31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

261


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1333/2005

tad-9 ta’ Awwissu 2005

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 428/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poljester li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Għarabja Sawdita

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku), u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

PROĊEDURA

(1)

Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 428/2005 (2) (“ir-Regolament definittiv”), impona dazji anti-dumping definittivi fuq importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poljester (“PSF”) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Għarabja Sawdita, emenda d-dazji anti-dumping definittivi fis-seħħ fuq tali importazzjoniijiet li jorġinaw fil-Korea ta’ Isfel u temm il-proċedura ta’ anti-dumping fir-rigward ta’ tali importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajwan.

(2)

Is-Saudi Basic Industries Corporation (“Sabic”), għan-nom tagħha u tal-kumpanniji relatati kollha, inkluż il-produttur relatat tal-prodott konċernat, l-Arabian Industrial Fibres Company (Ibn Rushd), offriet impenn aċċettabbli qabel il-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet definittivi iżda fi stadju fejn amministrattivament kien impossibli li l-aċċettazzjoni tagħha tiġi inkluża fir-Regolament definittiv.

(3)

Il-Kummissjoni, permezz ta’ Deċiżjoni XXX/XXX (3), aċċettat impenn offrut mis-Sabic. Id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-raġunijiet li bihom intlaqa’ dan l-impenn. Il-Kunsill, jagħraf li r-reviżjonijiet introdotti fl-offerta ta’ impenn jeliminaw id-dannu tad-dumping u jillimitaw suffiċjentement ir-riskju ta’ evażjoni f’forma ta’ kumpens reċiproku ma’ prodotti oħra.

(4)

Fid-dawl ta’ l-aċċettazzjoni ta’ l-offerta ta’ l-impenn, huwa meħtieġ li r-Regolament (KE) 428/2005 jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu ma’ l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 428/2005:

“4.   L-importazzjonijiet dikjarati għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera għandhom jiġu eżentati mid-dazji anti-dumping imposti mill-paragrafi 1 u 2, sakemm dawn ikunu fabbrikati, imbarkati u fatturati minn dawk il-kumpanniji li mingħandhom il-Kummissjoni taċċetta impenni u l-ismijiet tagħhom ikunu elenkati fil-listi tad-Deċiżjoni jew Regolament relevanti tal-Kummissjoni, kif emendati minn żmien għall-ieħor, u sakemm tali importazzjonijiet ikunu saru skond id-dispozizzjonijiet ta’ l-istess Deċiżjoni jew Regolament.

5.   L-importazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 għandhom ikunu eżentati mid-dazju anti-dumping sakemm:

(a)

il-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jikkorrispondu eżatt għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1,

(b)

tiġi preżentata fattura kummerċjali li tinkludi ta’ l-inqas l-elementi elenkati fl-Anness lill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat Membru meta titressaq id-dikjararazzjoni għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera, u

(c)

il-prodotti dikjarati u preżentati lid-dwana jikkorrispondu eżatt għad-deskrizzjoni fuq il-fattura kummerċjali.”

Artikolu 2

It-test stabbilit fl-Anness għandu jiżdied mar-Regolament (KE) Nru 428/2005.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 9 ta’ Awwissu 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 71, 17.3.2005, p. 1.

(3)  See page 20 of this Official Journal.


ANNESS

“ANNESS

L-elementi li ġejjin għandhom ikunu indikati fil-fattura kummerċjali li takkumpanja oġġetti fil-bejgħ ta’ staple fibres tal-poljester tal-kumpannija lill-Komunità li jkunu suġġett għal Impenn:

1.

L-intestatura ‘FATTURA KUMMERĊJALI LI TAKKUMPANJA OĠĠETTI SUĠĠETTI GĦAL IMPENN’.

2.

L-isem tal-kumpannija, li toħroġ il-fattura kummerċjali, u li hija msemmija fl-Artikolu 1 ta-Regolament/Deċiżjoni tal-Kummissjoni [DAĦĦAL IN-NUMRU] li qed taċċetta l-impenn.

3.

In-numru tal-fattura kummerċjali.

4.

Id-data tal-ħruġ tal-fattura kummerċjali.

5.

Il-kodiċi addizzjonali TARIC li taħtha l-prodotti ta’ fuq il-fattura għandhom jiġu rilaxxati mid-dwana fil-fruntiera tal-Komunità.

6.

Deskrizzjoni eżatta tal-prodotti, inklużi:

numru tal-kodiċi tal-prodott (PCN) użat għall-finijiet ta’ l-investigazzjoni u l-attività (eż. NKP 1, NKP 2, eċċ.),

deskrizzjoni f’termini sempliċi tal-prodotti li jikkorrispondu għan-numru tal-kodiċi tal-prodott konċeranti,

kodiċi tal-prodott tal-kumpannija (CPC) (jekk applikabbli),

kodiċi NM,

kwanitità (għandha tingħata f’kilogrammi).

7.

Id-deskrizzjoni tat-termini tal-bejgħ, inklużi:

il-prezz kull kilo,

it-termini tal-ħlas li japplikaw,

it-termini tal-kunsinna li japplikaw,

roħs u skontijiet totali.

8.

L-isem tal-kumpannija li qed taġixxi bħala importatur fil-Komunità u f’isem min il-kumpannija qed toħroġ b’mod dirett il-fattura kummerċjali li takkumpanja l-prodotti suġġetti għall-impenn.

9.

L-isem ta’ l-uffiċjal tal-kumpannija li ħareġ il-fattura, u dikjarazzjoni ffirmata kif ġejja:

‘Jiena, is-sottoskritt, niċċertifika li l-bejgħ għal esportazzjoni diretta lejn il-Komunità Ewropea ta' prodotti koperti b’din il-fattura qiegħed isir fi ħdan l-ambitu u skond it-termini ta’ l-impenn offrut mill-[kumpannija], u aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tar-Regolament/Deċiżjoni [DAĦĦAL IN-NUMRU]. Niddikjara li l-informazzjoni provduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.’”