21.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

371


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2049/2005

tal-15 ta’ Diċembru 2005

li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, regoli għall-intrapriżi żgħar u medji dwar ħlasijiet lil u jirċievu assistenza amministrattiva mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew (KEE) Nru 726/2004 tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u għall-użu veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 70(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru. 726/2004, li jieħu post il-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2309/93 tat-22 ta Lulju 1993 li jistipula proċeduri tal-Komunità għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta' Prodotti Mediċinali (2), jipprevedi li d-dħul ta’ l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (imsejħa l-Aġenzija) għandu jikkonsisti minn kontribuzzjoni mill-Komunità u ħlasijiet minn kumpaniji.

(2)

Fil-kuntest tas-sistema stabbilita mir-Regolament (KEE) Nru 2309/93, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 297/95 (3) jiddisponi għall-ħlasijiet li għandhom jsiru lill-Aġenzija.

(3)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 726/2004, il-qagħda tal-mikro-intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) għandha titqies waħedha. Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ l-SMEs għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali awtorizzati permezz tal-proċedura ċentralizzata, ir-Regolament għalhekk jipprevedi l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu t-tnaqqis tal-ħlasijiet, il-posponiment tal-ħlasijiet, u l-għoti ta’ għajnuna amministrattiva. Dispożizzjonijiet bħal dawn, li għandhom japplikaw b’mod ugwali għall-oqsma umani u dawk veterinarji, huma mmirati biex jippromwovu l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti mediċinali mill-SMEs.

(4)

Id-definizzjoni tal-mikro-intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u medji fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/EC (4) għandha tapplika, għall-raġunijiet ta’ trasparenza u koerenza.

(5)

L-esperjenza miksuba mill-adozzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2309/93 ‘l hawn turi li l-ostakli finanzjarji u amministrattivi ewlenin li jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ l-SMEs għad-dħul fis-suq qegħdin fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ta' qabel il-kummerċjalizzazzjoni, bħal ma huma l-konsulenza xjentifika, it-tressiq ta' l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, u l-ispezzjonijiet. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament għalhekk għandhom jiffokaw fuq dawn l-aspetti.

(6)

Il-ħlasijiet għall-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u l-ispezzjonijiet relatati mwettqa għall-għan ta’ valutazzjoni ta’ l-applikazzjoni jistgħu jikkostitwixxi limitazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-SMEs. B’konsegwenza ta’ dan, sabiex jkun evitat li tiddgħajjef il-kundizzjoni finanzjarja ta’ l-intrapriżi matul il-valutazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, huwa xieraq li wieħed jiddeferixxi l-ħlas sa l-aħħar tal-proċedura.

(7)

SMEs li joperaw fil-qasam farmaċewtiku spiss ikunu kumpaniji innovattivi, bħal dawk li jaħdmu fil-qasam tat-terapija tal-ġeni jew taċ-ċelloli somatiċi, li jistgħu jibbenefikaw sew mit-tagħqid ta’ l-għarfien espert xjentifiku fuq livell komunitarju. Barra minn hekk, hemm iktar probabbilità li l-evalwazzjoni xjentifika ta’ l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tkun favorevoli għall-prodotti mediċinali li jkunu ngħataw parir xjentifiku. Għalhekk, l-aċċess għal parir xjentifiku ta’ l-Aġenzija għall-SMEs li qed ifittxu awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għandu jitħaffef billi jitnaqqsu l-ħlasijiet. Bħala inċentiv ieħor, għandha tingħata eżenzjoni kondizzjonali tal-ħlas lill-applikanti li talbu parir bħal dan u li effettivament qisuh fl-iżvilupp tal-prodott mediċinali tagħhom.

(8)

Għandu jiġi pprovdut wkoll inċentiv ieħor, permezz ta’ tnaqqis fil-ħlasijiet, biex jiġu stabbiliti l-limiti massimi tar-residwi (LMR) għall-prodotti tal-mediċinali veterinarji, biex jappoġġjaw iktar l-iffissar ta' limiti bħal dawn.

(9)

It-traduzzjonijiet jistgħu jkunu ta’ piż amministrattiv sinifikanti għall-SMEs. L-Aġenzija għandha għalhekk tagħmel arranġamenti xierqa biex tipprevedi għat-traduzzjonijiet ta’ ċerti dokumenti meħtieġa għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, b’mod partikolari l-abbozz tas-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott u l-abbozz tat-test tal-fuljett tat-tikkettjar u l-ippakkettjar.

