29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2005

li tadotta regolamenti li jiffissaw il-modalitajiet ta' l-għoti ta' għajnuna finanzjarja li tikkumpensa l-pensjoni ta’ konjuġi sopravissut li għandha/u marda serja jew fit-tul jew li għandha/u diżabbiltà.

(2006/6/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA.

Wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, stabbiliti bir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1), kif emendati l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) nru 31/2005 (2), b' mod partikolari l-Artikolu 76a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat ta' l-Istatut,

Billi hu l-kompitu ta’ l-Istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej li jistabbilixxu bi ftehim komuni l-kondizzjonijiet ta’ l-għajnuna finanzjarja li tikkumpensa l-pensjoni tal-konjunġi sopravissut li għandha/u marda serja jew fit-tul jew li għandha/u diżabbiltà,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-qafas ta’ l-azzjonijiet ta’ natura soċjali previsti mir-Regolamenti tal-Persunal, il-konjugi sopravissut li għandu mard serju jew fit-tul, jew li għandha/u diżabbiltà j/tista’ j/tkun ikkumpensat/a permezz ta’ għajnuna mħallsa mill-istituzzjoni matul it-tul taż-żmien tal-marda serja jew fit-tul jew id-diżabbiltà abbażi ta’ l-eżaminar tal-kondizzjonijiet soċjali u medikali tal-persuna kkonċernata.

Artikolu 2

Id-deċiżjoni li tingħata għajnuna skond l-Artikolu 76a tar-Regolamenti tal-Persunal hi meħuda mill-awtorità li għandha s-setgħa li tinnomina (minn issa ’l quddiem imsejħa: l-AIPN) tal-Kummissjoni.

L-immaniġġjar tal-krediti ddestinati biex ikun applikat l-Artikolu 76a tar-Regolamenti tal-Persunal jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni.

Artikolu 3

Il-konjugi sopravissut jew ir-rappreżentant legali tiegħu/tagħha (minn issa ’l quddiem imsejjaħ/imsejħa: “l-applikant”) għandu/ha j/tippreżenta l-applikazzjoni tiegħu/tagħha lis-Servizzi Soċjali ta’ l-istituzzjoni responsabbli mill-iffissar tad-drittijiet għall-pensjoni tal-konjugi kkonċernat/a sopravissut/a. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’rapport mediku ddettaljat akkumpanjat, jekk meħtieġ, b’dokumenti ġustifikaturi, tat-tabib li jkun qed jikkura l-konjugi sopravissut/a, billi jidentifika l-marda serja jew fit-tul jew id-diżabbiltà u jipproponi l-miżuri neċessarji biex jittaffew l-effetti tad-diżabbiltà jew tal-marda gravi jew fit-tul.

Artikolu 4

Id-deċiżjoni ta’ l-AIPN tal-Kummissjoni tkun meħuda abbażi ta’ opinjoni medika u ta’ opinjoni dwar il-kondizzjonijiet soċjali tal-persuna kkonċernata, wara li jkunu kkunsidrati l-finalitajiet iddikjarati fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

Wara li tkun ikkunsidrata l-opinjoni tat-tabib kuranti, it-tabib konsulent ta’ l-istituzzjoni responsabbli skond l-Artikolu 3 jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-għarfien kif ukoll il-gravità u t-tul ta’ żmien preżunt tal-marda jew id-diżabbiltà. Hu jagħti l-opinjoni tiegħu ukoll dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jittaffew l-effetti tal-marda jew id-diżabbiltà. F’każ ta’ opinjoni kuntrarja min-naħa tat-tabib konsulent ta’ l-istituzzjoni, il-fajl ikun ippreżentat għal opinjoni ta’ kumitat kompost mit-tabib konsulent ta’ l-istituzzjoni, mit-tabib kuranti ta' l-applikant u minn tabib ieħor innominat bi ftehim komuni miż-żewġ tobba preċedenti.

Artikolu 6

L-opinjoni dwar il-kondizzjoni soċjali ta' l-applikant għandha tkun preżentata minn assistent soċjali ta’ l-Istituzzjoni responsabbli skond l-Artikolu 3. Din l-opinjoni tal-qagħda soċjali għandha tieħu kont ta' l-opinjoni medika u għandha tinkludi analiżi tas-sitwazzjoni soċjali, tal-bżonnijiet veri marbuta mal-marda jew id-diżabbiltà, inluża s-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-applikant, id-dħul u l-ispejjeż tiegħu. Fuq il-bażi ta' l-opinjoni medika u l-analiżi tiegħu jew tagħha, l-assistent soċjali għandu, skond l-Artikolu 10, jipproponi l-ammont li għandu jingħata bħala għajnuna finanzjarja, it-tul ta' żmien ta' dan l-għoti u l-bżonn għal eżaminazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni soċjali u l-istat tas-saħħa tal-persuna konċernata. F’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim dwar l-analiżi soċjo-ekonomika bejn l-applikant u l-assistent soċjali, il-każ ikun ippreżentat għal opinjoni ta’ kumitat konġunt maħluq bl-inizjattiva tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

