18.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

285


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1292/2005

tal-5 ta' Awissu 2005

li jemenda l-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward in-nutriment ta’ l-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi regoli dwar it-tmigħ ta' proteini dderivati mill-annimali sabiex tiġi pprevenuta d-disseminazzjoni ta' l-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSEs - Transmissible Spongiform Encephalopathies) lill-annimali.

(2)

Dak ir-Regolament jipprojbixxi l-użu ta’ ċerti proteini ta' l-annimali fit-tmigħ ta’ l-annimali mrobbija sew minħabba li dawn il-proteini jistgħu potenzjalment ikun fihom l-infettività tat-TSEs jew inkella minħabba li jistgħu jipperikolaw id-detezzjoni ta' ammonti żgħar ta' proteini potenzjalment infettati bit-TSEs fl-oġġetti ta' l-għalf. Dan stabbilixxa wkoll tolleranza-żero għall-kostitwenti ta’ l-annimali projbiti fl-oġġetti ta’ l-għalf.

(3)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/126/KE tat-23 ta’ Diċembru 2003 dwar il-metodu analitiku għad-determinazzjoni tal-kostitwenti li jkunu ġejjin mill-annimali għall-kontroll uffiċjali ta' l-oġġetti ta' l-għalf (2) tipprevedi li l-analiżijiet uffiċjali ta’ l-oġġetti ta' l-għalf bil-ħsieb li jiġu kkontrollati uffiċjalment il-preżenza, l-identifikazzjoni jew l-istima ta' l-ammont tal-kostitwenti li jkunu ġejjin mill-annimali fl-oġġetti ta' l-għalf għandhom jitwettqu skond dik id-Direttiva. L-ittestjar tal-profeċjenza tal-laboratorji, imwettaq skond dik id-Direttiva mill-Istitut tal-Kummissjoni għall-Materjali u l-Miżuri ta’ Referenza (IRMM-JRC), wera li l-prestazzjoni tal-laboratorji fid-detezzjoni ta’ ammonti żgħar ta’ proteini mammiferi fl-oġġetti ta’ l-għalf tjiebet konsiderevolment.

(4)

Dak it-titjib fil-prestazzjoni tal-laboratorji wassal għad-detezzjoni tal-preżenza aċċidentali ta' spikuli ta' l-għadam, partikolarment fl-uċuħ tar-raba’ tat-tuberi u l-għeruq. L-evidenza xjentifika wriet li l-kontaminazzjoni tat-tali wċuħ tar-raba' bl-ispikuli ta' l-għadam preżenti fil-ħamrija ma tistax tiġi evitata. Kunsinni ta’ wċuħ tar-raba' tat-tuberi u l-għeruq ikkontaminati għandhom jintremew skond id-Direttiva tal-Kunsill 95/53/KE tal-25 ta’ Ottubru 1995 li tiffissa l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ l-ispezzjonijiet uffiċjali fil-qasam tan-nutriment ta' l-annimali (3), u spiss ikollhom jinqerdu bħala riżultat. Sabiex din id-Direttiva tinżamm milli tiġi applikata b’mod disproporzjonat, l-Istati Membri għandhom jitħallew jagħmlu evalwazzjoni tar-riskju dwar il-preżenza ta’ konsitwenti mill-annimali fl-uċuħ tar-raba’ tat-tuberi u l-għeruq qabel ma jiġi kkunsidrat ksur tal-projbizzjoni fuq l-għalf.

(5)

Nhar il-25 u s-26 ta’ Mejju 2000, il-Kumitat ta' Direzzjoni Xjentifiku (SSC - Scientific Steering Committee) aġġorna r-rapport u l-opinjoni tiegħu dwar is-sigurtà tal-proteini idrolizzati prodotti minn ġildet il-bhejjem li jixtarru, adottati matul il-laqgħa tiegħu tat-22 u t-23 ta' Ottubru 1998. Il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jitqiesu bħala siguri l-proteini idrolizzati skond dik l-opinjoni huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 2002 li jistabbilixxi r-regoli sanitarji fir-rigward tal-prodotti sekondarji mill-annimali li mhumiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem (4). Mill-1 ta' Mejju 2004, dawk il-kundizzjonijiet applikaw ukoll għall-proteini idrolizzati impurtati minn pajjiżi terzi. Għalhekk, it-tmigħ tal-proteini idrolizzati lill-bhejjem li jixtarru maħduma minn ġildet il-bhejjem li jixtarru m'għandux jibqa' aktar ipprojbit.

