21.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

337


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2028/2005

tat-13 ta’ Diċembru 2005

li jiftaħ għas-sena 2006 kwota tariffarja applikabbli għall-importazzjoni fil-Komunità Ewropea ta' xi oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li ġejjin mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 tas-6 ta' Diċembru 1993 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għall-ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/859/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim f'forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-Protokoll 2 tal-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 2 tal-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (3), minn naħa, u l-Protokoll 3 tal-Ftehim ŻEE (4), jiddeterminaw l-arranġamenti tan-negozju għal ċertu prodotti agrikoli u agrikoli proċessati bejn il-Partijiet Kontraenti.

(2)

Prototkoll 3 tal-Ftehim ŻEE, kif emendat mid-Deċiżjoni 138/2004 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (5), jipprovdi għal dazju ta' rata zero li huwa applikabbli għal ċerti tipi ta' ilma li fihom miżjud iz-zokkor jew materjal ieħor tal-ħlewwa jew tat-togħma, ikklassifikati taħt il-kodiċi NM 2202 10 00 u ċerti xarbiet oħra mingħajr l-alkoħol li fihom iz-zokkor, ikklassifikati taħt il-kodiċi NM 2202 90 10.

(3)

Id-dazju ta' rata zero fuq it-tipi ta' ilma u x-xarbiet ikkonċernati ġie sospiż temporanjament għan-Norveġja mill-Ftehim f'Forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar Protokoll 2 tal-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (6), minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”, approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/859/KE. Skond il-punt IV tal-Minuti Maqbula tal-Ftehim, importazzjonijiet eżenti mid-dazju ta' prodotti tal-kodiċi NM 2202 10 00 u ex 2202 90 10 li joriġinaw fin-Norveġja għandhom jiġu permessi biss fil-limiti ta' kwota ta eżenzjoni mid-dazju, filwaqt li għandu jitħallas id-dazju fuq importazzjonjiet lil hinn mill-allokazzjoni tal-kwota.

(4)

Jeħtieġ li tinfetaħ il-kwota tariffarja għas-sena 2006 għax-xarbiet mingħajr alkoħol ikkonċernati. Skond statistika pprovduta mill-Kummissjoni, il-kwota annwali għas-sena 2005 li nfetħet mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2185/2004 (7) għall-prodotti kkonċernati ġiet eżawrita fil-31 ta' Ottubru 2005. Skond Punt IV tal-Minuti Maqbula tal-Ftehim il-kwota tariffarja għas-sena 2006 għaldaqstant għandu jiżdied b'10 %.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (8), jiffissa r-regoli tal-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Huwa xieraq li jiġi pprovdut li l-kwota tariffarja miftuħa minn dan ir-Regolament għandha titmexxa skond dawk ir-regoli.

(6)

Biex tiġi żgurata l-ġestjoni tajba tal-kwota tariffarja fl-interess ta' l-operaturi, il-benefiċċju ta' l-eżoneru mid-dazji fi ħdan il-kwota għandu temporanjament isir bil-kundizzjoni li jitressaq lill-awtoritajiet doganali tal-Komunità ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet Norveġiżi.

(7)

Il-miżuri li dwarhom jipprovdi dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija għall-kwistjonijiet orizzontali dwar il-kummerċ ta' prodotti pproċessati li mhumiex imniżżla fl-Anness I,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2006, il-kwota tariffarja tal-Komunità mniżżla fl-Anness I hija miftuħa għall-oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li huma elenkati f'dak l-Anness, taħt il-kundizzjonijiet speċifikati fih.

2.   Ir-regoli ta' l-oriġini applikabbli reċiprokament g]all-prodotti elenkati fl-Anness I għandhom ikunu kif stipulat fi Protokoll 3 tal-Ftehim bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja

3.   Il-benefiċċju mill-eżoneru mid-dazji fi ħdan il-kwota stipulata fl-Anness I għandu jsir bil-kundizzjoni li jitressaq lill-awtoritajiet doganali Komunitarji iċ-ċertifikat li l-formola tiegħu tingħata fl-Anness II, kif maħruġ lill-esportaturi mill-awtoritajiet Norveġiżi f'waħda mill-lingwi tal-Komunità.

4.   Għal kwantitajiet li jiġu importati 'l fuq mill-kwota jew li għalihom ma jiġix ippreżentat iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 3, għandu japplika dazju ta' € 0.047/litru.

Artikolu 2

Il-kwota tariffarja tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni f'konformità ma' l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu jkun applikabbli mill-1 ta' Jannar 2006.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-13 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Gunter VERHEUGEN

Viċi-President


(1)  ĠU L 318, ta' l-20.12.1993, p. 18. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2580/2000 (ĠU L 298, tal-25.11.2000, p. 5).

(2)  ĠU L 370, tas-17.12.2004, p. 70.

(3)  ĠU L 171, tas-27.6.1973, p. 1.

(4)  ĠU L 22, ta' l-24.1.2002, p. 37.

(5)  ĠU L 342, tat-18.11.2004, p. 30.

(6)  ĠU L 370, tas-17.12.2004, p. 72.

(7)  ĠU L 373, tal-21.12.2004, p. 10.

(8)  ĠU L 253, tal-11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 883/2005 (ĠU L 148 tal-11.6.2005, p. 5).


ANNESS I

Kwota tariffarja applikabbli ma' l-importazzjoni fil-Komunità ta' oġġetti li ġejjin min-Norveġja

Nru ta' l-Ordni

Kodiċi NM

Deskrizzjoni tal-prodott

Kwota Annwali tal-Volum għall-2006

Rata ta' dazju applikabbli fil-limiti tal-kwota

Rata ta' dazju applikabbli 'l fuq mill-volum tal-kwota

09.0709

2202 10 00

Ilma, inkluż ilma minerali u ilma ossiġenat, li fih miżjud iz-zokkor jew sustanza li żżid il-ħlewwa oħra, jew bit-togħma

15,73 Miljun litri

Eżenzjoni

€ 0,047/litru

Ex22029010

xarbiet mhux alkoħoliċi oħra li fihom iz-zokkor (sukrożju jew zokkor invertit)


ANNESS II

Ċertifikat għad-dħul fil-Komunità b'eżenzjoni mid-dazju ta' tipi ta' ilma kklassifikati taħt il-Kodiċi NM 2202 10 00 u ex 2202 90 10

Image

Test ta 'immaġni