L-AIPN tal-Kummissjoni għandu jiddeċiedi fi żmien xahrejn mid-data li fiha l-applikazzjoni tkun preżentata abbazi ta’ l-opinjonijiet mogħtija skond l-Artikoli 5 u 6. Jekk tingħata għajnuna finanzjarja, din għandha tieħu effett mill-ewwel jum tax-xahar li jsegwi dak li matulu l-applikazzjoni kienet preżentata u għandha tingħata għal mhux aktar minn 12 -il xahar.

Artikolu 8

Fil-każ li l-perijodu ta' l-għajnuna finanzjarja jkun għadda, skond id-deċiżjoni ta' l-AIPN, iżda jkun għad hemm diżabbiltà jew marda serja jew prolungata, estensjoni għandha tkun possibbli. L-AIPN għandha tiddeċiedi dwar l-estensjoni ta' l-għoti ta' l-għajnuna finanzjarja fuq il-bażi ta' opinjoni medika ġdida, kif adegwat, u opinjoni dwar is-sitwazzjoni soċjali tal-persuna konċernata skond l-Artikolu 5 u 6. Jekk jiġi deċiż li l-għoti ta' l-għajnuna għandu jkun estiż, l-għajnuna għandha tieħu effett mill-ewwel jum tax-xahar li jsegwi l-aħħar xahar tad-deċiżjoni preċedenti.

Artikolu 9

L-applikant għandu jindika s-sitwazzjoi finanzjajra tiegħu (b'mod partikolari assi, proprjetà immobbli u titoli mobiljari) u għandu jaħlef fuq l-unur tiegħu u jiddikjara abbażi ta’ l-aħħar dikjarazzjoni tat-taxxa d-dħul tiegħu (il-pensjoni mogħtija mill-Istituzzjoni, kwalunkwe pensjoni eventwali oħra mogħtija minn imkejjen oħra, l-għajnuniet marbuta mad-diżabbiltà jew il-marda gravi/jew fit-tul kif ukoll kull sors ieħor ta’ dħul ta’ flus).

Artikolu 10

Bil-kondizzjoni li jkun rikonoxxut li hu/hi għandu/ha marda serja jew fit-tul jew diżabbiltà u abbażi ta’ l-Artikoli 4, 5, 6 u 7, il-konjugi sopravissut j/tibbenefika minn għajnuna finanzjarja abbazi tal-kalkolu li ġej:

l-ammont ta’ flus li jikkorrispondi ma’ l-ispejjez marbuta mal-marda serja jew fit-tul jew mad-diżabbiltà li mhumiex rimburżati minn imkejjen oħra flimkien ma’ l-ammont ta’ flus tal-paga minima li minnha jitnaqqas id-dħul tal-persuna kkonċernata skond l-Artikolu 9. L-ammont ta’ flus għal din l-għajnuna ma jistax għaldaqstant jaqbeż lil dak ta’ l-imsejħa spejjeż.

Artikolu 11

L-intervent finanzjarju ta’ l-istituzzjoni jitwettaq kull xahar jekk it-tul ta’ żmien tal-marda serja jew fit-tul jew id-diżabbiltà, skond l-opinjoni medika, jaqbeż xahar u darba biss f’każ kuntrarju.

Artikolu 12

Il-applikant hu mistenni li jinforma mingħajr dewmien is-servizzi soċjali ta’ l-istituzzjoni responsabbli skond l-Artikolu 3, dwar kull tibdiliet fis-sitwazzjoni tiegħu/tagħha.

Artikolu 13

Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport dettaljat dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, inkluż dwar l-għajnuna finanzjarja annwali medja u l-impatt finanzjarju totali, tliet snin wara d-data mid-dħul fis-seħħ tiegħu, u kull tliet snin sussegwentement.

Artikolu 14

Dawn ir-regoli għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar li jsegwi li matulu l-ftehim komuni ta’ l-istituzzjonijiet previsti fl-Artikolu 76a tar-Regolamenti tal-Persunal ikun iddikjarat mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

Dawn huma applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2004.

Magħmul fi Brussell, nhar it-12 ta' Diċembru 2005.

Għall-Kunsill,

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2005, p. 1.