27.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
93 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1777/2005
tas-17 ta’ Ottubru 2005
li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għad-Direttiva 77/388/KEE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea,
Wara li kkunsidra s-sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq il-valur tal-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ valutazzjoni (1) hawn aktar 'il quddiem imsejħa “Direttiva 77/388/KE”, u b’mod partikolari l-Artikolu 29a tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 77/388/KEE fiha regoli dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud li, f’ċerti każijiet, huma soġġetti għall-interpretazzjoni ta’ l-Istati Membri. L-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet komuni għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 77/388/KEE għandha tiżgura li l-applikazzjoni tas-sistema ta’ taxxa fuq il-valur miżjud tikkonforma aktar bis-sħiħ ma’ l-objettiv tas-suq intern, f’każijiet fejn irriżultaw jew jistgħu jirriżultaw diverġenzi fl-applikazzjoni li mhumiex kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni huma legalment vinkolanti biss mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u huma mingħajr preġudizzju għall-validità tal-leġislazzjoni u ta’ l-interpretazzjoni adottati qabel mill-Istati Membri. |
(2) |
Sabiex jintlaħaq l-objettiv bażiku ta’ uniformità fl-applikazzjoni tas-sistema attwali ta’ taxxa fuq il-valur miżjud jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 77/388/KEE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni taxxabbli, il-forniment ta’ merkanzija u provvista ta’ servizzi, kif ukoll il-postijiet fejn jiġu fornuti jew provduti. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 (3) tat-Trattat, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan mixtieq. Peress li jorbot u japplika direttament fl-Istati Membri kollha, l-uniformità fl-applikazzjoni tintlaħaq bl-aħjar mod b’Regolament, |
(3) |
Il-miżuri ta’ implimentazzjoni fihom dispożizzjonijiet speċifiċi li jwieġbu għal ċerti kwistjonijiet ta’ applikazzjoni u huma mfassla biex iwasslu, fil-Komunità kollha, trattament uniformi ta’ dawn il-każijiet partikolari biss. Għalhekk m' għandhomx ikunu transposabbli għal każijiet oħra u għandhom jiġu applikati b’kont meħud tal-formulazzjoni tagħhom b’mod restrittiv. |
(4) |
L-integrazzjoni ulterjuri tas-suq intern ikkonfermat mill-ġdid il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni transkonfinali bejn operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri differenti, kif ukoll l-iżvilupp ta’ gruppamenti ta’ interess ekonomiku Ewropej (EEIG) kostitwiti skond ir-Regolament (KEE) Nru 2137/85 (2). Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit li dawn l-EEIG jikkonsistu wkoll f’persuni taxxabbli meta jfornu merkanzija jew jipprovdu servizzi bi ħlas. |
(5) |
Il-bejgħ ta’ opzjoni bħala strument finanzjarju għandu jkun trattat bħala provvista ta’ servizz separat mit-transazzjonijiet marbuta li magħhom tirrelata l-opzjoni. |
(6) |
Min-naħa l-waħda, għandu jiġi stabbilit li transazzjoni li tikkonsisti unikament mill-immuntar tal-partijiet differenti ta’ magna forniti lilu mill-klijent, għandha tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ servizz u, min-naħa l-oħra, jiġi stabbilit il-post fejn issir tali provvista. |
(7) |
Ladarba servizzi varji provduti fil-qafas ta’ l-organizzazzjoni ta’ funerali jiffurmaw parti mill-istess servizz waħdieni, teżisti wkoll raġuni valida għad-definizzjoni tar-regola li għandha tiġi applikata għad-determinazzjoni tal-post tal-provvista. |
(8) |
