9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

225


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1336/2005

tat-12 ta' Awwissu 2005

li jemenda l-Anness III għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti tal-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2092/91 tal-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni inċiż tal-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

(1)

B'riżultat tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 392/2004 (2), l-ambitu tal-attivitajiet tal-operaturi sottomessi għas-sistema ta' spezzjoni kif ipprovduta fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 ikopri kull operatur matul il-proċess kollu ta' produzzjoni, preparazzjoni u kummerċjalizzazzjoni.

(2)

Sabiex ikunu koperti adegwatament il-kategoriji kollha tal-operaturi msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91, hemm bżonn li tiġi estiża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Anness III għal dak ir-Regolament.

(3)

Huwa xieraq li l-frekwenza ta' spezzjonijiet każwali tiġi relatata mar-riskji ta' nuqqas ta' konformità mar-Regolament (KEE) Nru 2092/91.

(4)

L-Anness III għar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri li huma stabbiliti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat maħtur skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum mill-publikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 12 ta' Awwissu 2005.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2254/2004 (ĠU L 385, 29.12. 2004, p. 20).

(2)   ĠU L 65, 3.3.2004, p. 1.


ANNESS

L-Anness III għar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 huwa emendat kif ġej:

(1)

Wara t-titolu, għandu jiddaħħal dan li ġej:

“Id-Dispożizzjonijiet Ġenerali stabbiliti f'dan l-Anness għandhom japplikaw għall-operaturi msemmija f'Artikolu 8(1), sakemm dawk id-dispożizzjonijiet huma relatati mal-attivitajiet li għandu jwettaq l-operatur ikkonċernat.

Flimkien mad-Dispożizzjonijiet Ġenerali, id-Dispożizzjonijiet Speċifiċi għandhom japplikaw għal dawk l-operaturi li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fit-titolu ta' kull subsezzjoni.”

(2)

Id-Dispożizzjonijiet Ġenerali huma emendati kif ġej:

(a)

Il-Punti 3 sa 6 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“3.   Spezzjoni tal-bidu

Meta jiġu implimentati għall-ewwel darba l-arranġamenti għall-ispezzjoni, l-operatur responsabbli għandu jħejji:

deskrizzjoni sħiħa tal-unità u/jew bini u/jew attività,

il-miżuri prattiċi kollha li għandhom jittieħdu fil-livell tal-unità u/jew bini u/jew attività sabiex tkun żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, u b'mod partikolari mar-rekwiżiti f'dan l-Anness,

il-miżuri ta’ prekawzjoni li għandhom jittieħdu sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ kontaminazzjoni minn prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati u l-miżuri ta’ tindif li għandhom jittieħdu f’postijiet tal-ħażna u tul il-katina kollha ta’ produzzjoni tal-operatur.

Fejn xieraq, dawn id-deskrizzjonijiet u l-miżuri jistgħu jagħmlu parti minn sistema ta' kwalità kif stabbilita mill-operatur.

Id-deskrizzjoni u l-miżuri prattiċi kkonċernati għandhom ikunu mniżżlin f'dikjarazzjoni, iffirmata mill-operatur responsabbli.

B'żieda għal dan, din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi mpenn mill-operatur:

li jwettaq x-xogħolijiet f’konformità mal-Artikoli 5, 6, 6a u, fejn hu rilevanti, l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament, u/jew ir-Regolament (KE) Nru 223/2003,

li jaċċetta, fl-eventwalità ta' ksur jew irregolaritajiet, l-infurzar tal-miżuri li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 9(9) ta' dan ir-Regolament u, fejn relevanti, fl-Artikolu 10(3) ta' dan ir-Regolament, u

li jaċċetta li jinforma bil-miktub lix-xerrejja tal-prodott sabiex jiżgura li l-indikazzjonijiet li jirriferu għall-metodu ta' produzzjoni organika jitneħħew minn din il-produzzjoni.

Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi vverifikata mill-korp jew awtorità tal-ispezzjoni li toħroġ rapport li jidentifika d-defiċjenzi possibbli u n-nuqqasijiet ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. L-operatur għandu jiffirma dan ir-rapport u jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa.

4.   Komunikazzjoni

L-operatur responsabbli jrid jinnotifika kull bidla fid-deskrizzjoni jew tal-miżuri prattiċi msemmija fil-punt 3 u fid-disposizzjonijiet tal-ispezzjoni inizjali previsti fit-taqsimiet A, B, C, D u E tad-Dispożizzjonijiet Speċifiċi ta' dan l-Anness lill-korp jew lill-awtorità ta' spezzjon fi żmien xieraq.

