9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

244


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1757/2005

tas-27 ta' Ottubru 2005

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 690/2001 dwar miżuri speċjali ta' sostenn tas-suq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċanga u tal-vitella (1), u partikolarment l-Artikolu 38(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2001 (2) jipprovdi għal skema ta' akkwist ta' karkassi minn ċerti kategoriji ta' annimali ta' aktar minn 30 xahar. Wara li jakkwistaw il-karkassi, l-Istat Membru kkonċernat jista', fost affarijiet oħra, jelimina l-prodotti. F'każ ta' eliminazzjoni, l-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament jistipola li l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri neċessarji kollha biex tiżgura li l-laħam kollu kkonċernat ikun ipproċessat permezz tad-disponiment (rendering) u li l-prodotti miksuba sussegwentement ma jkunux jistgħu jintużaw għall-ikel jew għall-għalf. Minn Marzu 2002 ma sarux iktar akkwisti taħt din il-miżura speċjali ta' sostenn tas-suq.

(2)

L-esperjenza turi li għall-akkwisti taħt din l-iskema, f'reġjuni ultraperiferali b'aċċessibbiltà diffiċli u li m'għandhomx faċilitajiet ta' rendering f'distanza raġonevoli, huwa impossibbli li jiġu eliminati l-karkassi f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 690/2001. Il-karkassi akkwistati taħt ir-Regolament (KE) Nru 690/2001 f'reġjuni ultraperiferali indifnu fl-2001-2002. Id-dfin seħħ skont l-istandards veterinarji u ambjentali rilevanti u kien konformi mal-għan tal-eliminazzjoni stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 690/2001.

(3)

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċjali mogħtija liż-żoni ultraperiferali, ir-Regolament (KE) Nru 690/2001 għandu jiġi emendat biex jippermetti għal forom oħra ta' eliminazzjoni tal-karkassi miksuba taħt l-iskema minbarra l-ipproċessar permezz tar-rendering.

(4)

Barra min hekk huwa xieraq, għar-raġunijiet eċċezzjonali stipulati hawn fuq, li jiġu sanzjonati każijiet preċedenti ta' dfin f'reġjuni ultraperiferali skont l-istandards veterinarji u ambjentali rilevanti. Għal dan il-għan, l-emenda tar-Regolament għandha tapplika b'mod retroattiv mill-1 ta' Lulju 2001.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 690/2001 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għaċ-Ċanga u l-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 690/2001, għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Madankollu, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li l-karkassi jew nofs karkassi jinqerdu permezz tal-inċinerazzjoni jew id-dfin sakemm jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

l-annimali kkonċernati jkunu nqatlu fil-qafas ta' dan ir-Regolament fl-istabbilimenti li jinsabu f'reġjun ultraperiferali b'aċċess diffiċli;

(b)

l-infrastruttura meħtieġa għall-ipproċessar permezz tar-rendering tal-karkassi jew tan-nofs karkassi msemmija fl-ewwel paragrafu ma jkunux disponibbli f'dak ir-reġjun.

Id-dfin imsemmi fit-tieni paragrafu għandu jkun fil-fond biżżejjed biex l-annimali karnivori ma jkunux jistgħu jħaffru għall-karkassi jew in-nofs karkassi u għandu jsir f'art adattata sabiex l-ilma tal-pjan ma jiġix ikkontaminat u ma jkunx hemm effetti negattivi ambjentali oħra. Qabel id-dfin, il-karkassi jew nofs karkassi għandhom jitbexxu kif xieraq b'diżinfettant awtorizzat mill-awtorità kompetenti.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2001.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta' Ottubru 2005.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 95, 5.4.2001, p. 8. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2595/2001 (ĠU L 345, 29.12.2001, p. 33).