(10)

Nuqqas ta’ esperjenza dwar il-proċedura ċentralizzata u l-Aġenzija bħala organizzazzjoni ammistrattiva m’għandhomx iżommu l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mediċinali ġodda. B’konsegwenza, huwa xieraq li jinħoloq uffiċċju għall-SME’s, bir-risponsabbilità waħdanija li joffri assistenza amministrattiva lill-SMEs. L-uffiċċju ta’ l-SMEs għandu jipprovdi interazzjoni komuni bejn l-SME applikant u l-Aġenzija, sabiex jiffaċilita l-komunikazzjoni u jwieġeb talbiet prattiċi jew ta’ proċedura.

(11)

Sabiex ikun hemm gwida prattika għall-SMEs applikanti, l-Aġenzija għandha tippubblika gwida għall-użu dwar l-aspetti amministrattivi u ta’ proċedura marbuta mal-proċedura ċentralizzata li huma ta’ referenza partikolari għall-SMEs.

(12)

L-Aġenzija għandha tirrapporta annwalment dwar it-tħaddim tad-dispożizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament, sabiex jinkiseb rispons prattiku.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li SMEs jibbenefikaw l-aktar mid-derogazzjoni li hemm f’dan ir-Regolament, dan għandu jidħol fis-seħħ minnufih.

(14)

Il-miżuri previsti f' dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem u l-Kumitat Permanenti għall-Prodotti Mediċinali Veterinarji,

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi fejn b’deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 297/95, il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) jistgħu jagħmlu ħlasijiet mnaqqsa, jiddeferixxu il-ħlasijiet, jew jirċievu assistenza amministrattiva meta jressqu applikazzjonijiet skond ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 lill-Aġenzija Ewropea tal-mediċinali, minn hawn ‘il quddiem “l-Aġenzija”.

Artikolu 2

L-Għan

1.   Dan ir-Regolament ser japplika għall-SMEs kif imfissra fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE fil-verżjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 li huma stabbiliti fil-Komunità.

2.   Kemm il-darba mhuwiex speċifikat mod ieħor, dan ir-Regolament japplika kemm għall-applikazzjonijiet għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u kemm għall-applikazzjonijiet għall-prodotti veterinarji, kif mfissra fid-Direttivi 2001/83/KE (5) u 2001/82/KE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rispettivament.

Artikolu 3

Definizzjoni

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, applikant ifisser intrapriża li qed tipprova tibbenefika mill-applikazzjoni għad-dispożizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli II u III.

Artikolu 4

Il-preżentazzjoni ta’ l-informazzjoni

SME li tixtieq tibbenefika mid-dispożizzjonijiet għal dan ir-Regolament għandha tippreżenta l-Aġenzija bl-informazzjoni meħtieġa biex turi konformità mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 2(1).

KAPITOLU II

DIFFERIMENTI U TNAQQIS TAL-ĦLASIJIET

Artikolu 5

Differimenti tal-ħlasijiet

1.   Il-ħlas se jkun pospost sakemm tinħareġ in-notifika tad-deċiżjoni finali dwar l-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, jew titneħħa l-applikazzjoni:

(a)

il-ħlas għal applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediċinali, kif imsemmi fil-punti (a) u (b) ta’ l-Artikolu 3(1) u punti (a) u (b) ta’ l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 297/95;

(b)

il-ħlas għal ispezzjonijiet bil-għan li jivvalutaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediċinali, kif imsemmi f l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 297/95;

2.   Il-ħlasijiet msemmija f’paragrafu 1 għandhom jitħallsu fi żmien 45 ġurnata mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni finali dwar l-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, jew fi żmien 45 ġurnata mid-data tan-notifika tat-tneħħija ta’ l-applikazzjoni.

Artikolu 6

Eżenzjoni mill-ħlasijiet kondizzjonali

Bla ħsara għall-Artikolu 5, fejn applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni titressaq għal prodott mediċinali li l-Aġenzija diġà tkun tat parir xjentifiku dwaru, il-ħlas għall-eżami ta’ l-applikazzjoni isir biss jekk tingħata l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni..

Artikolu 7

Tnaqqis fil-ħlasijiet

1.   Għandu japplika t-tnaqqis li ġej:

(a)

fil-każ ta’ spezzjonijiet tnaqqis ta’ 90 % mill-ħlas b’rata ta’ l-ispezzjoni fl-Artikolu 3(4) u f l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 297/95;

(b)

fil-każ ta’ parir xjentifiku tnaqqis ta’ 90 % mill-ħlas għall-parir xjentifiku, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 297/95;

(c)

fil-każ ta’ servizzi xjentifiċi tnaqqis ta’ 90 % mill-ħlas għall-parir xjentifiku, kif imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 297/95;

2.   Is-servizzi amministrattivi, kif imsemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 297/95, se jiġu pprovduti bla ħlas, ħlief meta dawk is-servizzi jikkonċernaw id-distribuzzjoni parallela tal-prodotti mediċinali kif imsemmija fl-Artikolu 57(1)(o) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004.

