|
21.11.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
131 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1821/2005
tat-8 ta’ Novembru 2005
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1653/2004 dwar il-karigi ta’ uffiċjali tal-kontabilità f’aġenziji eżekuttivi
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 li jistabbilixxi l-istatut ta' aġenziji eżekuttivi li jkunu fdati b'ċerti ħidmiet fit-tmexxija ta' programmi tal-Komunità (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kunsill,
Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 dwar regolament finanzjarju standard għall-aġenziji eżekuttivi skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 li jistabbilixxi l-istatut għal aġenziji eżekuttivi li jkunu fdati b'ċerti ħidmiet fit-tmexxija ta' programmi tal-Komunità (2) jipprovdi li l-bord tat-tmexxija ta' aġenzija eżekuttiva għandu jaħtar uffiċjal għall-kontabilità ta' l-aġenzija eżekuttiva, li jkun uffiċjal li jaqa' taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, |
|
(2) |
Ir-responsabbiltajiet ta' l-uffiċjal tal-kontabilità ta' aġenzija eżekuttiva, li huma mniżżla fl-Artikolu 30 tar-regolament finanzjarju standard, huma limitati għall-baġit amministrattiv ta' l-aġenzija eżekuttiva, filwaqt li l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-ħidmiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-baġit operattiv li jkun implimentat mill-aġenziji eżekuttivi, |
|
(3) |
Il-Kummissjoni kellha l-problemi biex issib kandidati xierqa għall-post ta' uffiċjal tal-kontabilità ta' aġenzija eżekuttiva biex ikun issekondat lil dan il-korp, |
|
(4) |
Il-funzjoni ta' uffiċjal tal-kontabilità ta' aġenzija eżekuttiva tista' tiġi fdata f'idejn membru temporanju tal-persunal, kif imfisser minn Artikolu 2, punt a, tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (3), |
|
(5) |
Għalhekk, ir-Reġolament (KE) 1653/2004 għandu jkun emendat f’dan is-sens, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
F’Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1653/2004, il-frażi introduttiva ta’ l-ewwel paragrafu għandha ssir kif ġej:
“Il-bord ta' tmexxija għandu jaħtar uffiċjal għall-kontabilità li għandu jkun uffiċjal issekondat jew membru tal-persunal temporanju direttament impjegat fis-servizz mill-aġenzija u li għandu jkun responsabbli għal:”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, nhar it-8 ta’ Novembru 2005.
Għall-Kummissjoni
Dalia GRYBAUSKAITE
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 11, tas-16.1.2003, p. 1.
(2) ĠU L 297, tat-22.9.2004, p. 6.
(3) ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1).