29.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

38


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1900/2005

tal-21 ta' Novembru 2005

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 382/2001 dwar l-implimentazzjoni ta' proġetti li jippromwovu l-kooperazzjoni u r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi industrijalizzati ta' l-Amerika ta' Fuq, il-Lvant Imbiegħed u l-Awstralasja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 u 181a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 382/2001 (2) jipprovdi qafas legali għat-titjib tal-kooperazzjoni u r-relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi industrijalizzati ta' l-Amerika ta' Fuq, il-Lvant Imbiegħed u l-Awstralasja sal-31 ta’ Diċembru 2005.

(2)

Ċerti aspetti futuri tal-qafas legali għall-intervent tal-Komunità fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, inkluża l-promozzjoni tal-kooperazzjoni u tar-relazzjonijiet ekonomiċi mal-pajjiżi industrijalizzati, matul il-perijodu li ġej tal-Perspettivi Finanzjarji (2007-2013) għad iridu jiġu determinati. Tali qafas legali ġdid jista' japplika mill-1 ta' Jannar 2007 l-iktar kmieni.

(3)

Peress li hu kruċjali li tkun żgurata l-kontinwità fl-attivitajiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi industrijalizzati, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi evitat in-nuqqas potenzjali ta' qafas legali għal dawk l-attivitajiet bejn id-data preżenti ta’ skadenza tar-Regolament (KE) Nru 382/2001 u d-data minn meta jibda japplika qafas legali ġdid. L-estensjoni tal-validità tar-Regolament (KE) Nru 382/2001 għal perijodu adegwat tagħmel possibbli li tingħalaq kwalunkwe lakuna potenzjali fil-qafas legali li jmexxi l-kooperazzjoni ma' pajjiżi industrijalizzati.

(4)

L-estensjoni fiż-żmien tar-Regolament (KE) Nru 382/2001 hija ġustifikata iktar u iktar peress li l-valutazzjoni tal-proġetti u l-programmi ffinanzjati skond dak ir-Regolament li saret fl-2004 stabbiliet l-effettività tagħhom u sejħet għat-tkomplija tagħhom b'attenzjoni xierqa li għandha tingħata lill-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet ta' appoġġ fi ħdan il-pajjiżi sħab konċernati u bejniethom.

(5)

It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 114(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Eurotam) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) jipprovdi għall-possibbiltà li jingħataw għotjiet lil persuni naturali, b’eċċezzjoni, meta l-att bażiku jipprovdi għalihom. Tali sitwazzjonijiet jinħolqu regolarment b'konnessjoni ma' l-implimentazzjoni tal-Programmi Eżekuttivi ta' Taħriġ fil-Ġappun u l-Korea u jistgħu jinħolqu kultant fil-każ ta' attivitajiet oħra ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi industrijalizzati, b'mod partikolari fil-qafas ta' kooperazzjoni edukattiva jew skambji ta' persuni.

(6)

Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 382/2001 għandu għalhekk jiġi emendat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 382/2001 huwa permezz ta' dan emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 5, għandu jiżdied dan il-paragrafu li ġej:

“Meta jkun xieraq, b'mod partikolari fil-każ ta’ proġetti marbuta ma’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, jew proġetti oħra simili li minnhom jistgħu jibbenefikaw individwi, l-appoġġ tal-Komunità jista’ jieħu l-għamla ta’ għotjiet li jingħataw lil persuni naturali. Dawn l-għotjiet jistgħu jkunu fil-forma ta’ boroż ta’ studju.”

(2)

Fl-Artikolu 7, għandu jiżdied dan il-paragrafu li ġej:

“Għal dan il-għan, l-appoġġ tal-Komunità jista’ jieħu l-għamla ta’ għotjiet li jingħataw lil persuni naturali. Dawn l-għotjiet jistgħu jkunu fil-forma ta’ boroż ta’ studju.”

(3)

Fl-Artikolu 13, it-tieni paragrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Dan għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2007.”

.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar il-21 ta' Novembru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  Opinjoni tat-23.6.2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU L 57, 27.2.2001, p. 10

(3)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.