31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

298


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1631/2005

tat-3 ta’ Ottubru 2005

jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ l-aċidu trichloroisocyanuric li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), b’mod speċjali Artikolu 9 ta’ l-istess Trattat,

Wara li kkunsidra l-proposta magħmula mill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   MIŻURI PROVVIŻORJI

(1)

Fis-7 ta’ April 2005, il-Kummissjoni imponiet, permezz tar-Regolament (KE) Nru 538/2005 (2) (“ir-Regolament proviżorju”), dazju proviżorju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet lejn il-Komunità ta’ l-aċidu trichloroisocyanuric (“TCCA”) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”) u mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika (“Stati Uniti ta’ l-Amerika”) (“il-pajjiżi konċernati”).

(2)

Qiegħed jiġi mfakkar li l-investigazzjoni tad-dumping li tikkonċerna r-RPĊ damet għaddejja mill-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004 (“PI-RPĊ”) u l-investigazzjoni tad-dumping li tikkonċerna l-Istati Uniti ta’ l-Amerika damet għaddejja mill-1 ta’ Lulju 2003 sat-30 ta’ Ġunju 2004 (“PI-Stati Uniti ta’ l-Amerika”).

(3)

Fil-każ taż-żewġ investigazzjonijiet, l-eżami tat-tendenzi relevanti għall-istima ta’ ħsara kopriet il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2000 sa l-aħħar tal-perijodu ta’ l-investigazzjoni rispettiva (“il-perijodu kkunsidrat”).

2.   IL-PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(4)

Wara li ġie impost dazju proviżorju anti-dumping fuq importazzjonijiet tat-TCCA mill-pajjiżi konċernati, il-partijiet kollha irċevew żvelar tal-fatti u tal-konsiderazzjonijiet li fuqhom kien ibbażat ir-Regolament proviżorju. Il-partijiet kollha ngħataw perijodu li fih huma setgħu jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom relatati ma’ l-iżvelar ta’ dawk il-fatti u l-konsiderazzjonijiet.

(5)

Xi wħud mill-partijiet interessati ressqu l-kummenti tagħhom bil-miktub. Dawk il-partijiet li talbu biex iressqu l-kummenti tagħhom verbalment, ingħataw ukoll din l-opportunità. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li, fl-opinjoni tagħha, kienet neċessarja biex tivverifika dak li sabet.

(6)

Is-servizzi tal-Kummissjoni komplew jiżvelaw il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun irrakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping definittiv u l-ġbir definittiv ta’ ammonti miġbura bħala dazju proviżorju. Il-partijiet interessati ngħataw ukoll perijodu li fih huma setgħu jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom wara dak l-iżvelar ta’ fatti u konsiderazzjonijiet. Ġew ikkunsidrati l-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati, kemm bil-miktub, kif ukoll verbalment, u fejn kien xieraq, il-konklużjonijiet ġew immodifikati skond il-ħtieġa.

B.   PRODOTT KONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(7)

Qiegħed jiġi mfakkar illi, fil-premessa (19) tar-Regolament proviżorju, il-prodott ikkonċernat ġie definit bħala TCCA u l-preparazzjonijiet tiegħu li joriġinaw mill-pajjiżi konċernati. TCCA huwa ukoll magħruf bħala “symclosene” skond l-isem tiegħu internazzjonali li m’huwiex l-isem proprjetarju tal-prodott (INN). TCCA huwa normalment iddikjarat fil-Kodiċi NM ex 2933 69 80 u ex 3808 40 20 .

(8)

Barra minn hekk, qiegħed jiġi mfakkar ukoll li, kif stabbilit fil-premessi (22) u (23) tar-Regolament proviżorju, instab li l-prodott ikkonċernat u t-TCCA manifatturat mill-industrija tal-Komunità u mibjugħ fuq is-suq tal-Komunità, kif ukoll t-TCCA manifatturat u mibjugħ fis-swieq domestiċi tal-pajjiżi kkonċernati u l-pajjiż analogu, kienu prodotti simili li jaqgħu taħt l-ambitu ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku, u dan peress li ma nstabu l-ebda differenzi fil-karatteristiċi bażiċi fiżiċi u kimiċi tagħhom, u fl-użu tad-diversi tipi ta’ TCCA eżistenti.

(9)

Kien hemm proċessur wieħed li reġa’ sostna dak li kien diġà qal fil-fażi provviżorja, li l-investigazzjoni kellha teskludi mill-għan tagħha t-TCCA mħallat. Il-proċessur allega li l-ilment kien iddefinixxa l-prodott ikkonċernat biss bħala TCCA mhux imħallat, u li l-iskop tal-prodott ġie imwessa’ indebitament meta ġie inkluż it-TCCA mħallat. Madanakollu, qiegħed jiġi mfakkar li l-ilment ma jagħmel l-ebda referenza għal prodotti mħallta jew li m’humiex imħallta. Qiegħed jiġi mfakkar ukoll li l-prodott ikkonċernat huwa definit skond il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, tekniċi u bażiċi tiegħu, u skond t-tipi ta’ użu tiegħu meta jkun prodott komplut, u jista’ jiġbor fih diversi tipi jew bosta tipi li lkoll għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi. F’dan il-każ, kemm pilloli li huma mħallta, kif ukoll pilloli li m’humiex imħallta nstabu li jissodisfaw dawn il-kriterji. F’dawn il-proċedimenti, il-prodott ikkonċernat, kif ġie indikat fl-avviż tal-bidu fiż-żewġ każijiet, huwa l-aċidu trichloroisocyanuric u l-preparazzjonijiet tiegħu, jiġifieri, it-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat li għandhom l-istess karatteritiċi bażiċi jaqgħu lkoll taħt dawn il-proċedimenti. Għaldaqstant, ma jistax jingħad li l-pilloli mħallta għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott, u lanqas ma jista’ jingħad li d-definizzjoni tal-prodott ġiet imwessa’. Fuq din il-bażi, it-talba ġiet miċħuda u l-konklużjoni stabbilita fil-premessa (24) tar-Regolament proviżorju qiegħda tiġi kkonfermata.

C.   DUMPING

1.   METODOLOĠIJA ĠENERALI

1.1.   VALUR NORMALI

(10)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-metodoloġija użata meta jiġi kkalkulat il-valur normali, il-metodoloġija użata skond il-premessi (26) sa (33) tar-Regolament proviżorju qiegħda tiġi kkonfermata.

1.2.   PREZZ TA’ L-ESPORTAZZJONI

(11)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-metodoloġija użata meta jiġi kkalkulat il-prezz ta’ l-esportazzjoni, il-metodoloġija użata skond il-premessa (34) tar-Regolament proviżorju qiegħda tiġi kkonfermata.

1.3.   TQABBIL

(12)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-metodoloġija użata meta jiġi mqabbel il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni, il-metodoloġija użata skond il-premessa (35) tar-Regolament proviżorju qiegħda tiġi kkonfermata.

1.4.   IL-MARĠNI TAD-DUMPING GĦAR-RPĊ

(13)

Fir-Regolament proviżorju, żewġ produtturi li kkooperaw fir-RPĊ ġew miċħuda t-Trattament ta’ l-Ekonomija tas-Suq (“MET”) kif ukoll t-Trattament Individwali (“IT”) (ara l-premessi (44) u (66)). Il-marġni tad-dumping għal dawn iż-żewġ produtturi esportaturi kien ġie kkalkulat proviżorjament bħala medja mwieżna tal-marġni tad-dumping individwali u rispettiva tagħhom.

(14)

Dawn iż-żewġ kumpanniji, irċevew bi żball, marġni tad-dumping kull wieħed u dazju individwali, u dan għall-kuntrarju ta’ l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u għall-kuntrarju tal-prattika konsistenti ta’ l-Istituzzjonijiet. Għalhekk, dan l-iżball għandu jiġi kkoreġut fl-istadju definittiv, u ż-żewġ kumpanniji għandhom ikunu soġġetti għad-dazju li japplika għall-pajjiż kollu.