5.   Żjarat ta' spezzjoni

Il-korp jew awtorità tal-ispezzjoni għandu jagħmel spezzjoni fiżika sħiħa, tal-anqas darba fis-sena, tal-operaturi kollha. Il-korp jew awtorità ta' spezzjoni jista’ jieħu kampjuni għall-ittestjar tal-prodotti li mhumiex awtorizzati f'dan ir-Regolament jew sabiex jiġu ċċekkjati l-metodi ta' teknika tal-produzzjoni li mhumiex f'konformità ma' dan ir-Regolament. Jistgħu jittieħdu wkoll kampjuni u jiġu analizzati sabiex jinqabad tniġġiz possibbli minn prodotti li mhumiex awtorizzati. Iżda, din l-analiżi għandha titwettaq fejn hemm suspett ta' użu ta' prodotti li mhumiex awtorizzati. Għandu jitħejja rapport ta' spezzjoni wara kull żjara, iffirmata mill-persuna responsabbli għall-unità jew ir-rappreżentant tiegħu.

Barra minn hekk, il-korp jew l-awtorità ta' spezzjoni għandu jwettaq żjarat ta' spezzjoni b’mod aleatorju, avżati jew le, abbażi tal-evalwazzjoni ġenerali tar-riskju ta' nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament u mar-Regolament (KE) Nru 223/2003, filwaqt li jqis għall-inqas ir-riżultati tal-ispezzjonijiet preċedenti, il-kwantità u l-prodotti kkonċernati u r-riskju ta' skambju ta' prodotti.

6.   Kontijiet dokumentati

Għandhom jinżammu rekords tal-ħażna u dawk finanzjarji fl-unità jew fil-bini, sabiex l-operatur ikun jista' jidentifika, u biex il-korp jew l-awtorità tal-ispezzjoni jkun jista' jivverifika:

il-fornitur u, fejn huwa differenti, il-bejjiegħ, jew l-esportatur tal-prodotti,

in-natura u l-kwantitajiet ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ikkonsenjati lill-unità u, meta rilevanti, il-materjali kollha mixtrija u l-użu ta’ dawn il-materjali, u, meta rilevanti, il-kompożizzjoni tal-prodotti tal-għalf kompost,

in-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 maħżun fil-bini,

in-natura, il-kwantitajiet u d-destinatarji u, fejn huma differenti, ix-xerrejja, barra l-konsumaturi finali, ta' kull prodott kif hemm riferut fl-Artikolu 1, li jkunu ħallew l-unità jew il-bini jew il-faċilitajiet tal-ħażna tal-ewwel destinatarju,

fil-każ ta’ operaturi li ma jaħżnux jew ma jittrattawx fiżikament dawn il-prodotti, in-natura u l-kwantitajiet ta’ prodotti, kif imsemmija fl-Artikolu 1, mixtrija u mibjugħa, u l-fornituri, u meta differenti, il-bejjiegħa jew l-esportaturi u x-xerrejja, u meta differenti, id-destinatarji.

Il-kontijiet dokumentati għandhom jinkludu wkoll ir-riżultati tal-verifika mal-wasla tal-prodotti u kull informazzjoni oħra rikjesta mill-korp jew awtorità tal-inspezzjoni bl-iskop ta' spezzjoni xierqa.

Id-dejta fil-kontijiet għandha tkun dokumentata b'dokumenti ta' ġustifikazzjoni xierqa.

Il-kontijiet għandhom juru l-bilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ.”

(b)

It-titolu tal-punt 7 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“7.   L-ippakkjar u t-trasport ta’ prodotti lejn operaturi jew unitajiet oħra”

(c)

Wara l-punt 7, għandu jiddaħħal il-punt 7a li ġej:

“7a.   L-irċevuta ta’ prodotti minn unitajiet oħrajn u mingħand operaturi oħrajn

Mal-wasla ta' prodott kif imsemmi fl-Artikolu 1, l-operatur għandu jiċċekkja l-għeluq tal-pakkett jew reċipjent fejn hu meħtieġ u l-preżenza tal-indikaturi msemmija fil-punt 7. L-operatur għandu jagħmel kontroverifika tal-informazzjoni fuq it-tikketta msemmija fl-Artikolu 7 mal-informazzjoni fuq id-dokumenti mehmuża. Ir-riżultat ta’ dawn il-verifiki għandu jissemma espliċitament fil-kontijiet dokumentati msemmija fil-punt 6.”

