16.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

249


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1175/2005

tat-18 ta' Lulju 2005

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor definittivament dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni tal-karbonju tal-barju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta preżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat ta' Konsulenza,

Billi:

A.   MIŻURI PROVVIŻORJI

(1)

Fit-29 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 145/2005 tat-28 ta’ Jannar 2005 (2) (“ir-Regolament proviżorju”), imponiet dazji anti-dumping provviżorji għal importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju fil-Komunità, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“min hawn 'il quddiem 'il-PRC”).

B.   IL-PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(2)

Sussegwentement għar-rivelazzjoni tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali, abbażi ta' liema kien deċiż li jkunu imposti l-imsemmija miżuri anti-dumping provviżorji, għadd ta’ partijiet interessati preżentaw sottomissjonijiet bil-miktub bil-fehmiet tagħhom fuq is-sejbiet provviżorji. Ebda parti ma talbet li tkun mismugħa.

(3)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għas-sejbiet definittivi. Visti ta’ verifika saru fil-postijiet tal-kumpanniji li ġejjin:

(a)

Importatur mhux relatat:

Castle Colours Ltd., UK;

(b)

Utenti mill-Komunità:

Terreal S.A., France,

Torrecid S.A., Spain.

(4)

Il-partijiet kienu informati bil-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali, fuq il-bażi li fuqha kien intenzjonat li tkun rakkomandata l-impożizzjoni tad-dazji definittivi anti-dumping fuq importazzjonijiet tal-korbonat tal-barju li joriġina mill-PRC u ġbir definittiv ta’ l-ammonti li ġew żgurati permezz tad-dazju proviżorju. Il-partijiet ġew mogħtija wkoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet, wara r-rivelazzjoni tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali.

(5)

Il-kummenti orali u miktuba preżentati lill-partijiet interessati kienu kkunsidrati u, fejn adatt, is-sejbiet kienu modifikati skond dawn.

C.   PRODOTT KONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(6)

Minħabba li ebda kummenti ġodda ma waslu rigward il-prodott konċernat u l-prodott simili, is-sejbiet fil-premessi (11) u (12) tar-Regolament proviżorju huma konfermati hawnhekk.

D.   DUMPING

1.   Trattament lill-Ekonomija tas-Suq (“MET”)

(7)

Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti, il-kontenut tal-premessi (13) sa (23) tar-Regolament provviżorju li jirrigwardaw l-MET huma hawnhekk ikkonfermati.

2.   Trattament individwali (“IT”)

(8)

Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti, il-kontenut tal-premessi (24) sa (29) tar-Regolament provviżorju li jirrigwardaw it-trattament individwali huma hawnhekk konfermati.

3.   Valur normali

(a)   Id-determinazzjoni tal-valur normali għal produtturi li qed jikkooperaw mogħtija l-MET.

(9)

Għal produttur esportatur wieħed, fl-iddeterminar ta’ jekk il-bejgħ domestiku kienx fil-kors ordinarju tal-kummerċ u wkoll meta jinbena valur normali għal ċerti tipi ta’ prodotti kkonċernati, spejjeż inkorretti ta’ ffinanzjar kienu użati fl-ikkalkular tal-marġini proviżorji tal-bejgħ taħt il-prezz. Għalhekk, għall-kalkolazzjoni tal-marġini definittiv tal-bejgħ taħt il-prezz, saru l-korrezzjonijiet neċessarji.

(10)

Għall-produtturi esportaturi l-valur tal-bejgħ ta’ l-iskart kien proviżjonalment imnaqqas mill-ispiża tal-produzzjoni. Madankollu, wara li ġiet eżaminata l-informazzjoni adatta, ma kienx hemm ċertezza jekk l-ammont setax jiġi kkunsidrat bħala skart li jista' jitnaqqas. F’dan ir-rigward, u fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli, deher li l-“iskart” fil-fatt kellu valuri kummerċjali sinifikanti separat. Barra minn hekk, minħabba li ma nżammux inventarji, ma kienx possibbli li jiġi kkwantifikat sewwa l-ammont li qed jiġi kkunsidrat. Finalment, anke fl-eventwalità li dan l-ammont ikollu jiġi mnaqqas, il-kumpannija tattribwixxi l-ammont sħiħ għall-prodott ikkonċernat billi dan jaffettwa wkoll prodotti oħra li din il-kumpannija tipproduċi. Għalhekk, fl-istadju definittiv it-tnaqqis kien imraġġa’ lura. Għall-istess produttur esportatur il-valur tal-prodotti sekondarji kien aġġustat.