(6)

Fl-opinjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 1999 dwar ir-riċiklaġġ intra-speċi, u għal darboħra fl-opinjoni tiegħu tas-27-28 ta’ Novembru 2000 dwar il-bażi xjentifika għall-projbizzjoni tal-proteini ta' l-annimali mill-għalf ta' l-annimali mrobbija kollha, l-SSC stqarr li m'hemm l-ebda evidenza ta' okkorrenzi naturali tat-TSEs f'annimali mrobbija li jipproduċu l-ikel li mhumiex bhejjem li jixtarru, bħall-majjali u t-tjur ta’ l-irziezet. Aktar minn hekk, ladarba l-kontrolli fuq il-projbizzjoni tal-proteini ta’ l-annimali huma bbażati fuq id-detezzjoni ta' l-għadam u l-fibri tal-muskoli fl-oġġetti ta' l-għalf, il-prodotti tad-demm u l-proteini idrolizzati dderivati minn annimali li ma jixtarrux m'għandhomx jipperikolaw il-kontrolli tal-preżenza ta’ proteini li jistgħu jkunu infettati bit-TSEs. Għaldaqstant, ir-restrizzjonijiet fuq it-tmigħ ta’ prodotti tad-demm u proteini idrolizzati dderivati mill-annimali li ma jixtarrux lill-annimali mrobbija għandhom jiġu rrilassati.

(7)

Il-kundizzjonijiet għat-trasport, il-ħażna u l-ippakkjar ta’ l-oġġetti ta’ l-għalf bl-ingrossa li jkun fihom proteini ta’ l-annimali pproċessati għandhom jiġu ċċarati.

(8)

Għandha tiġi pprovduta evalwazzjoni kontinwa tal-kompetenza u t-taħriġ ta’ l-istaff tal-laboratorji sabiex tinżamm jew tittejjeb il-kwalità tal-kontrolli uffiċjali.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan. Għal raġunijiet prattiċi u f'ġieħ iċ-ċarezza, jixraq li l-Anness IV emendat jiġi ssostitwit fl-intier tiegħu.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 hu emendat skond l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Gurnal Ufficjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Jibda japplika mill-1 ta' Settembru 2005.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar il-5 ta' Awissu 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, tal-31.5.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 260/2005 (ĠU L 46, tas-17.2.2005, p. 31).

(2)  ĠU L 339, ta’ l-24.12.2003, p. 78.

(3)  ĠU L 265, tat-8.11.1995, p. 17. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2001/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 234, 1.9.2001, p. 55).

(4)  ĠU L 273, ta’ l-10.10.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 416/2005 (ĠU L 66, tat-12.3.2005, p. 10).


ANNESS

L-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġi ssostitwit b’li ġej:

“ANNESS IV

IT-TMIGĦ TA’ L-ANNIMALI

I.   L-estensjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)

Il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1) għandha tiġi estiża għat-tmigħ:

a)

lill-annimali mrobbija, bl-eċċezzjoni tat-tmigħ lill-annimali karnivori li jipproduċu l-fer, ta’:

i)

proteini pproċessati ta’ l-annimali;

ii)

ġelatina li tkun ġejja minn bhejjem li jixtarru;

iii)

prodotti tad-demm;

iv)

proteini idrolizzati;

v)

dicalcium phosphate u tricalcium phosphate li jkunu ġejjin mill-annimali (dicalcium phosphate u tricalcium phosphate);

vi)

oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom il-proteini elenkati fil-punti (i) sa (v).

b)

lill-bhejjem li jixtarru, ta’ proteini ta’ l-annimali u oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom it-tali proteini.

II.   Derogi mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) u (2), u kundizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjoni ta' dawn id-derogi.

A.