(15)

Għaldaqstant, minħabba l-miżuri definittivi, u minħabba li dawk iż-żewġ kumpanniji kienu għadhom taħt l-influwenza sinifikanti ta’ l-Istat, l-informazzjoni tagħhom kellha tiġi kkunsidrata meta ġie kkalkolat il-marġni tad-dumping tal-pajjiż kollu. Għalhekk, peress li l-livell ta’ kooperazzjoni kien baxx, il-marġni tad-dumping għall-pajjiż kollu ġie stabbilit bħala medja mwieżna:

(i)

tal-medja mwieżna tal-marġni tad-dumping misjuba għal dawn iż-żewġ produtturi esportaturi, skond il-metodoloġija spjegata fil-premessa (38) tar-Regolament proviżorju; u

(ii)

tal-marġni tad-dumping li nstabu għat-tip rappreżentattiv tal-prodott ikkonċernat bl-ogħla marġni tad-dumping, kif derivat miż-żewġ esportaturi konċernati.

2.   IR-REPUBBLIKA POPOLARI TAĊ-ĊINA (“RPĊ”)

2.1.   MET

(16)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-MET kif indikat fil-premessi (40) sa (63) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

2.2.   IT

(17)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta’ l-IT kif indikat fil-premessi (64) sa (67) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

2.3.   VALUR NORMALI

2.3.1.   Determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi kollha li ma ngħatawx l- MET

a)   Pajjiż Analogu

(18)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-għażla tal-pajjiż analogu, l-għażla kif stabbilita fil-premessi (68) sa (74) tar-Regolament proviżorju qiegħda tiġi kkonfermata.

b)   Determinazzjoni tal-valur normali

(19)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx MET, is-sejbiet kif stabbiliti fil-premessa (75) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

2.3.2.   Determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi li ngħataw MET

(20)

Bosta esportaturi sostnew li ċerti konċessjonijiet illi ġew mitluba meta ġie kkalkulat il-valur normali ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed. L-esportaturi argumentaw illi ċerti spejjeż (jiġifieri, spejjeż ta’ transport u ta’ ppakkjar) ġew inklużi fil-valur normali stabbilit, meta kien aħjar li kieku dawn ġew imnaqqsa bħala konċessjoni, bl-istess mod kif sar f’każijiet meta l-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku.

(21)

Dawn l-esportaturi sostnew ukoll li, għal dawk it-tipi tal-prodott ikkonċernat fejn kellu jintuża valur normali stabbilit, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi relatati mal-bejgħ (“SG&A”) għandhom ikunu dawk l-ispejjeż li jintefqu fis-suq domestiku.

(22)

Fl-aħħar nett, huma sostnew li l-marġni tal-qligħ li għandu japplika għandu jkun il-marġni milħuq fuq bejgħ li jsir fis-suq domestiku fl-andament normali tal-kummerċ.

(23)

Wara li ġew analizzati l-ilmenti, ġie kkunsidrat li huwa xieraq li jiġi aġġustat il-valur normali minħabba l-konċessjonijiet mitluba, f’dawk il-każijiet meta l-konċessjonijiet kienu tabilħaqq jikkonċernaw spejjeż relatati ma’ trasport u ppakkjar, liema spejjeż kienu ġew inklużi fil-valur normali kif stabbilit proviżorjament. Barra minn hekk, il-valur normali issa ġie kkalkulat wara li ġew kkunsidrati l-SG&A li ntefqu fis-suq domestiku, u l-marġni ta’ qligħ applikabbli ġie aġġustat b’mod li jirrifletti l-marġni ta’ qligħ li ntlaħaq fl-andament normali tal-kummerċ fis-suq domestiku. Għalhekk, il-valur normali ġie aġġustat billi ġie mnaqqas biex jirrifletti dawn il-bidliet.

2.4.   PREZZIJIET TA’ L-ESPORTAZZJONI

(24)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kif indikat fil-premessi (79) sa (80) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

2.5.   TQABBIL

(25)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw it-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif indikat fil-premessa (81) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

2.6.   IL-MARĠNI TAD-DUMPING

2.6.1.   Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ngħataw MET/IT

(26)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, minbarra fil-każ ta’ l-aġġustamenti tal-valur normali, kif indikat fid-detall fil-premessi (20) sa (23), il-metodoloġija indikata fil-premessi (82) sa (83) tar-Regolament proviżorju qiegħda tiġi kkonfermata. Il-marġni l-ġodda tad-dumping espressi bħala perċentwali tal-prezz ta’ l-importazzjoni CIF fil-fruntiera tal-Komunità, issa huma kif ġej:

Hebei Jiheng Chemical Co. Limited

8,1  %

Puyang Cleanway Chemicals Limited

7,3  %

Heze Huayi Chemical Co. Limited

14,1  %

Zhucheng Taisheng Chemical Co. Limited

40,5  %

2.6.2.   Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha

(27)

Il-marġni l-ġodda tad-dumping li japplikaw għall-pajjiż kollu, espressi bħala perċentwali tal-prezz ta’ l-importazzjoni CIF fil-fruntiera tal-Komunità, u emendat kif spjegat fil-premessi (13) sa (15), issa huma kif ġej:

Il-kumpanniji l-oħra kollha

42,6  %

3.   L-ISTATI UNITI TA’ L-AMERIKA

3.1.   VALUR NORMALI

(28)

Fin-nuqqas ta’ kummenti fuq id-determinazzjoni tal-valur normali, bl-eċċezzjoni ta’ kwistjoni ta’ tqabbil li għandha effett fuq il-livell tal-valur normali għal produttur esportatur wieħed u li dwarha ser jingħataw kummenti hawn taħt, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw il-metodu ta’ kif jiġi stabbilit il-valur normali kif indikat fil-premessa (92) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

3.2.   PREZZ TA’ L-ESPORTAZZJONI

(29)

Esportatur produttur wieħed ikkontesta l-fatt li l-ispejjeż SG&A u l-qligħ miksub mill-importaturi relatati fil-Komunità ġew imnaqqsa kollha mill-prezzijiet tal-prodotti meta dawn jerġgħu jinbiegħu sabiex jintlaħaq prezz ta’ l-esportazzjoni affidabbli. Huwa sostna li għall-kuntrarju, dan it-tnaqqis għandu jkun allokat għal dawk l-attivitajiet tal-kumpannija kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fil-Komunità.

(30)

F’dan ir-rigward, huwa mfakkar li skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, l-ispejjeż kollha, inklużi l-ispejjeż SG&A li jintefqu bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid mill-importatur relatat, kif ukoll ammont ta’ qligħ raġonevoli, għandhom jiġu mnaqqsa. It-tnaqqis ġie kkalkulat fuq il-bażi ta’ informazzjoni attwali mogħtija mill-importatur, u li ġiet ivverifikata. Peress li l-ispejjeż li l-esportatur ried jalloka għall-attivitajiet fl-Istati Uniti fil-fatt intefqu fil-Komunità, it-talba kellha tiġi miċħuda.

3.3.   TQABBIL

(31)

Produttur esportatur wieħed sostna li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, qabblet il-prodott ex-factory bl-ingrossa mal-prodott domestiku lest għall-bejgħ bl-imnut.

(32)

F’dan ir-rigward, huwa osservat li mill-bidu tal-proċedimenti, sar tqabbil bejn il-prodott mibjugħ bl-ingrossa fis-suq domestiku ta’ l-Istati Uniti u l-prodott importat bl-ingrossa lejn il-Komunità, minkejja li dan ta’ l-aħħar ġie ppreżentat bħala prodott lest għall-bejgħ bl-imnut, fil-forma ta’ pilloli, meta dan jinbiegħ lill-ewwel konsumatur indipendenti fil-Komunità. Ir-raġunament wara dan il-paragun kien ibbażat fuq l-osservazzjoni li t-TCCA huwa, fil-biċċa l-kbira tiegħu, impurtat lejn il-Komunità bl-ingrossa u jerġa jiġi maħdum fil-Komunità.