(11)

Il-produttur esportatur ikkonċernat ikkuntesta l-metodu segwit u argumenta li l-iskart fil-forma ta’ metall imdewweb (slag) u ġir jintrema permezz ta' sinerġiji ma’ impjant qrib b'mod li jnaqqas l-ispejjeż totali. Ta’ min jieħu nota li dan il-produttur qal ukoll fil-kwestjonarju li dan il-bejgħ għandu jkun ikkunsidrat bħala bejgħ ta' “prodott sekondarju”. Rigward dan, ta' min itenni li l-kwantità tal-prodott in kwestjoni mibjugħa ma setgħetx tkun stabbilita waqt l-investigazzjoni. Aktar minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-bejgħ lill-fabbrika fil-qrib kien biss tal-prodott sekondarju H2S. Rigward dan, kien ikkunsidrat li kienet preżentata informazzjoni kontradittorja li ma setgħetx tiġi kkjarifikata wara rivelazzjoni definittiva. Punt ieħor huwa, li dan il-produttur qal li l-valur tal-prodott sekondarju H2S li tnaqqas mill-ispiża tal-produzzjoni kellu jkun ogħla. Madankollu, l-evidenza li nġabret waqt l-investigazzjoni wriet li din l-istqarrija kienet esaġerata u għandha tiġi rrifjutata.

(12)

Barra l-aġġustamenti li saru, kif stabbilit fil-premessi (9) u (10) ta' dan ir-Regolament, u fl-assenza ta’ aktar kummenti, il-kontenut fi premessi (43) u (59) tar-Regolament provviżorju rigward valuri normali huma hawnhekk ikkonfermati.

(b)   Id-determinazzjoni tal-valur normali għal produtturi li qed jikkooperaw li ma ġewx mogħtija l-MET.

(13)

Ogranizzazzjoni ta’ l-utenti oġġezzjonat li l-Istati Uniti ta' l-Amerka (“l-Amerka”) tintuża bħala pajjiż analogu fit-tifsira tal-premessa (12) tar-Regolament provviżorju. Din il-parti interessata ma ssostansjatx l-istqarrija tagħha u lanqas ipprovdiet evidenza, imma irreferiet b’mod ġenerali għal allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ kompetittività fis-suq Amerikan, minħabba l-miżuri anti-dumping li hemm fis-seħħ hemmhekk. Madankollu, ta’ min jinnota li l-livell ta’ kompetittività fis-suq domestiku ta’ l-Amerka kien investigat għad-determinazzjoni proviżorja. Kif imsemmi fil-premessa (37) tar-Regolament proviżorju, instab li fil-fatt kien hemm livell ġust ta’ kompetizzjoni fis-suq domestiku Amerikan.

(14)

Importatur indipendenti wieħed oġġezzjona għall-użu ta’ l-Amerka bħala pajjiż analogu minħabba li l-produttur fl-Amerka, li d-data tiegħu kienet użata għad-determinazzjoni tal-valur normali, kellu konnessjoni ma’ produttur tal-Komunità. Ta’ min jinnota li waqt il-perjodu ta’ l-investigazzjoni (“IP”), ma kienet teżisti ebda tali relazzjoni. Aktar minn hekk, dan l-importatur ma preżenta ebda informazzjoni jew evidenza li r-relazzjoni li bdiet biss wara l-IP kellha influwenza fuq l-ispejjeż domestiċi u l-prezzijiet fl-Amerka matul l-IP. L-argument ta’ l-importatur indipendenti kellu għalhekk jiġi rrifjutat.

(15)

Minħabba r-raġunijiet t’hawn fuq, l-għażla ta’ l-Amerka bħala pajjiż analogu hi b’dan ikkonfermata.

4.   Prezz ta’ l-esportazzjoni

(16)

Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti, il-kontenut tal-premessa (60) tar-Regolament proviżorju dwar id-determinar tal-prezz ta' l-esportazzjoni huwa hawnhekk konfermat.

5.   Tqabbil

(17)

Il-produtturi esportaturi nnutaw li għall-kalkolazzjoni tal-marġini proviżorju tad-dumping, il-ġarr bil-baħar u l-ispejjeż ta’ l-assigurazzjoni kienu mnaqqsa b’mod ħażin mit-tranżazzjonijiet tal-bejgħ ta’ l-oġġetti esportati magħmula fuq bażi ta' merkanzija abbord (FOB) jew prezz u merkanzija (CFR), filwaqt illi l-prezz tal-bejgħ ta’ dawn it-tranżazzjonijiet ma inkludiex spejjeż simili. It-tranżazzjonijiet tal-bejgħ ta’ l-oġġetti esportati ġew irranġati kif suppost.