Ċerti servizzi speċifiċi bħall-għoti tad-drittijiet ta’ xandir fuq it-televiżjoni ta’ partiti tal-futbol, it-traduzzjoni ta’ testi, is-servizzi relatati mad-domandi għal rimbors ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ċerti servizzi ta’ aġenti, il-kiri ta’ mezzi tat-transport u ċerti servizzi elettroniċi li jimplikaw transazzjonijiet trans-konfinali jew anke l-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi stabbiliti f’pajjiżi terzi. Il-post tal-provvista ta’ dawn is-servizzi għandu jkun determinat b’mod ċar biex jikkontribwixxi għal sigurtà legali akbar. Il-lista tas-servizzi elettroniċi jew oħrajn ma tkunx la definittiva u lanqas eżawrjenti. |
(9) |
F’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, il-ħlas ta’ kummissjoni għall-ipproċessar ta’ ħlasijiet magħmula b’karta ta’ kreditu jew ta’ debitu b’konnessjoni ma’ transazzjoni m’għandhiex tnaqqas l-ammont taxxabbli tat-transazzjoni in kwistjoni. |
(10) |
L-attivitajiet ta’ taħriġ professjonali jew ta’ taħriġ mill-ġdid għandhom jinkludu t-tagħlim marbut direttament ma’ settur jew ma’ professjoni, kif ukoll it-tagħlim mogħti bil-għan li jinkiseb jew jiġi aġġornat l-għarfien għal finijiet professjonali, indipendentament mit-tul tat-taħriġ. |
(11) |
“Id-Dukati tal-platinu” għandhom ikunu trattati bħala esklużi mill-eżenzjonijiet applikabbli għall-valuta, il-karti tal-flus u l-muniti. |
(12) |
Il-merkanzija trasportata barra l-Komunità mix-xerrej tagħha u użata għat-tgħammir ta’ jew l-għoti ta’ fornimenti lil mezzi ta’ trasport użati għal finijiet mhux kummerċjali minn persuni oħra barra minn persuni fiżiċi, bħal per eżempju korpi regolati mil-liġi pubblika u assoċjazzjonijiet, m’għandhiex tibbenefika minn eżenzjoni għal transazzjonijiet ta’ esportazzjoni. |
(13) |
Sabiex tiġi garantita prattika amministrattiva uniformi għall-kalkolu tal-valur minimu għall-eżenzjonijiet applikabbli fuq l-esportazzjoni ta’ merkanzija li tinġarr fil-bagalji personali ta’ min jivvjaġġa, għandhom jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet dwar tali kalkoli. |
(14) |
Dokumenti elettroniċi ta’ importazzjoni għandhom ukoll jitħallew jintużaw għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis ladarba dawn jissodisfaw l-istess ħtiġiet bħad-dokumenti stampati. |
(15) |
Il-piżijiet għad-deheb għal investiment li huma definittivament aċċettati mis-suq tad-deheb għandhom jiġu indikati u għandha tiġi determinata data komuni għall-istabbiliment tal-valur tal-muniti tad-deheb sabiex jiġi żgurat trattament ugwali ta’ l-operaturi ekonomiċi. |
(16) |
L-iskema speċjali applikabbli għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fil-Komunità li jipprovdu servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti jew residenti fil-Komunità hija soġġetta għal ċerti kondizzjonijiet. Fil-każ fejn dawn il-kondizzjonijiet mhumiex sodisfatti, il-konsegwenzi, b’mod partikolari, għandhom jkunu espressi b’mod ċar. |
(17) |
Fil-qasam ta’ l-akkwist intra-komunitarju ta’ merkanzija, l-Istat Membru li jakkwista għandu jżomm id-dritt ta’ tassazzjoni tiegħu jkun kif ikun it-trattament tat-transazzjoni, fi Stati Membri oħra, fuq il-livell tat-taxxa fuq il-valur miżjud. |
(18) |
Għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jiżguraw it-trattament uniformi ta' fornimenti ta' merkanzija ladarba fornitur ikun eċċeda l-limitu ta’ bejgħ b’distanza stabbilit għal fornimenti fi Stat Membru ieħor, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT
Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 4, 6, 9, 11, 13, 15, 18, 26b, 26 ċ, 28a u 28b tad-Direttiva 77/388/KEE, kif ukoll ta’ l-Anness L tagħha.
KAPITOLU II
PERSUNI TAXXABBLI U TRANSAZZJONIJIET TAXXABBLI
TAQSIMA 1
(Artikolu 4 tad-Direttiva 77/388/KEE)
Artikolu 2
Grupp Ewropew ta’ Interess Ekonomiku (EEIG) kostitwit skond ir-Regolament (KEE) Nru 2137/85, li jipprovdi merkanzija jew servizzi bi ħlas lill-membri tiegħu jew lil partijiet terzi, għandu jkun persuna taxxabbli fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 77/388/KEE.