Il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) u (2) m'għandhomx japplikaw għal:

a)

it-tmigħ lill-annimali mrobbija tal-proteini msemmija fil-punti (i), (ii), (iii) u (iv) u ta' oġġetti ta' l-għalf idderivati mit-tali proteini:

i)

ħalib, kolostru u prodotti bbażati fuq il-ħalib;

ii)

bajd u prodotti mill-bajd;

iii)

ġelatina dderivata minn bhejjem li ma jixtarrux;

iv)

proteini idrolizzati dderivati minn partijiet ta’ ġlud ta’ bhejjem li jixtarru u li ma jixtarrux;

b)

it-tmigħ lill-annimali mrobbija li ma jixtarrux tal-proteini msemmija fil-punti (i), (ii) u (iii), u ta' prodotti dderivati mit-tali proteini:

i)

ħut imqadded mitħun (fishmeal), skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt B;

ii)

dicalcium phosphate u tricalcium phosphate, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt C;

iii)

prodotti tad-demm idderivati minn bhejjem li ma jixtarrux skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt D;

c)

it-tmigħ lill-ħut ta’ demm imqadded mitħun (bloodmeal) idderivat minn bhejjem li ma jixtarrux skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt D;

d)

it-tmigħ lill-annimali mrobbija ta’ wċuħ tar-raba’ tat-tuberi u l-għeruq u oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom it-tali prodotti wara d-detezzjoni ta' spikuli ta' l-għadam, jista' jiġi permess mill-Istati Membri jekk ikun hemm evalwazzjoni tar-riskju favorevoli. L-evalwazzjoni tar-riskju għandha talanqas tqis l-ammont u s-sors ta’ kontaminazzjoni possibbli u d-destinazzjoni aħħarija tal-kunsinna.

B.

Il-kundizzjonijiet li ġejjin japplikaw għall-użu tal-ħut imqadded mitħun imsemmi fil-punt A(b)(i) u l-oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun fit-tmigħ ta’ annimali mrobbija li ma jixtarrux (mhux applikabbli għat-tmigħ ta' annimali karnivori li jipproduċu l-fer):

a)

Il-ħut imqadded mitħun għandu jkun prodott f'impjanti ta' l-ipproċessar iddedikati esklussivament għall-produzzjoni ta' prodotti dderivati mill-ħut;

b)

qabel ma tinħareġ għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità, kull kunsinna importata ta’ ħut imqadded mitħun għandha tiġi analizzata permezz tal-mikroskopija skond id-Direttiva 2003/126/KE;

c)

l-oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun għandhom jiġu prodotti fi stabbilimenti li ma jipproduċux oġġetti ta’ l-għalf għall-bhejjem li jixtarru u li jkunu awtorizzati għal dan il-għan mill-awtorità kompetenti.

B’deroga mill-punt (c):

i)

m'għandhiex tintalab awtorizzazzjoni speċifika għall-produzzjoni ta’ oġġetti ta’ l-ikel kompluti minn oġġetti ta’ l-ikel li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun għall-home compounders:

irreġistrati mill-awtorità kompetenti;

li jrabbu biss bhejjem li ma jixtarrux;

li jipproduċu oġġetti ta’ l-għalf kompluti għall-użu biss fl-istess impriża; u

sakemm l-oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun użat fil-produzzjoni jkun fihom anqas minn 50 % proteina kruda;

ii)

il-produzzjoni ta' l-oġġetti ta' l-għalf għall-annimali li jixtarru fi stabbilimenti li jipproduċu wkoll oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun għal speċi oħrajn ta' annimali tista' tiġi awtorizzata mill-awtorità kompetenti soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

l-oġġetti ta’ l-ikel bl-ingrossa u ppakkjati ddestinati għall-bhejjem li jixtarru jkunu jinżammu f’faċilitajiet li jkunu separati fiżikament minn dawk għall-ħut imqadded mitħun bl-ingrossa u l-oġġetti ta’ l-għalf bl-ingrossa li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun matul il-ħażna, il-ġarr u l-ippakkjar;

l-oġġetti ta’ l-għalf iddestinati għall-bhejjem li jixtarru jkunu mmanifatturati f’faċilitajiet separati fiżikament minn faċilitajiet fejn jiġu mmanifatturati oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun.

tinżamm għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità kompetenti sa talanqas ħames snin, dokumentazzjoni li turi d-dettalji tax-xiri u l-użi tal-ħut imqadded mitħun u l-bejgħ ta' l-oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun; u

isiru testijiet ta’ rutina fuq l-oġġetti ta’ l-għalf iddestinati għall-bhejjem li jixtarru sabiex jiġi żgurat li ma jkunux preżenti proteini pprojbiti li jinkludu l-ħut imqadded mitħun.

d)