(33)

Madanakollu, huwa rikonoxxut li meta sar dan it-tqabbil, ma sarux fl-istadju proviżorju xi aġġustamenti meħtieġa fir-rigward tat-tlestija tal-prodott. Għaldaqstant, il-valur normali ġie aġġustat billi ġiet eliminata mill-ispiża tal-produzzjoni fl-Istati Uniti, dik il-parti li tikkorrispondi mat-tlestija tal-prodott mibjugħ fis-suq domestiku ta’ l-Istati Uniti. L-ispejjeż tal-manifattura tad-dipartiment ta’ l-esportatur produttur ta’ l-Istati Uniti fejn seħħet din l-attività ġew eliminati mill-valur normali, u dan skond it-tnaqqis mill-prezz ta’ dawk l-ispejjeż relatati ma’ l-istess attività meta l-prodott jerġa’ jinbiegħ fil-Komunità, li tipikament isiru minn sottokuntratturi jew fornituri terzi.

(34)

Ġie allegat ukoll li “il-kwistjoni ta’ prodott bl-ingrossa” deskritta hawn fuq, teħtieġ ukoll l-eliminazzjoni ta’ spejjeż ġenerali (spejjeż SG&A) mid-determinazzjoni tal-valur normali fis-suq domestiku, minħabba l-fatt li allegatament, dawn l-ispejjeż ġenerali jsiru, fil-biċċa l-kbira tagħhom, biex isir it-tqegħid fis-suq tal-prodott finali.

(35)

Għal din ir-raġuni, huwa osservat li l-attività tal-grupp, li fl-Istati Uniti jikkonsisti fil-produttur esportatur u l-kumpannija prinċipali, u l-ispejjeż magħmula f’dak il-livell f’dak li jirrigwarda t-TCCA, jikkontribwixxu għat-tqegħid fis-suq, kemm tal-prodott bl-ingrossa, kif ukoll tal-preżentazzjonijiet differenti tal-prodott lill-ewwel konsumatur indipendenti. Il-prodott finali m’huwa xejn ħlief il-prodott bl-ingorssa fi preżentazzjoni speċifika. Meta jingħad li l-ispejjeż ġenerali ma jaffetwawx it-tqegħid fis-suq tal-produzzjoni tal-prodott bl-ingrossa, dan jimplika li huwa possibbli li titkompla l-produzzjoni ta’ prodott bl-ingrossa bi qligħ mingħajr indħil mill-kumpannija u l-istruttura tal-grupp, u b’mod speċjali mill-organizzazzjoni tal-bejgħ tal-kumpannija. Madanakollu, fil-verità, it-tqegħid fis-suq tal-prodott ma jiddistingwix bejn il-prodott bl-ingrossa u l-prodott finali, iżda jieħu ħsieb it-tqegħid fis-suq tat-TCCA fil-preżentazzjonijiet tiegħu kollha. Għaldaqstant, it-talba ġiet miċħuda.

(36)

Fl-aspetti l-oħra kollha u fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw it-tqabbil tal-valur normali mal-prezz ta’ l-esportazzjoni kif indikat fil-premessa (94) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

3.4.   IL-MARĠNI TAD-DUMPING

(37)

Skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-paragun tal-valur normali medju mwieżen ta’ kull tip ta’ prodott ikkonċernat esportat lejn il-Komunità mal-prezz ta’ l-esportazzjoni medju mwieżen ta’ kull tip tal-prodott ikkonċernat li jikkorrispondi miegħu, wara li jiġi kkunsidrat il-livell tal-kummerċ, wera l-eżistenza ta’ dumping fil-każ tal-prodotturi esportaturi li kkooperaw.

(38)

Il-marġni tad-dumping definittiv espressi bħala perċentwali tal-prezz ta’ l-importazzjoni CIF fil-fruntiera tal-Komunità, bid-dazju mhux imħallas, huma dawn li ġejjin:

 

BioLab Inc.: 50,4 %

 

Clearon Inc.: 105,3 %

(39)

Fil-każ ta’ wieħed mill-produtturi esportaturi li kkopperaw, il-marġni residwali definittiv ġie stabbilit fl-ogħla marġni tad-dumping misjub fuq bażi ta’ l-aktar tip ta’ prodott li nbiegħ taħt il-prezz u li hu rappreżentattiv.

Marġni residwali tad-dumping: 120 %

D.   ĦSARA

1.   PRODUZZJONI TAL-KOMUNITÀ

(40)

Peress li ma ġietx ippreżentata informazzjoni ġdida, is-sejbiet indikati fil-premessi (97) u (98) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

2.   DEFINIZZJONI TA’ L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

(41)

Proċessur wieħed li jinsab fil-Komunità argumenta illi huwa kellu jiġi kkunsidrat bħala produttur tal-Komunità minħabba li hu jipproduċi pilloli mħallta tat-TCCA li jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Madanakollu, l-investigazzjoni wriet li dan il-proċessur ma kienx jipproduċi t-TCCA hu stess, la bħala frak żgħir u lanqas fil-forma ta’ trab, u lanqas pilloli tat-TCCA jew taħlit, iżda huwa jiddelega lil ħaddieħor il-produzzjoni ta’ dawn il-pilloli. Barra minn hekk, il-produzzjoni ta’ dawn il-pilloli ma tinkorporax il-produzzjoni tat-TCCA imma t-transformazzjoni tat-TCCA minn forma waħda (forma ta’ frak żgħir jew ta’ trab) għal forma oħra (pilloli tat-TCCA). Fuq din il-bażi, it-talba ma setgħetx tiġi kkunsidrata.

(42)

Tressqu wkoll allegazzjonijiet kontradittorji fuq it-trattament ta’ l-informazzjoni mogħtija minn wieħed mill-produtturi Ewropej li ma kienx inkluż fid-definizzjoni ta’ l-industrija tal- Komunità. Il-proċessur hawn fuq imsemmi lmenta li l-informazzjoni mogħtija minn dak il-produttur kellha tkun parti mill-industrija tal-Komunità, fil-waqt li produttur esportatur afferma l-kuntrarju.

(43)

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-informazzjoni disponibbli fil-każ ta’ dan il-produttur ma ntużatx meta ġiet ikkunsidrata s-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, u skond il-premessa (97) tar-Regolament proviżorju, dan il-produttur ma kkooperax totalment fl-investigazzjoni, u għalhekk ma setax jiġi inkluż fid-definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità. Għaldaqstant, ma kien hemm ebda raġuni għala kellha tiġi kkunsidrata l-informazzjoni mogħtija minnu fl-analiżi tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità.

(44)

Erba’ Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw allegaw li jekk ikun hemm aktar minn żewġ produtturi tal-Komunità, bħal fil-każ preżenti, l-ilment ma jistax ikun appoġġat minn wieħed minnhom biss. Madanakollu għandu jiġi osservat li l-grad ta’ qbil ma’ ilment ma jiddependix fuq in-numru ta’ kumpanniji li jaqblu ma' l-ilment li jkun sar, iżda huwa espress f’termini ta’ volum ta’ produzzjoni, u dan skond l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, qiegħed jiġi mfakkar li, kif jingħad fil-premessa (97) tar-Regolament proviżorju, tnejn mit-tliet produtturi tal-Komunità qablu ma’ l-ilment. Dawn iż-żewġ produtturi rrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Komunità, u għaldaqstant ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet meħtieġa biex jingħata bidu għall-investigazzjoni. Barra minn hekk, huwa osservat li f’dan il-każ, il-produttur tal-Komunità li ressaq l-ilment, li kkoopera b’mod sħiħ fl-investigazzjoni, kien jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali ta’ TCCA fil-Komunità matul il-perijodi ta’ l-investigazzjoni. Għaldaqstant, it-talba ġiet miċħuda.

(45)

Għandu jissemma l-fatt li minn meta saret l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, Aragonesas Delsa, il-produttur tal-Komunità li kien ikkunsidrat li jikkostitwixxi l-industrija tal-Komunità, ġie akkwistat mill-grupp Ercros. Esportatur Amerikan li kkoopera allega li l-kondizzjonijiet għall-kwalifika bħala industrija tal-Komunità ma jistgħux jiġu sodisfatti aktar, minħabba l-fatt li, skond dan l-esportatur, Ercros huwa wkoll il-proprjetarju ta’ Inquide, li allegatament huwa importatur importanti tat-TCCA Ċiniż.