TAQSIMA 2
(Artikolu 6 tad-Direttiva 77/388/KEE)
Artikolu 3
1. Il-bejgħ ta’ opzjoni, fejn tali bejgħ huwa transazzjoni fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (5) ta’ l-Artikolu 13(B)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE, għandu jitiqies bħala provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 6(1) ta’ dik id-Direttiva. Din il-provvista ta’ servizzi għandha titqies bħala separata mit-transazzjonijiet marbuta li magħhom huma relatati s-servizzi.
2. Fejn persuna taxxabbli timmonta biss il-partijiet differenti ta’ magna li kollha kemm huma ġew ipprovduti lilu mill-klijent tiegħu, dik it-transazzjoni għandha titqies bħala provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 77/388/KEE.
KAPITOLU III
POST TA’ TRANSAZZJONIJIET TAXXABBLI
TAQSIMA 1
(Artikolu 9(1) tad-Direttiva 77/388/KEE)
Artikolu 4
Safejn dawn jikkostitwixxu servizz waħdieni, is-servizzi pprovduti fil-qafas ta’ l-organizzazzjoni ta’ funeral għandhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 77/388/KEE.
TAQSIMA 2
(Artikolu 9(2) tad-Direttiva 77/388/KEE)
Artikolu 5
Ħlief fejn il-merkanzija li qed tiġi mmuntata ssir parti minn proprjetà immobbli, il-post tal-provvista tas-servizzi speċifikati fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi stabbilit skond l-Artikolu 9(2)(ċ) jew l-Artikolu 28 (b) titolu F tad-Direttiva 77/388/KEE.
Artikolu 6
Is-servizz ta’ traduzzjoni ta’ testi għandu jkun kopert mill-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 77/388/KEE.
Artikolu 7
Meta korp stabbilit f’pajjiż terz jassenja drittijiet ta’ xandir bit-televiżjoni fir-rigward ta’ logħbiet tal-futbol lil persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità, dik it-transazzjoni għandha tkun koperta mill-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 77/388/KEE.
Artikolu 8
Il-provvista ta’ servizzi li jikkonsistu fl-applikazzjoni għal jew ir-riċeviment ta’ rimborsi skond id-Direttiva 79/1072/KEE (3) għandu jkun kopert mit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 77/388/KEE.
Artikolu 9
Il-provvista ta’ servizzi ta’ aġenti kif imsemmi fis-seba’ inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 77/388/KEE għandu jkopri kemm il-provvista ta’ servizzi ta’ aġenti li jaġġixxu f’isem u akkont ta’ min jirċievi s-servizz miksub kif ukoll is-servizzi mwettqa mill-aġenti li jaġġixxu f’isem u akkont ta’ min jipprovdi s-servizz.
Artikolu 10
Trejlers u semi-trejlers kif ukoll vaguni tal-ferrovija huma mezzi tat-trasport għall-finijiet tat-tmien inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 77/388/KEE.
Artikolu 11
1. Servizzi provduti elettronikament kif imsemmija fit-tnax-il-inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) u fl-Anness L għad-Direttiva 77/388/KEE għandhom jinkludu servizzi li jiġu provduti minn fuq l-Internet jew permezz ta’ network elettroniku u li n-natura tagħhom tagħmel il-provvista tagħhom essenzjalment awtomatizzata u li jinvolvu intervent minimu min-naħa tal-bniedem, u li m’għandhomx vijabbiltà jekk tonqos it-teknoloġija ta’ l-informatika.
