18.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

324


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1459/2005

tat-8 ta' Settembru 2005

li jemenda l-kondizzjonijiet ta’ numru ta’ adittivi għall-għalf tal-bhejjem li jagħmlu parti mill-grupp ta’ l-elementi traċċa

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru ta’ l-2003 dwar l-adittivi għall-użu fin-nutriment ta’ l-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

(1)

Bosta mluħa tal-jodju, li huma adittivi li jagħmlu parti mill-grupp ta’ l-elementi traċċa, ġew awtorizzati mid-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2) kif ġie emendat mid-Direttiva tal-Kunsill 96/7/KE (3). Dawn l-adittivi ġew notifikati bħala prodotti eżistenti bbażati fuq l-Artikolu 10 tae-Regolament (KE) Nru 1831/2003 u huma soġġetti għall-varjazzjonijiet u għall-proċeduri fl-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni.

(2)

Il-kontenut massimu ta’ l-element traċċa Jodju-I li huwa awtorizzat bħalissa fl-għalf għall-bhejjem huwa ta’ 4ppm għall-ekwini, 20 ppm għall-ħut u 10 ppm għal speċi jew kategoriji ta’ annimali oħrajn.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprovdi għall-possibbiltà ta’ modifika ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ adittiv wara opinjoni ta’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta’ l-Ikel (“l-Awtorità”) dwar jekk l-awtorizzazzjoni għadhiex tilħaq il-kondizzjonijiet stipolati f’ dak ir-Regolament.

(4)

Il-Kummissjoni staqsiet lill-Awtorità biex tevalwa l-kondizzjonijiet fiżjoloġiċi għall-jodju għall-ispeċi ta’ l-annimali differenti li jissemmew fid-Direttiva 70/524/KEE u sabiex tagħti parir dwar l-effetti ta’ ħsara possibbli fuq is-saħħa tal-bniedem jew ta’ l-annimali jew fuq l-ambjent, meta wżat fil-livelli kurrenti awtorizzati. Minn din it-talba, l-Awtorità adottat fil-25 ta’ Jannar ta’ l-2005 opinjoni dwar l-użu tal-jodju fl-għalf għall-bhejjem.

(5)

L-opinjoni ta’ l-Awtorità tikkonkludi li l-mudell ta’ kalkoli għallta’ l-agħar xenarju bil-ħalib u l-bajd, bbażata fuq il-livell massimu kurrenti tal-jodju fl-għalf għall-bhejjem, juri li l-Ogħla Livell (UL) għall-adulti u għall-adolexxenti jista’ jinqabeż.

(6)

Għalhekk, il-kontenut massimu tal-Jodju-I fl-għalf għall-bhejjem f’ dwan iż-żewġ tipi ta’ produzzjoni, jiġifieri għall-baqar li jagħtu l-ħalib u għat-tiġieġ li jbidu, għandu jitbaxxa sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem.

(7)

Huwa neċessarju li jkun hemm tnax-il xhar bħala perjodu tranżitorju sabiex jippermettu l-istokkijiet ezistenti ta' l-għalf għall-bhejjem skond il-kundizzjonijiet ta' qabel stabbiliti bi qbil mad-Direttiva 70/524/KE.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet l-oħrajn għall-awtorizzazzjoni ta’ l-adittivi E2 Jodju-I li jagħmlu parti mill-elementi traċċa stipolati fid-Direttiva 70/524/KEE, il-kontenut massimu ta’ l-element fi mg/kg ta’ għalf għall-bhejjem sħiħ ser jinbidel b’ dawk stipolati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa japplika minn 12-il rahar wara d-data ta' Pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-8 ta' Settembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8).

(2)  ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1. Direttiva kif imħassra bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)  ĠU L 51, 1.3.1996, p. 45.


ANNESS

Nru KE

Element

Adittiv

Formula kimika, deskrizzjoni

Kontenut massimu ta’ l-element fi mg/kg ta’ għalf għall-bhejjem sħiħ bi kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Dispożizzjonijiet oħrajn

Perjodu ta’ awtorizzazzjoni

E2

Jodju-I

Calcium iodate, hexahydrate

Ca(IO3)2.6H2O

Ekwini: 4 (totali)

Baqar li jagħtu l-ħalib u tiġieġ li jbidu: 5 (totali)

Ħut: 20 (totali)

Speċi oħrajn jew kategoriji ta’ annimali: 10 (totali)

Mingħajr limitu ta’ żmien

Calcium iodate, anhydrous

Ca(IO3)2

Sodium iodide

Nal

Potassium iodide

KI