(46)

Għal dan il-għan, wieħed għandu l-ewwel jinnota l-fatt li Inquide huwa parti mill-grupp Neokem, li huwa wieħed mill-produtturi l-oħra Ewropej li ma kkooperax b’mod sħiħ fl-investigazzjoni. Għall-kuntrarju ta’ dak li huwa allegat mill-esportatur Amerikan, Ercros m’huwiex il-proprjetarju assolut ta’ Inquide, imma huwa l-proprjetarju biss ta’ sehem żgħir minnha. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li qiegħed jallega dan l-esportatur, Inquide u Aragonesas-Delsa ma ġewx amalgamati u m’hemm l-ebda konnessjonijiet finanzjarji diretti bejniethom. L-investigazzjoni kkonfermat ukoll li l-produttur tal-Komunità la kien qiegħed jipparteċipa f’attivitajiet ta’ dumping, u lanqas ma kien protett mill-effetti tad-dumping li jikkaġunaw ħsara. Għaldaqstant, ma kienx hemm raġuni għaliex wieħed għandu jiddubita l-kwalifika tal-kumpannija bħala industrija tal-Komunità. Għaldaqstant, il-konklużjoni li tinsab fil-premessa (99) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

(47)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, id-definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità kif stabbilita fil-premessa (99) tar-Regolament proviżorju qiegħda tiġi kkonfermata.

3.   KONSUM FIL-KOMUNITÀ

(48)

Fin-nuqqas ta’ informazzjoni ġdida, il-kalkolu ta’ konsum fil-Komunità kif stabbilit fil-premessi (100) sa (105) tar-Regolament proviżorju qieghda tiġi kkonfermata.

4.   IMPORTAZZJONIJIET LEJN IL-KOMUNITÀ MILL-PAJJIŻI KONĊERNATI

4.1.   VALUTAZZJONI KUMULATTIVA TA’ L-EFFETTI TA’ L-IMPORTAZZJONIJIET SOĠĠETTI GĦAL DUMPING — L-ISHMA TAS-SUQ TA’ IMPORTAZZJONIJIET SOĠĠETTI GĦAL DUMPING

(49)

Produttur esportatur wieħed argumenta li l-valutazzjoni kumulattiva ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ u l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti m’hijiex ġustifikata minħabba l-fatt li l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi u Amerikani f’termini ta’ volum ta’ importazzjoni, sehem tas-suq u politika tal-prezzijiet, kienu fundamentalment differenti.

(50)

Fl-ewwel lok huwa mfakkar li t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku ġew diskussi taħt il-premessa (107) tar-Regolament proviżorju.

(51)

Barra minn hekk, qabel ma ttieħdet deċiżjoni dwar il-kumulazzjoni ta’ l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika u mir-RPĊ, is-sitwazzjoni attwali tal-volum ta’ importazzjoni, is-sehem tas-suq u l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet konċernati ġew analizzati separatament għaż-żewġ pajjiżi fil-premessi (109) sa (112) tar-Regolament proviżorju.

(52)

F’dak li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni, għandu jiġi mfakkar li, bħal ma hu ndikat fil-premessa (24) tar-Regolament proviżorju, it-TCCA manifatturat fir-RPĊ u fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika, u t-TCCA manifatturat u mibjugħ mill-produtturi tal-Komunità fis-suq tal-Komunità, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u li jitqiesu li huma l-istess għall-konsumaturi tal-Komunità. Barra minn dan, instab li l-produtturi esportaturi fil-pajjiżi konċernati u l-produtturi fil-Komunità kollha jużaw metodi simili għall-bejgħ tal-prodotti. Barra minn hekk, kemm l-importazzjonijiet mir-RPĊ u kif ukoll dawk mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika wrew l-istess ġeneru ta’ prezzijiet. Il-fatt li importazzjonijiet minn żewġ pajjiżi diffrenti ma għandhomx totalment l-istess tendenzi f’dak li jirrigwarda l-volum u s-sehem tas-suq jista’ joriġina minn diversi raġunijiet u ma jimplikax neċessarjament li dawn ma jinbiegħux taħt l-istess kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni.

(53)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ kummenti ulterjuri dwar il-valutazzjoni kumulattiva ta’ l-effetti ta’ l-importazzjonijiet konċernati soġġetti għal dumping, is-sejbiet kif indikati fil-premessi (106) sa (108) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

4.2.   PREZZIJIET TA’ L-IMPORTAZZJONI U TNAQQIS FIL-PREZZIJIET

(54)

Wara li saru korrezzjonijiet fil-kalkoli tad-dumping, ġie rivedut ukoll t-tnaqqis fil-prezzijiet.

(55)

Waqt il-PI, il-prezz medju mwieżen tal-marġni tat-tnaqqis fil-prezzijiet għar-RPĊ, espress bħala perċentwali tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità, varja bejn 33,8 % u 44,2 % għall-esportaturi Ċiniżi. Il-marġni medju mwieżen tat-tnaqqis fil-prezzijiet kien ta’ 39,7 %.

(56)

Waqt il-PI, instab ukoll li kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet fil-każ ta’ l-Istati Uniti. Fil-waqt li produttur esportatur wieħed wettaq tnaqqis fil-prezzijiet biss għal ċerti tipi ta’ TCCA, il-produttur esportatur l-ieħor li kkoopera nstab li wettaq tnaqqis fil-prezzijiet sinifikanti fir-rigward tal-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità. Il-marġni medju mwieżen wettaq tnaqqis fil-prezzijiet kien ta’ 0,69 %. Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li l-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità kienu mraħħsa.

5.   IS-SITWAZZJONI TA’ L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

(57)

Qieghed jiġi mfakkar li, fil-premessa (135) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni ikkonkludiet proviżorjament li l-industrija tal-Komunità ġarrbet ħsara materjali li taqa’ taħt l-ambitu ta’ Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

(58)

Erba’ esportaturi Ċiniżi sostnew li fil-biċċa l-kbira ta’ l-investigazzjonijiet anti-dumping, l-eżistenza ta’ ħsara materjali ġiet stabbilita meta l-industrija tal-Komunità tkun qiegħda tagħmel telf, filwaqt li f’dan il-każ partikolari, l-industrija tal-Komunità għadha qiegħda topera bi qligħ.

(59)

Madanakollu, qiegħed jiġi mfakkar li, biex ikun hemm ħsara materjali, m’huwiex neċessarjament meħtieġ li jkun hemm sitwazzjoni fejn in-negozju jkun qiegħed jopera b'telf. Skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, li jgħid li l-eżami ta’ l-impatt fuq l-industrija tal-Komunità ta’ l-importazzjonijiet mibjugħa taħt il-prezz għandu jinkludi, inter alia, it-“tnaqqis attwali u potenzjali fil-[…] qligħ”, l-analiżi ta’ kemm qiegħed isir qligħ għandha ssir b’paragun mal-qligħ li jkun hemm kieku ma jkunx hemm dumping. F’dan il-każ partikolari, qiegħed jiġi mfakkar li l-industrija tal-Komunità tilfet 50 % tal-qligħ li hija laħqet fis-sena 2000, jiġifieri qabel ma’ l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping daħlu fil-Komunità. Barra minn hekk, qiegħed jiġi mfakkar li l-industrija tal-Komunità ġarrbet ukoll minħabba żviluppi negattivi f’dak li jirrigwarda prezzijiet u ishma tas-suq.

(60)

Fuq bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ aktar kummenti minn dawk li issemmew hawn fuq, is-sejbiet għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, kif stabbilita fil-premessi (117) sa (135) tar-Regolament proviżorju, qegħdin jiġu kkonfermati.