2. Is-servizzi li ġejjin, b’mod partikolari, għandhom ikunu koperti mill-paragrafu 1 meta mogħtija minn fuq l-Internet jew permezz ta’ network elettroniku:
(a) |
il-forniment ta’ prodotti diġitali b’mod ġenerali, speċjalment software, it-tibdil u t-titjib tiegħu; |
(b) |
servizzi li jipprovdu jew isostnu negozju jew preżenza personali fuq network elettroniku bħal xi sit web jew paġna fuq l-Internet; |
(ċ) |
is-servizzi ġġenerati awtomatikament minn kompjuter fuq l-Internet jew fuq network elettroniku, bi tweġiba għal informazzjoni speċifika mdaħħla minn min jirċievi; |
(d) |
l-għotja, għall-konsiderazzjoni, tad-dritt li merkanzija jew servizz jitqiegħdu għall-bejgħ fuq sit ta’ l-Internet li jopera bħala suq on-line, li fuqu xerrejja potenzjali jagħmlu l-offerti tagħhom permezz ta’ proċedura awtomatizzata u li fuqu l-partijiet huma notifikati dwar it-twettiq ta’ bejgħ permezz ta’ posta elettronika ġġenerata awtomatikament minn kompjuter; |
(e) |
Pakketti ta’ Servizzi ta’ l-Internet ta’ informazzjoni li fihom il-komponent tat-telekomunikazzjonijiet jifforma parti anċillari u subordinata (jiġifieri pakketti li jmorru lil hinn minn sempliċi aċċess għall-Internet u li jinkludu elementi oħra bħal paġni ta’ kontenut li jagħtu aċċess għall-aħbarijiet, ir-rapport tat-temp jew ta’ l-ivvjaġġar; hosting ta’ siti web; aċċess għal dibattiti on-line; eċċ.); |
(f) |
is-servizzi elenkati fl-Anness I. |
Artikolu 12
It-transazzjonijiet li ġejjin, b’mod partikolari, m’għandhomx ikunu koperti mit-tnax-il inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 77/388/KEE:
(1) |
is-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni fis-sens tal-ħdax-il inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 77/388/KEE; |
(2) |
is-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fis-sens ta’ l-għaxar inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 77/388/KEE; |
(3) |
il-forniment tal-merkanzija u l-provvista tas-servizzi li ġejjin:
|
KAPITOLU IV
AMMONT TAXXABBLI
(Artikolu 11 tad-Direttiva 77/388/KEE)
Artikolu 13
Meta fornitur ta’ merkanzija jew servizzi, bħala kondizzjoni meħtieġa biex jiġi aċċettat pagament b’karta ta’ kreditu jew ta' debitu, jitlob li l-klijent iħallas ammont lilu jew lil intrapriża oħra, u meta l-prezz totali pagabbli minn dak il-klijent ma jkunx affettwat irrispettivament minn kif isir il-pagament, dak l-ammont jikkostitwixxi wkoll il-parti mill-ammont taxxabbli għall-provvista tal-merkanzija jew is-servizzi, skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 77/388/KEE.
KAPITOLU V
EŻENZJONIJIET
SEZZJONI 1
(Artikolu 13 tad-Direttiva 77/388/KEE)
Artikolu 14
Servizzi ta’ taħriġ professjonali jew ta’ taħriġ mill-ġdid previsti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(A)(1)(i) tad-Direttiva 77/388/KEE għandhom jinkludu t-tagħlim marbut direttament ma’ settur jew ma’ professjoni, kif ukoll kull it-tagħlim mogħti bil-għan li jinkiseb jew jiġi aġġornat għarfien għal finijiet professjonali. It-tul ta' taħriġ professjonali jew ta’ taħriġ mill-ġdid għandu jkun irrelevanti għal dan il-għan.
Artikolu 15
L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 13(B)(d)(4) tad-Direttiva 77/388/KEE m’għandhiex tapplika għal dukati tal-platinu.
TAQSIMA 2
(Artikolu 15 tad-Direttiva 77/388/KEE)
Artikolu 16
Il-mezzi tat-trasport għall-użu privat kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 77/388/KEE għandhom jinkludu l-mezzi tat-trasport użati għal finijiet mhux kummerċjali minn persuni oħra minbarra persuni fiżiċi, bħal korpi regolati mil-liġi pubblika fis-sens ta’ l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva msemmija u assoċjazzjonijiet.
Artikolu 17
Sabiex jiġi determinat jekk inqabiżx il-limitu stabbilit minn Stat Membru skond it-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-kalkolu meħtieġ għandu jsir abbażi tal-valur tal-fattura. Il-valur aggregat ta’ merkanzija diversa jista’ jkun użat biss jekk dik il-merkanzija kollha tiġi inkluża fl-istess fattura maħruġa mill-istess persuna taxxabbli li tipprovdi l-merkanzija lill-istess klijent.
KAPITOLU VI
TNAQQIS
(Artikolu 18 tad-Direttiva 77/388/KEE)
Artikolu 18
Meta l-Istat Membru li qed jimporta jkun introduċa sistema elettronika biex iwettaq il-formalitajiet tad-dwana, “dokument ta’ importazzjoni” kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE għandu jkopri verżjonijiet elettroniċi ta’ tali dokumenti, sakemm dawn jippermettu li jiġi verifikat l-eżerċizzju tad-dritt tat-tnaqqis.