(d)

Il-Punt 8 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“8.   Il-ħażna tal-prodotti

Għall-ħażna ta' prodotti, l-imkejjen għandhom jiġu ġestiti sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni ta' lottijiet u sabiex jiġi evitat kull taħlit ma', jew kontaminazzjoni minn prodotti u/jew sustanzi li mhumiex konformi ma' dan ir-Regolament. Prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu identifikabbli b'mod ċar f'kull ħin.”

(3)

Id-Dispożizzjonijiet Speċifiċi huma emendati kif ġej:

(a)

Fis-sezzjoni A, is-sitt paragrafu għandu jitħassar.

(b)

Is-sezzjoni b għandha tinbidel b'dan li ġej:

“B.   Unitajiet għall-preparament ta' prodotti li ġejjin mill-pjanti jew mill-bhejjem u għalf magħmul minn prodotti li ġejjin mill-pjanti u mill-bhejjem

Din is-Sezzjoni tapplika għal kull unità involuta fil-preparament, kif inhu ddefinit fl-Artikolu 4(3), tal-prodotti li saret riferenza għalihom fl-Artikolu 1(1), għall-kont tiegħu stess jew għall-kont ta' terza parti, u li jinkludu b'mod partikolari wkoll:

unitajiet involuti fl-ippakkjar u/jew ippakkjar mill-ġdid ta' prodotti bħal dawn,

unitajiet involuti fit-tikkettjar u/jew tikkettjar mill-ġdid ta' prodotti bħal dawn.

1.   Spezzjoni inizjali

Id-deskrizzjoni sħiħa tal-unità li saret riferenza għalih fil-punt 3 tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta' dan l-Anness għandhom juru l-faċilitajiet użati mal-wasla, għall-ipproċessar, l-ippakkjar, l-ittikkettjar u l-ħażna tal-prodotti agrikoli qabel u wara x-xogħolijiet li jikkonċernawhom, kif ukoll il-proċeduri għat-trasport tal-prodotti.

2.   Unitajiet għall-preparament li jieħdu ħsieb ukoll prodotti li ma jiġux minn produzzjoni organika.

Meta l-prodotti li ma saritx riferenza għalihom fl-Artikolu 1 jiġu ppreparati, ippakkettati u maħżuna wkoll fl-unità ta' preparament konċernat:

l-unità għandha jkollha żoni separati bil-post jew bil-ħin fi ħdan il-bini għall-ħażna ta' dawn il-prodotti kif hemm riferut fl-Artikolu 1, qabel u wara x-xogħolijiet,

ix-xogħlijiet għandhom isiru kontinwament sakemm tkun saret is-sekwenza kollha, mifrudin bl-ispazju jew bil-ħin minn xogħolijiet simili li jitwettqu fuq prodotti li mhumiex koperti minn l-Artikolu 1,

jekk dawn ix-xogħlijiet ma jsirux f’ħinijiet regolari jew f'ġurnata fissa, għandhom ikunu magħrufa minn qabel, b'limitu ta' żmien miftiehem mall-korp jew awtorità ta' spezzjoni,

kull miżura għandha tittieħed sabiex tkun żgurata l-identifikazzjoni tal-gruppi u sabiex ikun prevenut it-taħlit u tpartit ma' prodotti li ma nkisbux skont ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament,

xogħolijiet fuq prodotti skont ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom isiru biss wara li jitnaddaf it-tagħmir ta' produzzjoni. L-effikaċja tal-miżuri ta' tindif għandha tiġi ċċekkjata u rreġistrata.

3.   L-ippakkjar u t-trasport ta' prodotti għall-unitajiet ta' preparament

Ħalib, bajd u prodotti magħmulin mill-bajd li ġejjin mill-biedja organika għandhom jinġabru indipendentament minn prodotti mhux magħmula skont dan ir-Regolament. Permezz ta' deroga, u soġġett għal approvazzjoni minn qabel mill-korp jew awtorità ta' spezzjoni, jista' jsir ġbir simultanju, fejn ikunu ttieħdu miżuri xierqa biex jiġi prevenut it-taħlit u t-tpartit ma' prodotti li ma jkunux inħadmu skont dan ir-Regolament u biex tiġi żgurata l-identifikazzjoni tal-prodotti maħduma skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament L-operatur iżomm għad-dispożizzjoni tal-korp jew l-awtorità ta' spezzjoni l-informazzjoni relatata mal-ġranet ta' ġbir, is-sigħat, is-sekwenza u d-data u l-ħin tal-wasla tal-prodotti”

(c)

Fis-Sezzjoni E, għandu jitħassar il-punt 6.