6.   KONKLUŻJONI

(61)

Skond dak li ntqal hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li l-industrija tal-Komunità ġarrbet ħsara materjali li taqa’ taħt l-ambitu ta’ Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

E.   KAWŻALITÀ

1.   EFFETT TA’ L-IMPORTAZZJONIJIET LI HUMA SOĠĠETTI GĦAL DUMPING

(62)

Fin-nuqqas ta’ informazzjoni ġdida, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (136) sa (141) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

2.   EFFETT TA’ FATTURI OĦRA

Kapaċità tal-produzzjoni

(63)

Produttur esportatur wieħed allega li l-industrija tal-Komunità ma kellhiex l-kapaċità teknika sabiex tipparteċipa fit-tkabbir tas-suq minħabba problemi tekniċi relatati mal-bidu ta’ l-operazzjoni ta’ fabbrika ġdida, u ma kinitx miżmuma milli tagħmel dan mill-importazzjonijiet soġġetti għal dumping kif allegat fil-premessa (118) tar-Regolament proviżorju.

(64)

Kif imsemmi fil-premessa (118) tar-Regolament proviżorju, fl-2001/2002, l-industrija tal-Komunità ddeċidiet li tistabbilixxi fabbrika ġdida li kellha tibda l-produzzjoni f’nofs l-2003 meta jkun ingħalaq l-impjant il-qadim. Għalkemm huwa minnu li l-Komunità iltaqgħet ma’ xi diffikultajiet tekniċi sabiex tuża l-kapaċità totali tal-fabbrika l-ġdida tagħha, wieħed għandu jinnota li l-kapaċità tagħha, li għaliha jirreferi l-esportatur fis-sottomissjonijiet tiegħu, ma taqbilx ma’ l-informazzjoni li ġiet ikkunsidrata fir-Regolament proviżorju. Il-figuri tal-kapaċità msemmija fir-Regolament proviżorju jirreferu għall-kapaċità effettiva, jiġifieri kapaċità aġġustata biex tkopri dawk id-diffikultajiet, minflok il-kapaċità imniżżla fuq il-karta. Għaldaqstant, l-effett tad-diffikulatijiet tekniċi fuq it-tendenza ta’ l-użu tal-kapaċità li qiegħda tmajna kien diġà ġie kkunsidrat parzjalment. Madanakollu, skond kif irriżulta mill-investigazzjoni, korrezzjoni oħra tal-figuri tal-kapaċità użati fir-Regolament proviżorju tidher li tkun xierqa minħabba l-fatt li l-konsegwenzi tad-diffikultajiet tekniċi msemmija hawn fuq ma kinux totalment riflessi fil-figuri tal-kapaċità. Għaldaqstant, l-użu tal-kapaċità effettiva matul il-perijodi ta’ l-investigazzjoni huwa qrib il-100 %. Huwa minnu li nstab li l-industrija tal-Komunità kienet qiegħda topera fil-kapaċità totali tagħha u kellha temporanjament tixtri l-prodott ikkonċernat biex tlaħħaq mad-domanda li kellha għalih. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż il-fatt li d-diffikulatjiet tekniċi temporanji ta’ l-industrija tal-Komunità biex hija tipproduċi kkontribwixxew, sa ċertu punt, għall-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità.

Effett ta’ l-investimenti

(65)

Produttur esportatur wieħed argumenta li l-Kummissjoni naqqset milli tikkunsidra l-impatt negattiv fuq il-qligħ ta’ l-investimenti ewlenin il-kbar magħmula mill-industrija tal-Komunità u l-ispejjeż addizzjonali li ntefqu minħabba l-problemi tekniċi li l-industrija tal-Komunità kellha tiffaċċja fil-bidu tal-fażi tagħha.

(66)

Qiegħed jiġi mfakkar illi l-kwistjoni ta’ l-investiment ġdid ta’ l-industrija tal-Komunità diġà ġiet diskussa fil-premessi (150) sa (152) tar-Regolament proviżorju.

(67)

Barra minn hekk, bħal ma hu indikat fil-premessa (129) tar-Regolament proviżorju, il-fabbrika l-ġdida ppermettiet li l-Komunità tnaqqas l-ispejjeż fissi u spejjeż li jvarjaw, biex tipproduċi b’mod aktar effiċjenti u biex tilħaq livelli ta’ produzzjoni akbar. Għalhekk, kif huwa stabbilit fil-premessa (125) tar-Regolament proviżorju, kull spiża addizzjonali li saret għall-investiment il-ġdid ġiet ikkumpensata bi tnaqqis parallel fl-ispejjeż u b’żieda fl-effiċjenza. Tabilħaqq, l-ispiża tal-produzzjoni żdiedet bejn is-sena 2000 u l-2001, u mbagħad naqset sal-perijodi ta’ investigazzjoni, meta setgħet tintlaħaq żieda fil-produzzjoni. Għandu jiġi osservat ukoll li kwalunkwe effett li l-fabbrika l-ġdida kellha fuq l-ispiża tad-diprezzament beda biss f’Lulju 2003, jiġifieri, meta l-fabbrika l-ġdida bdiet il-produzzjoni u meta waqfet topera għal kollox il-fabbrika l-qadima. Għaldaqstant, ma tistax tiġi spjegata t-tendenza ta’ tnaqqis fil-qligħ li kienet diġà bdiet fl-2001- il-qligħ naqas b’aktar minn 20 % bejn is-sena 2000 u l-2002 u saħansitra b’aktar minn 40 % bejn is-sena 2001 u l-2002. Għaldaqstant, l-argument ġie miċħud.

Maturazzjoni tas-suq tat-TCCA

(68)

Proċessur wieħed qajjem dubju dwar il-konklużjoni milħuqa fil-premessa (149) tar-Regolament proviżorju u reġà qajjem l-ilment tiegħu li t-tnaqqis tal-prezzijiet kien normali u kienet mistennija minħabba l-maturazzjoni tas-suq tat-TCCA.

(69)

Għalkemm it-tnaqqis fil-prezz huwa mistenni meta prodott jilħaq ċerta maturazzjoni, għandha tingħata importanza lill-fatt li, għalkemm il-maturazzjoni hija mifhuma minn ħafna bħala proċess kontinwu u regolari li jintlaħaq mingħajr diffikultà fuq perijodu ta’ bosta snin, it-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet konċernati, min-naħa l-oħra, seħħ f’daqqa waħda u b’mod sinifikanti, peress li l-prezzijiet naqsu b’medja ta’ 15 % kull sena bejn is-sena 2000 u l-2003, minkejja li d-domanda għall-prodott matul is-sajf kienet partikolarment għolja.

(70)

Barra minn hekk, skond l-allegazzjoni hawn fuq imsemmija, il-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità f’dak li jirrigwarda prezzijiet, kienet ikkawżata minħabba l-evoluzzjoni normali tas-suq tal-Komunità li mmatura matul il-perijodu kkunsidrat. Dan ifisser li t-tnaqqis ta’ 8 % tal-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità bejn is-sena 2000 u l-perijodu l-PI-RPĊ, jew 12 % bejn is-sena 2000 u l-PI-Stati Uniti ta’ l-Amerika għandhom jikkorrispondu ma’ l-evoluzzjoni “normali” tal-prezzijiet fis-suq tal-Komunità minħabba ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott. Madanakollu, għandu jiġi mfakkar li l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati naqsu b'40 % bejn is-sena 2000 u l-perijodi ta’ investigazzjoni, li naturalment huwa ħafna aktar mit-tnaqqis fil-prezz “normali” mistenni li jkun purament dovut għall-maturazzjoni tas-suq. Għalhekk, anke jekk il-maturazzjoni tas-suq ikkontribwixxiet, sa ċertu punt, għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet, il-fatt tat-tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet konċernati ta’ bejn is-sena 2000 u l-perijodi ta’ investigazzjoni, ma jistax jiġi spjegat fid-dawl tal-maturazzjoni, u lanqas il-ħsara mġarrba f’dak il-perijodu mill-industrija tal-Komunità.