KAPITOLU VII
SKEMI SPEĊJALI
(Artikoli 26b u 26ċ tad-Direttiva 77/388/KEE)
Artikolu 19
1. “Piżijiet aċċettati mis-swieq tad-deheb” kif imsemmija fl-Artikolu 26b(A)(i) tad-Direttiva 77/388/KEE għandhom minn ta’ l-inqas ikopru l-unitajiet u l-piżijiet innegozjati kif stabbilit fl-Anness II għal dan ir-Regolament.
2. Għall-finijiet li tiġi stabbilita l-lista msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 26b(A)(ii) tad-Direttiva 77/388/KEE, “prezz” u “valur tas-suq miftuħ” kif imsemmija fir-raba’ inċiż ta’ dak il-punt għandhom ikunu l-prezz u l-valur tas-suq miftuħ fl-1 ta’ April ta’ kull sena. Jekk l-1 ta’April ma jaqax f’ġurnata li fiha dawn il-valuri huma ffissati, għandhom jintużaw il-valuri tal-ġurnata ta’ wara li fiha jkunu ffissati.
Artikolu 20
1. Meta, tul erba’ xhur ta’ kalendarju, persuna taxxabbli mhux stabbilita li tkun qed tuża l-iskema speċjali prevista fl-Artikolu 26ċ(B) tad-Direttiva 77/388/KEE tissodisfa minn ta' l-inqas waħda mill-kriterji għall-esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 26ċ(B)(4), l-Istat Membru ta' l-identifikazzjoni jeskludi lil din il-persuna taxxabbli mhux stabbilita. F' dan il-każ, il-persuna taxxabli tista’ tkun eskluża mill-benefiċċju ta’ l-iskema speċjali f’kull ħin matul dawk l-erba’ xhur.
Fir-rigward ta’ servizzi elettroniċi pprovduti qabel l-esklużjoni, iżda matul l-erba’ xhur ta’ kalendarju li fihom isseħħ l-esklużjoni, il-persuna taxxabbli mhux stabbilita tippreżenta, għall-erba’ xhur sħaħ, dikjarazzjoni skond l-Artikolu 26ċ(B)(5) tad-Direttiva 77/388/KEE. L-obbligu li tiġi preżentata din id-dikjarazzjoni m’għandux ikollha effett fuq l-obbligu eventwali li wieħed jirreġistra fi Stat Membru kif previst mid-dispożizzjonijiet normali.
2. L-Istat Membru ta’ l-identifikazzjoni li jirċievi ħlas f’eċċes minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjoni preżentata skond l-Artikolu 26ċ(B)(5) tad-Direttiva 77/388/KEE, għandu jirrimborsa l-ammont żejjed direttament lill-persuna taxxabbli kkonċernata.
Meta l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jkun irċieva ammont li jikkorrispondi ma’ dikjarazzjoni li sussegwentement jinstab li ma kenitx korretta u dan l-Istat Membru diġà ddistribwixxa dan l-ammont fost l-Istati Membri ta’ konsum, dawn l-Istati Membri għandhom jirrimborsaw direttament l-ammont rilevanti lill-persuna taxxabbli mhux stabbilita u jinformaw lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni bl-aġġustament li sar.
3. Kull perijodu ta’ dikjarazzjoni (erba’ xhur) fis-sens ta’ l-Artikolu 26ċ(B)(5) tad-Direttiva 77/388/KEE huwa perijodu ta’ dikjarazzjoni indipendenti.
Ladarba dikjarazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 26ċ(B)(5) tad-Direttiva 77/388/KEE tkun ingħatat, il-bidliet eventwali magħmula sussegwentament għaċ-ċifri li jkun hemm fiha jistgħu jsiru biss permezz ta’ emenda għal din id-dikjarazzjoni, u mhux b’aġġustament ta’ dikjarazzjoni sussegwenti.
L-ammonti tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa skond l-Artikolu 26ċ(B)(7) tad-Direttiva 77/388/KEE għandhom ikunu speċifiċi għal din id-dikjarazzjoni. L-emendi sussegwenti għall-ammonti mħallsa jistgħu jsiru biss b’referenza għal din id-dikjarazzjoni u ma jistgħux jiġu allokati għal dikjarazzjoni oħra u lanqas aġġustati f’dikjarazzjoni sussegwenti.
4. L-ammonti tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud introdotti taħt l-iskema speċjali prevista fl-Artikolu 26ċ(B) tad-Direttiva 77/388/KEE mhumiex imqarrba ’l fuq jew ’l isfel għall-eqreb unità monetarja. L-ammont eżatt tat-taxxa fuq il-valur miżjud ikun dikjarat u mibgħut.
