezet u għasafar oħra, li tikkawża mwiet u disturbi li malajr jistgħu jiksbu daqs epiżootiku li kapaċi jkunu ta' theddida serja għas-saħħa pubblika u dik ta' l-annimali u li jnaqqsu sew il-profittabbiltà tat-trobbija tat-tjur ta' l-irziezet. Hemm riskju li l-aġent tal-marda jista' jiddaħħal permezz tal-kummerċ internazzjonali fit-tjur ħajjin u fil-prodotti tat-tjur.

(2)

Il-Kroazja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-iżolament ta' virus ta' l-influwenza A tas-sottotip H5N1 tar-razza Ażjatika miġbur minn każ kliniku fi speċi selvaġġa. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/749/KE (3) ġiet għalhekk adottata u war sostitwita mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/758/KE tas-27 ta' Ottubru 2005 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' suspett ta' influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja fil-Kroazja u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/749/KE (4).

(3)

Il-Kroazja applikat miżuri stretti għall-kontroll tal-mard u bagħtet aktar informazzjoni lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tal-marda. Din l-informazzjoni tiġġustifika s-sospensjoni ta' l-importazzjoni lill-parti milquta tat-territorju tal-Kroazja.

(4)

Id-Deċiżjoni 2005/758/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2005/758/KE hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 1(1), il-frażi introduttorja hija mibdula b'dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjoni ta' dawn li ġejjin minn dik il-parti tat-territorju tal-Kroazja msemmija fl-Anness”;

2.

Jiżdied l-Anness li t-test tiegħu huwa inkluż fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom minnufih jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawk il-miżuri. Għadnjom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni bihom.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 11 ta' Jannar 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, ta' l-24.9.1991, p. 56. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(2)   ĠU L 24, tal-31.1.1998, p. 9. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, tat-30.4.2004, p. 1; verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 191, tat-28.5.2004, p. 1).

(3)   ĠU L 280, tal-25.10.2005, p. 23.

(4)   ĠU L 285, tat-28.10.2005, p. 50.


ANNESS

“ANNESS

Parti mit-territroju tal-Kraozja msemmija fl-Artikolu 1(1)

Kodiċi ISO tal-pajjiż

Isem il-pajjiż

Il-parti tat-territorju:

HR

Il-Kroazja

Fil-Kroazja, il-kontei ta':

Viroviticko-Podravska

Osjecko-Baranjska”