It-tikketta u d-dokument akkompanjanti ta' l-oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun għandhom jindikaw b'mod ċar il-kelmiet ‘fih il-ħut imqadded mitħun (fishmeal) – mhux se jintgħalef lill-bhejjem li jixtarru (ruminants)’.

e)

L-oġġetti ta’ l-għalf bl-ingrossa li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun għandhom jinġarru permezz ta’ vetturi li ma jġorrux fl-istess waqt oġġetti ta’ l-għalf għall-bhejjem li jixtarru. Jekk sussegwentement il-vettura tintuża għat-trasport ta' oġġetti ta' l-għalf maħsuba għall-bhejjem li jixtarru, din għandha titnaddaf sew skond il-proċedura approvata mill-awtorità kompetenti sabiex tiġi evitata l-krosskontaminazzjoni.

f)

L-użu u l-ħażna ta’ oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun għandhom jiġu pprojbiti fil-farms fejn jinżammu l-bhejjem li jixtarru.

B’deroga minn dik il-kundizzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tippermetti l-użu u l-ħażna ta' oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun ġo farms fejn jinżammu l-bhejjem li jixtarru, jekk hi tkun sodisfatta li fil-farms infushom jiġu implimentati miżuri li jżommu milli l-oġġetti ta’ l-għalf li fihom il-ħut imqadded mitħun jintgħalfu lill-bhejjem li jixtarru.

C.

Il-kundizzjonijiet li ġejjin japplikaw għall-użu tad-dicalcium phosphate u t-tricalcium phosphate imsemmija fil-punt A(b)(ii) u l-oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom it-tali proteini fit-tmigħ ta’ annimali mrobbija li ma jixtarrux (mhux applikabbli għat-tmigħ ta' annimali karnivori li jipproduċu l-fer):

a)

L-oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom id-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate għandhom jiġu prodotti fi stabbilimenti li ma jippreparawx oġġetti ta’ l-għalf għall-bhejjem li jixtarru u li jkunu awtorizzati għal dan il-għan mill-awtorità kompetenti.

B’deroga minn dik il-kundizzjoni:

i)

m'għandhiex tintalab awtorizzazzjoni speċifika għall-produzzjoni ta’ oġġetti ta’ l-ikel kompluti prodotti minn oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom id-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate għall-home compounders:

irreġistrati mill-awtorità kompetenti;

li jrabbu biss bhejjem li ma jixtarrux;

li jipproduċu oġġetti ta’ l-għalf kompluti għall-użu biss fl-istess impriża; u

sakemm l-oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom id-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate użati fil-produzzjoni jkun fihom anqas minn 10 % ta’ fosfru totali;

ii)

il-produzzjoni ta' l-oġġetti ta' l-għalf għall-annimali li jixtarru fi stabbilimenti li jipproduċu wkoll oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom id-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate għal speċi oħrajn ta' annimali tista' tiġi awtorizzata mill-awtorità kompetenti soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

l-oġġetti ta’ l-għalf bl-ingrossa u ppakkjati ddestinati għall-bhejjem li jixtarru jiġu mmanifatturati f'faċilitajiet li jkunu separati fiżikament minn dawk fejn jiġu mmanifatturati oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom id-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate;

waqt il-ħażna, il-ġarr u l-ippakkjar, l-oġġetti ta’ l-ikel bl-ingrossa ddestinati għall-bhejjem li jixtarru jkunu jinżammu f’faċilitajiet separati fiżikament minn dawk għad-dicalcium phosphate bl-ingrossa, it-tricalcium phosphate bl-ingrossa u l-oġġetti ta’ l-ikel bl-ingrossa li jkun fihom id-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate;

tinżamm għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità kompetenti sa talanqas ħames snin, dokumentazzjoni li turi d-dettalji tax-xiri u l-użi tad-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate u l-bejgħ ta' l-oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom id-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate.

b)

It-tikketta u d-dokument akkompanjanti ta' l-oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom id-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate għandhom jindikaw b'mod ċar il-kelmiet ‘fih id-dicalcium/tricalcium phosphate li ġej mill-annimali – mhux se jintgħalef lill-bhejjem li jixtarru (ruminants)’.

c)

L-oġġetti ta’ l-għalf bl-ingrossa li jkun fihom id-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate għandhom jinġarru permezz ta’ vetturi li fl-istess waqt ma jkunux qed iġorru oġġetti ta’ l-għalf għall-bhejjem li jixtarru. Jekk sussegwentement il-vettura tintuża għat-trasport ta' oġġetti ta' l-għalf maħsuba għall-bhejjem li jixtarru, din għandha titnaddaf sew skond il-proċedura approvata mill-awtorità kompetenti sabiex tiġi evitata l-krosskontaminazzjoni.

d)

L-użu u l-ħażna ta’ oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom id-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate għandhom jiġu pprojbiti fil-farms fejn jinżammu l-bhejjem li jixtarru.

