|
29.11.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
366 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2014/2005
tad-9 ta’ Diċembru 2005
dwar il-liċenzji taħt l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana lejn il-Komunità fir-rigward tal-banana li tkun tqiegħdet f’ċirkulazzjoni ħielsa bir-rata tad-dazju tat-tariffa doganali komuni
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1964/2005 tat-2 ta’ Diċembru 2005 dwar ir-rati tariffarji għall-banana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1964/2005 jiffissa r-rata applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2006 għall-banana importata lejn il-Komunità li taqa’ fl-ambitu tal-kodiċi NM 0803 00 19 . |
|
(2) |
L-arranġamenti tal-importazzjoni bbażati fuq l-applikazzjoni ta’ dazju doganali b’rata xierqa, b’mod parallel għall-applikazzjoni ta’ preferenza ta’ tariffa b’rabta ma’ kwota ta’ tariffa għal importazzjonijiet li joriġinaw fil-pajjiżi tal-AKP, iridu jkunu akkumpanjati minn mekkaniżmu għas-sorveljar tal-importazzjonijiet fuq bażi regolari biex issir aċċertazzjoni dwar il-kwantitajiet imqiegħda f’ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità. L-istrument xieraq biex jinkiseb dan il-għan huwa mekkaniżmu bbażat fuq il-ħruġ ta’ liċenzji għall-importazzjoni soġġett għad-dispożizzjoni ta’ sigurtà biex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet li għalihom kienet saret l-applikazzjoni għal liċenzja jsiru tabilħaqq. Għandhom jiġu stipulati regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu bħal dan fir-rigward ta’ importazzjoni bir-rata tad-dazju tat-tariffa doganali komuni. |
|
(3) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta’ Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (2) huwa applikabbli. |
|
(4) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Banana, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. It-tqegħid f’ċirkolazzjoni ħielsa ta’ banana li taqa’ fl-ambitu tal-kodiċi NM 0803 00 19 bir-rata tad-dazju tat-tariffa doganali komuni għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja għall-importazzjoni maħruġa mill-Istati Membri lil kwalunkwe parti li tapplika għaliha, ikun liema jkun il-post ta’ stabbiliment tagħhom fil-Komunità.
2. Il-ħruġ tal-liċenzji għall-importazzjoni għandu jkun soġġett għall-għoti ta’ garanzija skont it-Titolu III tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 (3) biex tiġi żgurata L-konformità mal-impenn għall-importazzjoni matul il-perjodu ta’ validità tal-liċenzja. Il-garanzija għandha tkun ta’ EUR 15 kull tunnellata.
Ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri, il-garanzija għandha titneħħa totalment jew parzjalment jekk, matul dak il-perjodu, l-operazzjoni ma tkunx twettqet jew tkun twettqet biss b’mod parzjali.
3. L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni jistgħu jiġu sottomessi fi kwalunkwe Stat Membru.
4. Il-liċenzji għandhom jinħarġu mingħajr dewmien, skont ir-Regolament (KE) Nru 1291/2000.
5. Il-liċenzji ta’ importazzjoni għandhom ikunu validi għal tliet xhur.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-għaxar jum ta’ kull xahar, il-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu l-liċenzji għall-importazzjoni matul ix-xahar preċedenti.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2006.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 9 ta’ Diċembru 2005.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 316, 2.12.2005, p. 1.
(2) ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1856/2005 (ĠU L 297, 15.11.2005, p. 7).