3.   B’deroga mill-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1, il-parir xjentifiku u s-servizzi xjentifiċi għall-prodotti mediċinali orfni magħżula, kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 141/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) se jiġu pprovduti mingħajr ħlas.

Artikolu 8

Tnaqqis fl-iffissar ta' limiti massimi ta' residwi għall-prodotti mediċinali għall-użu veterinarju

1.   Tnaqqis ta’ 90 % għall-ħlasijiet tal-limiti massimi ta’ residwi sħaħ jew addizzjonali (“LMR”), kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 297/95.

2.   It-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 1 mhux se jitqies meta jiġi kkalkulat it-tnaqqis mill-ħlas dovut għal applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, jew f’applikazzjoni biex tiġi estiża l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għal prodott mediċinali li fih sustanza li għalih ġie ffissat l-LMR fil-kwistjoni, fejn applikazzjonijiet bħal dawn jitressqu mill-istess applikant.

Madankollu, dan it-tnaqqis m’għandux jaqbez nofs il-ħlas li għalih japplika.

Artikolu 9

Tnaqqis ta’ ħlas multiplu

B’deroga mill-Artikoli 7 u 8, fejn l-applikant jista’, għall-istess ħlas, jibbenefika ukoll minn tnaqqis ieħor previst fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li jaqblu l-iktar għall-applikant.

Mhux se jkun permess tnaqqis kumulattiv fil-ħlas għal ħlas partikolari u applikant partikolari.

KAPITOLU III

ASSISTENZA AMMINISTRATTIVA

Artikolu 10

Traduzzjonijiet

L-Aġenzija għandha tipprovdi għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti msemmija fil-punti (a) u (d) ta’ l-Artikolu 9(4) u fil-punti (a) u (e) ta’ l-Artikolu 34 (4) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 meħtieġa għall-għan ta’ l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni fil-Komunità.

Artikolu 11

Uffiċċju għall-SMEs

1.   Id-Direttur Eżekuttiv ta’ l-Aġenzija se jistabbilixxi strutturi amministrattivi apposta u proċeduri speċifiċi għat-twaqqif ta’ uffiċċju għall-SMEs.

2.   L-Uffiċċju għall-SMEs se jkollu r-responsabbilitajiet li ġejjin:

(a)

li jagħti parir lill-applikanti dwar il-passi amministrattivi u ta’ proċedura meħtieġa biex jikkonformaw mal-ħtiġijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 726/2004;

(b)

biex jiżgura l-monitoraġġ xieraq tat-talbiet u l-applikazzjonijiet mressqa mill-istess applikant u marbuta mal-prodott mediċinali partikolari;

(c)

biex jorganizza laqgħat ta’ ħidma u sessjonijiet ta’ taħriġ għall-applikanti dwar il-passi amministrattivi u ta’ proċedura meħtieġa biex jikkonformaw mal-ħtiġijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 726/2004.

Artikolu 12

Gwida għall-Użu

L-Aġenzija sejra, fuq ftehim tal-Kummissjoni, tippubblika Gwida għall-Użu dwar l-aspetti amministrattivi u ta’ proċedura tad-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 726/2004, li huma ta relevanza partikolari għall-SMEs. Il-Gwida għall-Użu se tinżamm aġġornata.

Il-Gwida għall-Użu se tkun fiha ukoll referenzi għad-dispożizzjonijiet eżistenti nazzjonali għall-SMEs applikabbli għal-qasam farmaċewtiku.

Għall-għanijiet tat-tieni paragrafu, l-Istati Membri se jikkomunikaw dawk ir-referenzi lill-Aġenzija.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Rapport

L-Aġenzija, fir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet tagħha se tinkludi taqsima dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Dispożizzjoni ta’ Tranżizzjoni

Dan ir-Regolament mhux se japplika għal applikazzjonijiet validi pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar il-15 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Gunter VERHEUGEN

Viċi-President


(1)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 214, 24.8.1993, p. 1.

(3)  ĠU L 35, 15.2.1995, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1905/2005 (ĠU L 304, 23.11.2005, p. 1).

(4)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(5)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

(6)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1.

(7)  ĠU L 18, -22.1.2000, p. 1.