B’deroga minn dik il-kundizzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tippermetti l-użu u l-ħażna ta' oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom id-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate ġo farms fejn jinżammu l-bhejjem li jixtarru, jekk hi tkun sodisfatta li fil-farms infushom jiġu implimentati miżuri li jżommu milli l-oġġetti ta’ l-għalf li fihom id-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate jintgħalfu lill-bhejjem li jixtarru.

D.

Il-kundizzjonijiet li ġejjin japplikaw għall-użu tal-prodotti mid-demm imsemmija fil-punt A(b)(iii) u d-demm imqadded mitħun imsemmi fil-punt A(c) u l-oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom it-tali proteini, fit-tmigħ ta’ annimali mrobbija li ma jixtarrux u ta’ ħut rispettivament:

a)

Id-demm għandu jkun idderivat minn biċċeriji approvati mill-UE fejn ma jinqatlux bhejjem li jixtarru u li huma rreġistrati bħala biċċeriji fejn ma jinqatlux bhejjem li jixtarru, u għandu jinġarr direttament lejn l-impjant ta’ l-ipproċessar f’vetturi ddedikati esklussivament għat-trasport ta’ demm li mhux ta’ bhejjem li jixtarru. Jekk il-vettura tkun intużat qabel għall-ġarr ta' demm ta’ bhejjem li jixtarru, din, wara li titnaddaf, għandha tiġi spezzjonata mill-awtorità kompetenti qabel it-trasportazzjoni ta’ demm ta’ bhejjem li ma jixtarrux.

B’deroga minn dik il-kundizzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tippermetti l-qatla ta' bhejjem li jixtarru f’biċċerija li tiġbor id-demm ta’ bhejjem li ma jixtarrux maħsub għall-produzzjoni ta’ prodotti mid-demm u demm imqadded mitħun għall-użu fl-għalf għal annimali mrobbija li ma jixtarrux u ħut rispettivament, jekk il-biċċerija jkollha sistema ta’ kontroll rikonoxxuta. Dik is-sistema ta’ kontroll għandha talanqas tinkludi:

li l-qatla tal-bhejjem li ma jixtarrux tinżamm separata fiżikament mill-qatla tal-bhejjem li jixtarru;

li l-faċilitajiet tal-ġbir, il-ħażna, il-ġarr u l-ippakkjar għad-demm li jkun ġej mill-bhejjem li jixtarru jinżammu separati fiżikament minn dawk għad-demm li jkun ġej minn annimali li ma jixtarrux; u

isir teħid ta’ kampjuni u analiżi regolari tad-demm li jkun ġej minn bhejjem li ma jixtarrux sabiex tinstab il-preżenza ta’ proteini minn bhejjem li jixtarru

b)

Il-prodotti mid-demm u d-demm imqadded mitħun għandhom jiġu pprodotti fi stabbiliment li jipproċessa esklussivament id-demm minn bhejjem li ma jixtarrux.

B’deroga minn dik il-kundizjoni, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti li l-produzzjoni tal-prodotti tad-demm u d-demm imqadded mitħun għall-użu fl-għalf għall-annimali mrobbija li ma jixtarrux u ħut rispettivament fi stabbilimenti li jipproċessaw demm ta’ bhejjem li jixtarru, li jkollhom implimentata sistema ta’ kontroll rikonoxxuta li tiskansa l-krosskontaminazzjoni. Dik is-sistema ta’ kontroll għandha talanqas tinkludi:

l-ipproċessar tad-demm ta’ bhejjem li ma jixtarrux f'sistema magħluqa separata fiżikament mill-ipproċessar ta' demm ta’ bhejjem li jixtarru;

iż-żamma waqt il-ħażna, il-ġarr u l-ippakkjar ta’ materja prima bl-ingrossa u prodotti lesti bl-ingrossa li jkunu ġejjin minn bhejjem li jixtarru f'faċilitajiet li jkunu separati fiżikament minn dawk għal materja prima bl-ingrossa u prodotti lesti bl-ingrossa li jkunu ġejjin minn bhejjem li ma jixtarrux; u

isir teħid ta’ kampjuni u analiżi regolari tal-prodotti mid-demm u d-demm imqadded mitħun li jkunu ġejjin minn bhejjem li ma jixtarrux sabiex tinstab il-preżenza ta’ proteini minn bhejjem li jixtarru.