Esportazzjonijiet ta’ l-industrija tal-Komunità

(71)

Erba’ erportaturi Ċiniżi li kkooperaw sostnew li xi figuri dwar l-esportazzjonijiet ta’ l-industrija tal-Komunità kienu neqsin mill-analiżi ta’ ħsara, u għalhekk m’huwiex possibbli li tiġi stabbilita stampa sħiħa tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità.

(72)

Fir-rigward tal-qligħ, produttur wieħed argumenta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-impatt negattiv ta’ l-esportazzjonijiet tat-TCCA ta’ l-industrija tal-Komunità lejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika. Huwa mfakkar li l-investigazzjoni tal-ħsara titfa’ l-attenzjoni fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità fis-suq tal-Komunità. Għalhekk, il-figuri ta’ qligħ imsemmija fil-premessa (125) tar-Regolament proviżorju jikkonċernaw biss il-bejgħ li sar fis-suq tal-Komunità u għaldaqstant m’humiex influwenzati mill-allegat telf li sar fis-suq ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika jew f’xi suq ieħor ta’ esportazzjoni.

(73)

Xi wħud allegaw li xi tendenzi negattivi eżistenti fis-sehem tas-suq ta’ l-industrija tal-Komunità u fuq il-qligħ kienu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, dovuti għall-esportazzjonijiet ta’ l-industrija tal-Komunità barra mis-suq tal-Komunità. Skond dawn, li kieku l-esportazzjonijiet ta’ l-industrija tal-Komunità nbiegħu fis-suq tal-KE minflok ma ġew esportati lejn is-suq ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, l-industrija tal-Komunità kienet tkun kapaċi tlaħħaq mad-domanda li kien hemm fis-suq tal-KE, iżżomm is-sehem tas-suq tagħha u tbiegħ bi prezz aħjar.

(74)

L-investigazzjoni wriet li l-esportazzjonijiet ta’ l-industrija tal-Komunità żdiedu kontinwament mis-sena 2000 ’il hawn u rrappreżentaw aktar minn 50 % tal-bejgħ totali tagħha tal-prodott ikkonċernat matul il-perijodi ta’ investigazzjoni, meta mqabbel ma’ inqas minn 45 % fis-sena 2000.

(75)

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jiġi osservat il-fatt li l-istrateġija tas-suq ta’ l-industrija tal-Komunità m’hijiex li tlaħħaq mad-domanda tas-suq tal-Komunità jkun xi jkun il-prezz, imma li tbiegħ massimu ta’ prodotti fuq dan is-suq bi prezz aċċettabbli.

(76)

Fit-tieni lok, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika ma jindikawx eżattament ħsara, u dan minħabba li dawn ma jistgħux jiġu mqabbla ma’ dawk tas-suq tal-Komunità. Tabilħaqq, instab li kwalunkwe konnessjoni magħmula bejn il-bejgħ ta’ l-esportazzjonijiet u s-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità m’hijiex relevanti minħabba l-fatt li l-bejgħ ta’ l-esportazzjonijiet u l-bejgħ magħmul fis-suq tal-Komunità ma jistgħux jiġu pparagunati f’dak li għandu x’jaqsam ma’ taħlit ta’ prodotti, kif ukoll fir-rigward tal-prezzijiet.

(77)

Bejgħ magħmul fuq is-suq ta’ l-esportazzjoni huwa ġeneralment bejgħ ta’ boroż kbar ta’ frak żgħir li l-prezz tagħhom ikun ħafna aktar baxx mill-prodott mibjugħ fis-suq tal-Komunità, jiġifieri fil-biċċa l-kbira, pilloli. Għalhekk, paragun sempliċi tal-prezzijiet tal-figuri mhux aġġustati m’huwiex konklużiv.

(78)

Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat il-fatt li aktar minn 80 % tal-bejgħ fis-suq tal-Komunità isir bejn Frar u Awissu, fil-waqt li l-perijodu tal-bejgħ fis-suq Amerikan huwa itwal, partikolarment fiż-żona fejn ikun hemm ix-xemx. Għalhekk, il-bejgħ lejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika li jaqbeż dak li l-Komunità tista’ żżomm bi prezz aċċettabbli, ippermetta lill-industrija tal-Komunità tilħaq skala ta’ l-ekonomija imtejba u li żżomm livell fil-prezzijiet fis-suq tal-Komunità.

(79)

Fir-raba’ lok, għandu jiġi osservat il-fatt li s-suq ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika jiġi l-ewwel suq fid-dinja għat-tagħmir tal-pixxini u għall-kimiċi. Għalhekk, kien ta’ importanza kbira għall-industrija tal-Komunità li jkollha aċċess għal dan is-suq importanti u li żżomm l-pożizzjoni tagħha fih, biex tiddiversifika l-konsumaturi tagħha u tieħu parti wkoll fl-iżvilupp ta’ l-aktar suq attiv.

(80)

Fl-aħħar nett, ma ngħatat ebda evidenza li turi li l-bejgħ fis-suq tal-Komunità fl-istess perijodu ta’ żmien u bi prezz aħjar, seta’ jieħu post dan il-bejgħ fis-suq Amerikan, u li għalhekk is-suq tal-Komunità kkawża ħsara lilu nniffsu.

(81)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-allegazzjonijiet ġew miċħuda u fin-nuqqas ta’ aktar kummenti, il-konklużjonijiet rigward l-effett ta’ fatturi oħra diskuss fil-premessi (142) sa (154) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

3.   KONKLUŻJONI FUQ IL-KAWŻALITÀ

(82)

Fuq il-bażi ta’ dak li ġie kkunsidrat iżjed ’il fuq u ta’ elementi oħra li jinsabu fil-premessi (136) sa (154) tar-Regolament proviżorju, huwa konkluż li l-importazzjonijiet mir-RPĊ u mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika kkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, u dan fl-ambitu ta’ l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

F.   INTERESS TAL-KOMUNITÀ

1.   INTERESSI TA’ L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

(83)

Peress li ma sarux kummenti dwar l-interess ta’ l-industrija tal-Komunità, is-sejbiet stabbiliti fil-premessa (160) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

2.   INTERESS TA’ L-IMPORTATURI LI M’HUMIEX RELATATI

(84)

Għandu jiġi mfakkar li l-kooperazzjoni ta’ importaturi li m’humiex relatati kienet baxxa ħafna, kif diġà msemmi fil-premessa (162) tar-Regolament proviżorju. Barra minn hekk, ebda importatur ma ressaq kummenti wara l-iżvelar tas-sejbiet proviżorji.

(85)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, u fin-nuqqas ta’ informazzjoni ulterjuri sottomessa jew disponibbli fir-rigward ta’ l-interess ta’ importaturi li m’humiex relatati, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (161) sa (162) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

3.   INTERESS TAL-PROĊESSURI

(86)

Investigazzjoni oħra li saret uriet li s-sitwazzjoni tal-proċessuri tista’ tvarja ħafna f’termini ta’ qligħ u f’termini ta’ l-impatt tat-TCCA fuq l-ispejjez tal-produzzjoni. Għalhekk, is-suppożizzjoni magħmula fil-premessa (168) tar-Regolament proviżorju li t-TCCA jirrappreżenta aktar minn 40 % ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-proċessur u li huwa prodott li ma jsirx ħafna qligħ minnu, trid tiġi spjegata aħjar. Fil-fatt, eżami ta’ verifika addizzjonali li sar fuq il-post ta’ wieħed mill-aktar proċessuri importanti fis-suq tal-KE, wera li l-prodott ikkonċernat irrappreżenta inqas minn 25 % ta’ l-ispejjeż totali tal-produzzjoni tiegħu u li l-qligħ tiegħu kien ogħla minn 8 %.

(87)

Proċessur wieħed qajjem dubji dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament proviżorju li l-proċessuri jistgħu jirrevedu l-prezz tagħhom billi jgħolluh, u għalhekk jitfgħu parti miż-żieda fl-ispiża tagħhom fuq il-konsumaturi biex l-effetti tal-miżuri jitilfu l-qawwa tagħhom matul il-katina tad-distribuzzjoni.