KAPITOLU VIII
MIŻURI TRANSITORJI
(Artikoli 28a u 28b tad-Direttiva 77/388/KEE)
Artikolu 21
L-Istat Membru li fih jintemm id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija li fih isir akkwist intra-Komunitarju tal-merkanzija fis-sens ta’ l-Artikolu 28a tad-Direttiva 77/388/KEE jeżerċita s-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu, ikun xi jkun it-trattament tal-VAT li ġie applikat għat-transazzjoni fl-Istat Membru fejn beda d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija.
Talba eventwali għall-korrezzjoni mill-fornitur ta’ merkanzija tat-taxxa fatturata minnu u li hu ddikjara lill-Istat Membru fejn beda d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija hija trattata minn dan l-Istat skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu.
Artikolu 22
Meta, tul sena ta’ kalendarju, jinqabeż il-limitu applikat minn Stat Membru skond l-Artikolu 28b(B)(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, l-Artikolu 28b(B) ta’ dik id-Direttiva m’għandux jimmodifika l-post ta’ provvisti ta’ merkanzija minbarra prodotti soġġetti dħal dazju mwettaq tul l-istess sena ta’ kalendarju li jsiru qabel ma jinqabeż il-limitu applikat mill-Istat Membru għas-sena ta’ kalendarju li tkun attwali, dment li l-fornitur:
(a) |
ma jkunx eżerċita d-dritt għall-opzjoni skond l-Artikolu 28b(B)(3) ta’ dik id-Direttiva u |
(b) |
ma jkunx qabeż il-limitu matul is-sena ta’ kalendarju preċedenti. |
Madankollu, l-Artikolu 28b(B) tad-Direttiva 77/388/KEE jemenda l-post tal-fornimenti li ġejjin li jsiru fl-Istat Membru fejn jintemm id-dispaċċ jew it-trasport:
(a) |
il-forniment li bih il-limitu applikat mill-Istat Membru għas-sena ta’ kalendarju li tkun attwali ikun inqabeż matul l-istess sena ta’ kalendarju; |
(b) |
kull forniment sussegwenti fi ħdan dan l-Istat Membru matul l-istess sena ta’ kalendarju; |
(ċ) |
il-fornimenti fi ħdan dan l-Istat Membru matul is-sena ta’ kalendarju li tiġi wara s-sena ta’ kalendarju li fiha l-avveniment imsemmi f’punt (a) ikun seħħ. |
KAPITOLU IX
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 23
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006.
L-Artikolu 13 huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2006.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussel, fil- 17 ta’ Ottubru 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BECKETT
(1) ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).
(2) ĠU L 199, 31.7.1985, p. 1.
(3) It-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE tas-6 ta’ Diċembru 1979 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li m’humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (ĠU L 331, 27.12.1979, p. 11). Direttiva emendata l-aħħar mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.
ANNESS I
Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament
1. |
Punt 1 ta’ l-Anness L għad-Direttiva 77/388/KEE
|
2. |
Punt 2 ta’ l-Anness L għad-Direttiva 77/388/KEE
|
3. |
Punt 3 ta’ l-Anness L għad-Direttiva 77/388/KEE
|
4. |
Punt 4 ta’ l-Anness L għad-Direttiva 77/388/KEE
|
5. |
Punt 5 ta’ l-Anness L għad-Direttiva 77/388/KEE
|
ANNESS II
Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament
Unità |
Piżijiet negozjati |
Kg |
12,5/1 |
Gramm |
500/250/100/50/20/10/5/2,5/2 |
Uqija (1oz = 31,1035 g) |
100/10/5/1/1/2/1/4 |
Tael (1 tael = 1,193oz.) (1) |
10/5/1 |
Tola (10 tolas = 3,75oz.) (2) |
10 |
(1) Tael = unità tradizzjonali Ċiniża ta’ wżin. Il-finezza nominali ta’ tael bar ta’ Ħong Kong hija ugwali għal 990 iżda fit-Tajwan 5 u 10 tael bars jistgħu jkunu ta’ finezza ta’ 999,9.
(2) Tola = unità tradizzjonali Indjana ta’ wżin għad-deheb. L-aktar qies popolari għall-bar huwa 10 tola, finezza ta’ 999.