c)

L-oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom il-prodotti mid-demm jew id-demm imqadded mitħun għandhom jiġu prodotti fi stabbilimenti li ma jippreparawx oġġetti ta’ l-għalf għall-bhejjem li jixtarru jew annimali mrobbija rispettivament għajr ħut u li jkunu awtorizzati għal dan il-għan mill-awtorità kompetenti.

B’deroga minn dik il-kundizzjoni:

i)

m'għandhiex tintalab awtorizzazzjoni speċifika għall-produzzjoni ta’ oġġetti ta’ l-għalf kompluti prodotti minn oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom il-prodotti mid-demm jew id-demm imqadded mitħun għall-home compounders:

irreġistrati mill-awtorità kompetenti;

li jżommu biss bhejjem li ma jixtarrux fil-każ li jintużaw prodotti mid-demm, jew ħut biss fil-każ li jintuża demm imqadded mitħun;

li jipproduċu oġġetti ta’ l-għalf kompluti għall-użu biss fl-istess impriża; u

sakemm l-oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom il-prodotti mid-demm jew id-demm imqadded mitħun użati fil-produzzjoni jkun fihom anqas minn 50 % ta’ proteina totali.

ii)

il-produzzjoni ta' l-oġġetti ta' l-għalf għall-annimali li jixtarru fi stabbilimenti li jipproduċu wkoll oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom il-prodotti mid-demm jew id-demm imqadded mitħun għal annimali mrobbija li ma jixtarrux jew ħut rispettivament tista' tiġi awtorizzata mill-awtorità kompetenti soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

l-oġġetti ta’ l-għalf bl-ingrossa jew ippakkjati ddestinati għal bhejjem li jixtarru jew annimali mrobbija għajr il-ħut ikunu mmanifatturati f’faċilitajiet separati fiżikament minn dawk fejn jiġu mmanifatturati oġġetti ta’ l-għalf li jkunu fihom prodotti mid-demm jew demm imqadded mitħun rispettivament;

waqt il-ħażna, il-ġarr u l-ippakkjar, l-oġġetti ta’ l-għalf bl-ingrossa jkunu jinżammu f’faċilitajiet separati fiżikament kif ġej:

a)

l-oġġetti ta’ l-għalf destinati għall-bhejjem li jixtarru jinżammu separati mill-prodotti mid-demm u minn oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom prodotti mid-demm;

b)

l-oġġetti ta’ l-għalf destinati għal annimali mrobbija għajr il-ħut jinżammu separati minn demm imqadded mitħun u oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom id-demm imqadded mitħun.

tinżamm għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità kompetenti sa talanqas ħames snin, dokumentazzjoni li turi d-dettalji tax-xiri u l-użi tal-prodotti mid-demm u d-demm imqadded mitħun u l-bejgħ ta' l-oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom it-tali prodotti.

d)

It-tikketta, id-dokument kummerċjali akkompanjanti jew iċ-ċertifikat sanitarju, skond il-każ, ta' l-oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom il-prodotti mid-demm jew id-demm imqadded mitħun għandhom jindikaw b'mod ċar il-kelmiet ‘fih prodotti mid-demm – mhux se jintgħalef lill-bhejjem li jixtarru (ruminants)’ jew ‘fih demm imqadded mitħun – se jintgħalef biss lill-ħut’, skond il-każ.

e)

L-oġġetti ta’ l-għalf bl-ingrossa li jkun fihom prodotti mid-demm għandhom jinġarru permezz ta' vetturi li fl-istess waqt ma jkunux qed iġorru oġġetti ta' l-għalf għall-bhejjem li jixtarru u l-oġġetti ta' l-għalf bl-ingrossa li jkun fihom id-demm imqadded mitħun permezz ta’ vetturi li fl-istess waqt ma jġorrux oġġetti ta' l-għalf għal annimali mrobbija għajr il-ħut. Jekk sussegwentement il-vettura tintuża għat-trasport ta' oġġetti ta' l-għalf maħsuba għall-bhejjem li jixtarru jew annimali mrobbija għajr il-ħut rispettivament, din għandha titnaddaf sew skond il-proċedura approvata mill-awtorità kompetenti sabiex tiġi evitata l-krosskontaminazzjoni.