(88)

Din is-sitwazzjoni kienet ikkonfermata minn ta’ l-anqas proċessur ieħor, li stqarr b’mod ċar li minn mindu ġew imposti d-dazji proviżorji, il-proċessuri għollew il-prezzijiet tagħhom b’bejn 15 % u 25 % (jew b’medja ta’ EUR 0.32/kg) għall-istaġun tas-sena 2005. Dan ġie kkonfermat ukoll minn proċessur ieħor. L-investigazzjoni wriet ukoll li l-proċessuri m’humiex miżmuma kontrattwalment milli jgħollu l-prezzijiet tagħhom u li klawżoli speċjali ġew imdaħħla fil-kuntratti tagħhom għall-istaġun tas-sena 2006 fid-dawl tal-possibilità li jiġu mposti dazji anti-dumping. Dawn l-elementi juru biċ-ċar li l-proċessuri ħadu diġà, għall-inqas parzjalment, xi prekawzjonijiet biex huma jgħaddu ż-żieda fl-ispejjeż tagħhom fil-katina tad-distribuzzjoni.

(89)

Finalment, l-investigazzjoni wriet li l-qligħ li jagħmlu n-negozjanti li jixtru kwantitajiet kbar fuq il-prezz tax-xiri mingħand il-proċessur jista’ jkun sinifikanti, jiġifieri iżjed minn 40 %, u dan jikkonferma li hemm lok li ż-żieda fl-ispiża ikkawżata mid-dazji tingħadda lil ħaddieħor fil-katina tad-distribuzzjoni.

(90)

Proċessur wieħed sostna li l-impożizzjoni ta’ dazju wieħed fuq importazzjonijiet tat-TCCA fil-forma kemm ta’ frak żgħir kif ukoll ta’ pilloli jwassal il-produtturi esportaturi u l-intermedjarji sabiex jimpurtaw il-pilloli direttament u għalhekk jaffetwa b’mod negattiv l-attività ta’ l-ipproċessar. Għaldaqstant, kien issuġġerit li jiġi impost dazju fuq l-importazzjonijiet ta’ pilloli li jkun ogħla minn dak impost fuq l-importazzjonijiet tat-TCCA f’forma ta’ frak żgħir. Skond dan il-proċessur, distinzjoni bħal din tagħti lok għall-protezzjoni kemm ta’ l-industrija tal-Komunità, kif ukoll tal-proċessuri.

(91)

Madanakollu, huwa mfakkar li l-prodott ikkonċernat ġie definit bħala TCCA u l-preparazzjonijiet tiegħu. Dan jista’ ikun fil-forma ta’ frak żgħir, trab jew pilloli, mingħajr ebda limitu ta’ kemm ikun fih Klorur. Għalhekk, għalkemm it-tqabbil sar bejn prodotti li għandhom l-istess karatteristiċi, bħal per eżempju, il-forma u l-ippakkjar tal-prodott, id-dazju impost fuq il-prodott ikkonċernat għandu jkun impost fuq l-importazzjonijiet tat-TCCA, ikun f’liema forma jkun, jiġifieri, frak irqiq, trab jew pilloli. Kwalunkwe mod ieħor kif tiġi ttrattata s-sitwazzjoni jwassal għall-użu ta’ dazji anti-dumping biex wieħed jagħmel tajjeb għad-differenza fl-ispejjeż ta’ l-ipproċessar bejn proċessuri Ewropej u esportaturi Ċiniżi, u dan naturalment m’huwiex l-għan tal-miżuri anti-dumping. Fl-aħħar, jiġi osservat li, għalkemm l-istess dazju ad valorem japplika kemm għall-frak tat-TCCA, kif ukoll għall-pilloli, huwa inevitabbli li fil-każ ta’ prodotti li jiswew aktar flus, bħall-pilloli, ikollu jitħallas fuqhom ammont ogħla ta’ dazju. Dan jista’ jissodisfa parzjalment it-talba li għamel dan il-proċessur. Għaldaqstant, it-talba ma ġietx milqugħa.

(92)

Fuq bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ kummenti ulterjuri fir-rigward ta’ l-interess tal-proċessuri tal-Komunità, is-sejbiet kif indikati fil-premessi (163) sa (172) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

4.   INTERESS TAL-KONSUMATURI

(93)

Proċessur wieħed reġa’ sostna l-fatt li kwalunkwe żieda fil-prezz ma tkunx fl-interess tal-konsumaturi. Madanakollu, kif spjegat fir-Regolament proviżorju, żieda fil-prezz x’aktarx li tkun żgħira, u għalhekk ma tkunx tant li taffetwa l-għażla tal-konsumaturi. Dan ġie kkonfermat minn proċessur wieħed li qal ukoll li l-impatt fuq il-konsumatur finali jkun ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 10 fis-sena, u dan huwa saħansitra inqas mill-istima konservattiva ta’ EUR 2,5 fix-xahar imsemmija fir-Regolament proviżorju. Żieda fl-ispejjeż ta’ din ix-xorta ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sinifikanti jew bħala li hi ta’ natura li ġġiegħel lill-konsumatur finali jagħżel prodotti alternattivi.

(94)

Barra minn dan, l-ammont stmat ta’ EUR 10 fis-sena jirrifletti biss l-impatt ipotetiku massimu tal-miżuri li kieku d-dazju kollu kellu jitħallas mill-konsumatur finali. Ma ġiex ikkunsidrat ukoll il-fatt li l-miżuri definittivi huma aktar baxxi minn dawk li ġew imposti provviżjonalment, għall-inqas fil-każ ta’ importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

(95)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ kummenti oħra magħmula fir-rigward ta’ l-interess tal-konsumaturi tal-Komunità, is-sejbiet kif indikati fil-premessi (173) sa (177) qegħdin jiġu kkonfermati.

5.   KONKLUŻJONI DWAR L-INTERESS TAL-KOMUNITÀ

(96)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-Regolament proviżorju, u wara li ġew ikkunsidrati s-sottomissjonijiet magħmula minn diversi partijiet, qiegħed jiġi konkluż li m’hemmx raġunijiet validi kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping definittivi fuq importazzjonijiet tat-TCCA li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati u li jinbiegħu taħt il-prezz.

G.   MIŻURI TA’ ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

(97)

Fuq il-bażi tal-metodoloġija spjegata fil-premessi (179) sa (183) tar-Regolament proviżorju, ġie kkalkulat livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ miżuri li għandhom jiġu imposti.

(98)

Meta kien ikkalkulat l-marġni ta’ ħsara fir-Regolament proviżorju, il-qligħ li għandu jintlaħaq mill-industrija tal-Komunità ġie stabbilit bħala għal 10 %, livell ikkunsidrat bħala konservattiv u mistenni f’każ li ma jkunx hemm bejgħ taħt il-prezz li jikkawża ħsara.

(99)

Bosta partijiet interessati argumentaw li qligħ ta’ 10 % m’huwiex f’loku fil-każ tan-negozju tat-TCCA, u li l-qligħ għandu jkun taħt il-5 %. Madanakollu, kif imsemmi fil-premessa (181) tar-Regolament proviżorju, il-livell ta’ qligħ fl-industrija tal-Komunità qabel ma daħlu l-importazzjonijiet ikkonċernati fil-Kommunità, beda jiżdied b’mod sinifikanti. Tant hu hekk, illi l-livelli milħuqa fis-sena 2000 u l-2001 juru li qligħ ta’ 10 % huwa raġonevolment mistenni f’każ li ma jkunx hemm dumping. Għaldaqstant, it-talbiet ma ġewx milqugħa.

(100)

Fin-nuqqas ta’ kummenti ġodda fuq dan is-suġġett, il-metodoloġija indikata fil-premessi (179) sa (183) tar-Regolament proviżorju qiegħda tiġi kkonfermata.

