8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

13


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-10 ta' Jannar 2006

dwar il-projbizzjoni provviżorja fil-Greċja tal-marketing taż-żerriegħa ta' l-ibridi tal-qamħirrum bil-modifika ġenetika MON 810 mniżżla fil-katalgu komuni tal-varjetajiet ta' speċi ta' pjanti agrikoli, skond id-Direttiva 2002/53/KE

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 5964)

(It-test Grieg biss huwa awtentiku)

(2006/10/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-katalgu komuni tal-varjetajiet ta' l-ispeċi tal-pjanti agrikoli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni, bi qbil ma' l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/53/KE, ippubblikat fis-17 ta' Settembru 2004 fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea lista ta' sbatax-il varjetà ta' qamħirrum immodifikati ġenetikament imnissla mill-organiżmu mmodifikat ġenetikament MON 810 fis-suppliment nru 13 tat-22 edizzjoni kompleta tal-katalgu komuni tal-varjetajiet ta' l-ispeċi tal-pjanti agrikoli (2).

(2)

Skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li b'effett mill-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 17, iż-żerriegħa tal-varjetajiet aċċettati skond din id-Direttiva jew bi qbil mal-prinċipji li jikkorrispondu għal dawk ta' din id-Direttiva mhijiex suġġetta għall-ebda ristrizzjonijiet ta' marketing marbuta mal-varjetà.

(3)

Skond l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva msemmija, il-varjetajiet ġenetikament modifikati għandhom jiġu aċċettati biex jiddaħħlu fil-katalgu nazzjonali biss wara li jkunu ġew aċċettati għall-marketing skond id-Direttiva 90/220/KEE (3), li tipprovdi għall-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/294/KE tat-22 ta' April 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L. linja MON 810), skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (4), iddeċidiet li jingħata l-kunsens għat-tqegħid fis-suq ta' dak il-prodott. Fil-3 ta' Awwissu 1998, l-awtoritajiet Franċiżi effettivament ippermettew it-tqegħid fis-suq ta' dak il-prodott.

(5)

Fis-7 ta' April 2005, l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-Ordni Ministerjali Nru 243267 tat-3.3.2005 li, għall-istaġuni tal-koltivazzjoni ta' l-2005 u l-2006, tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tas-sbatax-il varjetà msemmija hawn fuq, u talbu lill-Kummissjoni biex tawtorizza din il-miżura nazzjonali skond l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/53/KE.

(6)

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/53/KE jipprovdi li, jekk jiġi stabbilit li, fi kwalunkwe Stat Membru, il-koltivazzjoni ta' varjetà mniżżla fil-katalgu komuni tal-varjetajiet tista' tkun ta' ħsara għall-koltivazzjoni ta' varjetajiet jew speċi oħra mil-lat tas-saħħa tal-pjanti, jew inkella tkun tirrappreżenta riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, dak l-Istat Membru jista' japplika għal u jingħata awtorizzazzjoni biex jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa kkonċernata fit-territorju kollu tiegħu jew f'parti minnu. Fejn ikun hemm periklu imminenti tat-tixrid ta' organiżmi ta' ħsara jew periklu imminenti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, dik il-projbizzjoni tista' tiġi imposta mill-Istat Membru kkonċernat minn meta tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni tagħha sa meta tkun ittieħdet deċiżjoni finali.

(7)

Fin-notifika l-awtoritajiet Griegi spjegaw li l-miżura ta' projbizzjoni qed titqies li hija meħtieġa minħabba li l-koltivazzjoni ta' varjetajiet ġenetikament modifkati jista' jkollha effetti ħżiena fuq l-ambjent rurali. Il-Greċja ma tat l-ebda tagħrif li jsostni l-miżura tagħha, u li seta' jiġi mgħoddi lill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari għallvalutazzjoni tar-riskji li dawn il-varjetajiet ġenetikament modifikati jippreżentaw għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Fl-4 ta' Mejju 2005, il-Kummissjoni kitbet lill-awtoritajiet Griegi u talbithom kjarifika, b'mod partikolari għall-effetti possibbli fuq l-ambjent rurali li it-tqegħid fis-suq ta' dawk iż-żrieragħ jista' jġib miegħu. L-awtoritajiet Griegi rrispondew fit-12 ta' Mejju 2005, u qalu li l-effetti ħżiena fuq l-ambjent rurali kkawżat miż-żrieragħ ta' dawk is-sbatax-il varjetà ġenetikament modifikata huwa ta' natura ekonomika, u ma jikkonċernawx l-ambjent b'mod ġenerali jew is-saħħa tal-bniedem. F'dan ir-rigward, ir-risposta stqarret ukoll li l-awtoritajiet Griegi huma konxji li, b'applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-valutazzjoni tar-riskji ambjentali, MON 810 diġà ġie evalwat bħala ta' ebda periklu għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem.

(8)

Fuq din il-bażi, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet speċifiċi ta' l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/53/KE ma hija applikabbli fil-każ tal-projbizzjoni mill-awtoritajiet Griegi tal-koltivazzjoni ta' dawn il-varjetajiet, u għaldaqstant ma tistax tingħata awtorizzazzjoni għal din il-projbizzjoni.

(9)

Il-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal ta' Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikultura u l-Koltivazzjoni tal-Foresti ma tax opinjoni favorevoli fl-iskadenza stipulata mill-President tiegħu. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta dwar dawn il-miżuri lill-Kunsill fit-30 ta' Awwissu 2005, skond l-Artikolu 23, paragrafu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE u skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' l-implimenatzzjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni (5).

(10)

Minħabba li fuq l-iskadenza tal-perjodu stabbilit fl-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2002/53/KE, il-Kunsill la adotta l-miżuri proposti u lanqas indika li kien kontra tagħhom, skond l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE l-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Repubblika Ellenika mhijiex awtorizzata li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' l-ibridi tal-qamħirrum li għandhom il-modifikazzjoni ġenetika MON 810 mniżżla fil-katalgu komuni tal-varjetajiet.

Artikolu 2

Ir-Repubblika Ellenika għandha tieħu l-passi meħtieġa biex iġġib ruħha konformi ma' din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard minn 20 jum wara li tkun ingħatat in-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Jannar 2006.

Għall-Kummissjoni

Is-Sur Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU C 232 A, 17.9.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/35/KE (ĠU L 169, 27.6.1997, p. 72).

(4)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 32.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.