f)

L-użu u l-ħażna ta’ l-oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom il-prodotti mid-demm għandhom jiġu pprojbiti f’farms fejn jinżammu l-bhejjem li jixtarru, u dawk ta’ l-oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom id-demm imqadded mitħun għandhom jiġu pprojbiti f’farms fejn jinżammu l-annimali mrobbija għajr il-ħut.

B’deroga, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti l-użu u l-ħażna ta' oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom prodotti mid-demm jew demm imqadded mitħun rispettivament ġo farms fejn jinżammu rispettivament il-bhejjem li jixtarru jew l-annimali mrobbija għajr il-ħut, jekk tkun sodisfatta li jkunu implimentati miżuri fil-farms sabiex jipprevjenu milli l-oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom il-prodotti mid-demm jew id-demm imqadded mitħun rispettivament jintgħalfu lill-bhejjem li jixtarru jew lil speċi ta’ annimali għajr il-ħut rispettivament.

III.   Kundizzjonijiet implimentattivi ġenerali

A.

Dan l-Anness japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonjiet fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

B.

L-Istati Membri għandhom iżommu listi aġġornati ta’:

a)

biċċeriji approvati għal ġbir tad-demm skond il-punt D(a) tal-Parti II;

b)

impjanti ta’ l-ipproċessar approvati li jipproduċu d-dicalcium phosphate, it-tricalcium phosphate, il-prodotti mid-demm jew id-demm imqadded mitħun, u

c)

stabbilimenti, bl-eċċezzjoni tal-home compounders, awtorizzati biex jimmanifatturaw oġġetti ta’ l-għalf li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun u l-proteini msemmija fil-punt (b) li joperaw skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti B(c), C(a) u D(c) tal-Parti II.

C.

a)

Il-proteini ta’ l-annimali pproċessati bl-ingrossa, għajr il-ħut imqadded mitħun, u prodotti bl-ingrossa, inklużi l-oġġetti ta' l-għalf, il-fertilizzanti organiċi u improvers tal-ħamrija, li jkun fihom it-tali proteini, għandhom jinħażnu u jinġarru ġo faċilitajiet speċifiċi għalihom. Il-maħżen jew il-vettura tista’ tintuża għal għanijiet oħra biss, wara li tkun tnaddfet, u wara li tkun ġiet spezzjonata mill-awtorità kompetenti.

b)

Il-ħut imqadded mitħun bl-ingrossa imsemmi fil-punt A(b)(i) tal-Parti II, id-dicalcium phosphate bl-ingrossa u t-tricalcium phosphate bl-ingrossa msemmija fil-punt A(b)(ii) tal-Parti II, il-prodotti mid-demm imsemmija fil-punt A(b)(iii) tal-Parti II u d-demm imqadded mitħun imsemmi fil-punt A(c) tal-Parti II għandhom jinħażnu u jinġarru f’imħażen u vetturi speċifiċi għal dak il-għan.

c)

B’deroga mill-punt (b):

i)

l-imħażen jew il-vetturi jistgħu jintużaw għall-ħażna u l-ġarr ta' oġġetti ta' l-għalf li jkun fihom l-istess proteina;

ii)

l-imħażen jew il-vetturi, wara li jitnaddfu, jistgħu jintużaw għal għanijiet oħra wara li jkunu ġew spezzjonati mill-awtorità kompetenti; u

iii)

l-imħażen u l-vetturi li jġorru l-ħut imqadded mitħun jistgħu jintużaw għal għanijiet oħra jekk il-kumpanija jkollha fis-seħħ sistema ta' kontroll, li tkun rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti, sabiex tiġi pprevenuta l-krosskontaminazzjoni. Is-sistema ta’ kontroll għandha talanqas tinkludi:

rekords dwar il-materjal ittrasportat u t-tindif tal-vettura; u

teħid ta’ kampjuni u analiżi regolari ta' l-oġġetti ta' l-għalf ittrasportati sabiex jinstab jekk ikun hemm il-preżenza tal-ħut imqadded mitħun.