1.   MIZURI DEFINITTVI

(101)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal u skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fil-livell tal-marġni tad-dumping ikkalkulat fir-rigward ta’ importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ u fil-livell tal-marġni tal-ħsara kkalkulat fir-rigward ta’ importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

(102)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, peress li l-marġni ta’ ħsara kienu fil-każi kollha ogħla mill-marġni tad-dumping fil-każ tar-RPĊ u iktar baxxi mill-marġni tad-dumping fil-każ ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, id-dazji definittivi għandhom ikunu skond kif ġej:

Pajjiż

Kumpannija

Rata ta’ dazju anti-dumping

RPĊ

Hebei Jiheng Chemical Co. Limited

8,1  %

Puyang Cleanway Chemicals Limited

7,3  %

Heze Huayi Chemical Co. Limited

14,1  %

Zhucheng Taisheng Chemical Co. Limited

40,5  %

Il-kumpanniji l-oħra kollha

42,6  %

L-Istati Uniti ta’ l-Amerika

Biolab Inc.:

7,4  %

Clearon Inc.:

8,1  %

Il-kumpanniji l-oħra kollha

25,0  %

(103)

Ir-rati individwali tad-dazju anti-dumping speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti skond is-sejbiet ta’ l-investigazzjoni preżenti. Għaldaqstant, dawn jirriflettu is-sitwazzjoni ta’ dawn il-kumpanniji skond kif kienet matul l-investigazzjoni. Dawn ir-rati tad-dazju (għall-kuntrarju tad-dazju applikabbli għall-pajjiż kollu li japplika għall-“kumpanniji l-oħra kollha”) huma għalhekk applikabbli esklussivament għal importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturati mill-kumpanniji imsemmija speċifikament. Prodotti importati li huma manifatturati minn kwalunkwe kumpannija oħra li m’hijiex speċifikament imsemmija b’isimha u bl-indirizz tagħha fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati mal-kumpanniji imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenifikaw minn dawn ir-rati, u huma soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpanniji l-oħra kollha”.

(104)

Kwalunkwe talba sabiex jiġu applikati dawn ir-rati ta’ dazju individwali anti-dumping (eż. meta jkun hemm bidla fl-isem ta’ l-entità jew meta jiġu mwaqqfa entitajiet ġodda għall-produzzjoni jew bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (3) flimkien ma’ l-informazzjoni kollha li tkun relevanti, b’mod speċjali, kwalunkwe tibdil fl-attivitajiet tal-kumpannija li huma relatati mal-produzzjoni, bejgħ fis-suq domestiku u bejgħ għall-esportazzjoni assoċjat mal-bidla, per eżempju, fl-isem jew mal-bidla fl-entitajiet responsabbli għall-produzzjoni jew għall-bejgħ). Fejn ikun xieraq, ir-Regolament jiġi emendat skond il-każ billi tiġi aġġornata l-lista tal-kumpanniji li jibbenefikaw mir-rati ta’ dazju individwali.

(105)

Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ evażjoni minħabba d-differenza kbira li hemm bejn l-ammonti tad-dazji, ġie kkunsidrat li huwa neċessarju li jkun hemm miżuri speċjali f’dan il-każ biex tiġi aċċertata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu:

(106)

Il-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali lill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri, li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Huma biss dawk l-importazzjonijiet akkumpanjati b’din il-fattura kummerċjali li jkunu jistgħu jiġu ddikjarati taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC applikabbli tal-produttur in kwistjoni. Importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati b’din il-fattura jkunu soġġetti għad-dazju residwali anti-dumping applikabbli għall-esportaturi l-oħra kollha.

(107)

Il-kumpanniji kkonċernati ġew mistiedna ukoll sabiex jissottomettu rapporti regolari biex jiġi żgurat li jkun segwit il-bejgħ tagħhom tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità. Jekk ma jiġux sottomessi r-rapporti, jew jekk l-analiżi tar-rapporti turi li l-miżuri m’humiex adegwati sabiex dawn jeliminaw l-effetti tad-dumping li jikkawża ħsara, il-Kummissjoni sadanittant tista’ tibda reviżjoni skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Din ir-reviżjoni tista’ teżamina, inter alia, il-bżonn tat-tneħħija ta’ rati individwali tad-dazju u l-impożizzjoni segwenti ta’ dazju applikabbli għall-pajjiż kollu.

2.   ĠBIR TA’ DAZJI PROVIŻORJI

(108)

Fid-dawl tal-kobor tal-marġni tad-dumping li nstabu u fid-dawl tal-livell tal-ħsara materjali li ġew ikkawżati lill-industrija tal-Komunità, ġie deċiż li l-ammonti miġbura bħala dazju proviżorju anti-dumping impost bir-Regolament (KE) Nru 538/2005, għandhom jiġu miġbura bir-rata tad-dazju definittiv impost. Meta d-dazji definittivi jkunu ogħla mid-dazji proviżorji, huma biss l-ammonti miġbura bħala dazji proviżorji li għandhom jinġabru definittivament. L-ammonti miġbura li jeċċedu r-rata definittiva ta’ dazji anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artkolu 1

1.   Bil-preżenti qed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ l-aċidu trichloroisocyanuric u l-preparazzjonijiet tiegħu, magħruf ukoll bħala “symclosene” skond l-isem tiegħu internazzjonali li m’huwiex l-isem proprjetarju tal-prodott (INN), u jaqa’ taħt il-Kodiċi NM ex 2933 69 80 u ex 3808 40 20 (Kodiċi TARIC 2933 69 80 70 u 3808 40 20 20), li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli qabel id-dazju għall-prezz nett bla ħlas fil-fruntiera tal-Komunità għall-prodotti manifatturati mill-kumpanniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Pajjiż

Kumpannija

Rata tad-dazju anti-dumping

Kodiċi addizzjonali TARIC

RPĊ

Hebei Jiheng Chemical Co. Limited

8,1  %

A604

Puyang Cleanway Chemicals Limited

7,3  %

A628

Heze Huayi Chemical Co. Limited

14,1  %

A629

Zhucheng Taisheng Chemical Co. Limited

40,5  %

A627

Il-kumpanniji l-oħra kollha

42,6  %

A999

L-Istati Uniti ta’ l-Amerika

Biolab Inc.

7,4  %

A594

Clearon Inc.

8,1  %

A596

Il-kumpanniji l-oħra kollha

25,0  %

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rati ta’ dazju individwali speċifikati għal dawk il-kumpanniji mniżżla fil-premessa 2 tiddependi fuq il-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri, liema fattura għandha tikkonforma mar-rekwiżiti mniżżla fl-Anness. Jekk ma tiġix ippreżentata fattura ta’ dan it-tip, għandha tiġi applikata r-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpanniji l-oħra kollha.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti miġbura bħala dazju anti-dumping proviżorju skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 538/2005 fuq l-importazzjonijiet ta’ l-aċidu trichloroisocyanuric jew il-preparazzjonijiet tiegħu, imsejjaħ ukoll bħala “cymclosene” skond l-isem tiegħu internazzjonali li m’huwiex l-isem proprjetarju tal-prodott (INN), li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM ex 2933 69 80 u ex 3808 40 20 (Kodiċi TARIC 2933 69 80 70 u 3808 40 20 20), li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika għandhom jiġi miġbura definittivament bir-rata imposta definittivament mir-Regolament preżenti. L-ammonti miġbura li jeċċedu r-rata definittiva ta’ dazji anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħl fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 3 ta’ Ottubru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

D. ALEXANDER


(1)   ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(2)   ĠU L 89, 8.4.2005, p. 4.

(3)   Kummissjoni Ewropea Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ Direzzjoni B Uffiċċju J-79 5/16 B-1049 Brussell.


ANNESS

Il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-kumpannija, skond il-format li ġej:

1.

L-isem u l-kariga ta’ l-uffiċjal tal-kumpannija li tkun ħarġet il-fattura kummerċjali;

2.

Id-dikjarazzjoni mniżżla hawn: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li [volum] ta’ l-aċidu trichloroisocyanuric mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità Ewropea kopert b’din il-fattura ġie manifatturat minn [isem u indirizz tal-kumpannija] [Kodiċi TARIC addizzjonali] f’ [il-pajjiż konċernat]. Jiena niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.”

Data u firma.