L-awtorità kompetenti għandha twettaq kontrolli frekwenti fuq il-post sabiex tivverifika l-applikazzjoni korretta tas-sistema ta' kontroll imsemmija hawn fuq.

D.

L-oġġetti ta’ l-għalf, inkluż għalf għall-pets, li jinkludu l-prodotti mid-demm li jkunu ġejjin mill-bhejjem li jixtarru jew il-proteini ta’ l-annimali pproċessati, għajr il-ħut imqadded mitħun, m'għandhomx jiġu mmanifatturati fi stabbilimenti li jipproduċu oġġetti ta' l-għalf għall-annimali mrobbija, għajr l-oġġetti ta' l-għalf għall-annimali karnivori li jipproduċu l-fer.

L-oġġetti ta’ l-għalf bl-ingrossa, inkluż għalf għall-pets, li jinkludu l-prodotti mid-demm li jkunu ġejjin mill-bhejjem li jixtarru jew il-proteini ta’ l-annimali pproċessati, għajr il-ħut imqadded mitħun, meta jinħażnu, jinġarru jew jiġu ppakkjati, għandhom jinżammu ġo faċilitajiet li jkunu separati fiżikament minn faċilitajiet li jipproduċu oġġetti ta' l-għalf bl-ingrossa għall-annimali mrobbija, għajr l-oġġetti ta' l-għalf għall-annimali karnivori li jipproduċu l-fer.

Għalf għall-pets u l-oġġetti ta’ l-għalf maħsuba għall-annimali karnivori li jipproduċu l-fer li jkun fihom id-dicalcium phosphate jew it-tricalcium phosphate msemmi fil-punt A(b)(ii) tal-Parti II, u l-prodotti mid-demm imsemmija fil-punt A(b)(iii) tal-Parti II għandhom jinħadmu u jinġarru skond il-punti C(a) u (c) u l-punti D(c) u (e), rispettivament tal-Parti II.

E.

1.

L-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ta’ proteini ta’ l-annimali pproċessati dderivati mill-bhejjem li jixtarru, u ta’ prodotti li fihom it-tali proteini ta’ l-annimali pproċessati, għandha tkun ipprojbita.

2.

L-esportazzjoni ta’ proteini ta’ l-annimali pproċessati dderivati minn annimali li ma jixtarrux u ta’ prodotti li jkun fihom it-tali proteini għandha tkun permessa biss mill-awtorità kompetenti soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

ikunu ddestinati għal użi mhux ipprojbiti mill-Artikolu 7;

qabel l-esportazzjoni, ikun sar ftehim bil-miktub mal-pajjiż terz li jkun jinkludi impenn min-naħa tal-pajjiż terz li jirrispetta l-użu finali u li ma jesportax mill-ġdid il-proteini ta' l-annimali pproċessati jew il-prodotti li jkun fihom it-tali proteini għal użi pprojbiti mill-Artikolu 7.

3.

L-Istati Membri li jippermettu l-esportazzjoni skond il-punt 2 għandhom, għall-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament, jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar it-termini u l-kundizzjonijiet kollha kif maqbula mal-pajjiż terz inkwistjoni, fil-kuntest tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali.

Il-punti 2 u 3 ma japplikawx għal:

l-esportazzjoni tal-ħut imqadded mitħun, sakemm dan jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt B tal-Parti II;

il-prodotti li jkun fihom il-ħut imqadded mitħun;

għalf għall-pets.

F.

L-awtorità kompetenti għandha twettaq kontrolli dokumentarji u fiżiċi, inklużi testijiet fuq l-oġġetti ta' l-għalf, mal-katina tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni kollha skond id-Direttiva 95/53/KE sabiex tikkontrolla l-konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha u mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Fejn tinstab kwalunkwe preżenza ta’ xi proteina ta’ l-annimali pprojbita, tapplika d-Direttiva 95/53/KE. L-awtorità kompetenti għandha tivverifika fuq bażi regolari l-kompetenza tal-laboratorji li jwettqu l-analiżijiet għat-tali kontrolli uffiċjali, b’mod partikolari billi tevalwa r-riżultati tar-ring trials. Jekk il-kompetenza titqies li mhix waħda sodisfaċenti, bħala miżura korrettiva minima, għandu jsir it-taħriġ mill-ġdid ta’ l-istaff tal-laboratorju.”