(18)

Barra minn hekk, instab li wieħed mill-produtturi esportaturi ma rrappurtax kummissjoni mħallsa lin-negozjanti għal bejgħ bl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità. Il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kienu għalhekk aġġustati kif suppost.

(19)

Barra l-aġġustamenti magħmula fil-premessi, (9), (10) u (18) ta' dan ir-Regolament, u minħabba li m’hemmx aktar kummenti, il-kontenut tal-premessi (61) u (66) tar-Regolament provviżorju f’relazzjoni mal-paragun tal-valuri normali u prezzijiet ta’ l-esportazzjoni huma hawnhekk konfermati.

6.   Marġini ta’ dumping

(20)

Fid-dawl tal-korrezzjonijiet t’hawn fuq, il-marġini tad-dumping finalment determinat, muri bhala persentaġġ tal-prezz tal-fruntiera tal-Komunità CIF, dazju mhux imħallas, huwa:

Hubei Jingshan Chutian Barium Salt Corp. Ltd

3,4  %

Zaozhuang Yongli Chemical Co.

4,6  %

Il-Kumpanniji l-oħra kollha

31,7  %

E.   DANNU

1.   Industrija tal-Komunità u Konsum tal-Komunità

(21)

Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti f’dan il-qasam partikolari, il-kontenut tal-premessi (72) sa (74) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk konfermati.

2.   Importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat

(22)

Wara r-rivelazzjoni proviżorja, produttur esportatur li kkoopera, tenna l-istqarrija tiegħu li l-prezzijiet ogħla mitluba mill-industrija tal-Komunità huma minħabba li l-prodotti tagħha huma aktar reattivi. Din it-talba għal aġġustament fil-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità fir-rigward ta’ differenzi fir-reattività ġiet rifjutata fl-istadju proviżorju, kif indikat fil-premessa (80) tar-Regolament proviżorju.

(23)

Għalkemm l-istqarrija ma kinitx issostanzjata biżżejjed bis-sottomissjoni ta’ informazzjoni ġdida, il-kwistjoni kienet eżaminata aktar fil-fond, minħabba li l-produttur esportatur stqarr li d-differenzi fir-reattività, allegatament huma karatteristika preżenti fil-kategoriji kollha tal-karbonat tal-barju, ma kellhomx jiġu assessjati biss fir-rigward ta’ l-aktar kategoriji reattivi mibjugħa mill-industrija tal-Komunità, kif ġara fl-istadju proviżorju.

(24)

Minħabba li r-reattività hi proprjetà tal-karbonat tal-barju li mhix murija bħala tali fil-karti ta’ speċifikazzjoni tal-produzzjoni tal-produtturi, imma tista’ tintlaħaq fuq il-bażi ta’ daqs tal-partikula u d-densità tal-prodott ikkonċernat, hi prattika normali fl-oqsma differenti tas-setturi ta' l-utenti finali li jagħmlu testijiet ta’ kontroll meta jitwasslilhom il-prodott sabiex jivverifikaw il-proprjetajiet tiegħu. Il-fatt li utenti final f’settur bħalma hija l-industrija tal-briks u l-madum, fejn ir-reattività hi kruċjali, iżidu l-kwantità tal-karbonat tal-barju li normalment ikollhom bżonn għal proċess tagħhom tal-produzzjoni meta jkunu qed jużaw il-prodott impurtat mill-PRC, meta mqabbel ma’ dak li jiġi mill-industrija tal-Komunità jindika li l-utenti finali jattribwixxu relattività ogħla lill-karbonat tal-barju prodott mill-industrija tal-Komunità. Barra minn hekk, aktar analiżi tal-prodotti mibjugħa fis-suq tal-Komunità wrew, b’żieda mal-kategoriji l-aktar reattivi li jirrappreżentaw anqas minn 5 % tal-bejgħ tiegħu fil-KE, kif imsemmi fil-premessi (80) tar-Regolament proviżorju, l-industrija tal-Komunità fil-fatt biegħet kategoriji addizzjonali b’reattività konsiderevolment għolja, li jirrapreżentaw madwar 20 % aktar tal-bejgħ totali tiegħu fil-Komunità. Il-bilanċ tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità jingħata kont tagħhom bil-bejgħ ta’ kategoriji aktar baxxi ta’ reattività. Ġie għalhekk konkluż li, f’dawn iċ-ċirkostanzi u bil-maqlub tal-kontentut ta' premessa (80) tar-Regolament proviżorju, aġġustament għad-differenzi fir-reattività kien ġustifikat.

(25)

Għall-iskop ta’ analiżi ta’ prezzijiet aktar baxxi minn dawk tas-suq, il-prezz tal-bejgħ tal-kategoriji tal-karbonat tal-barju ta’ l-industriji tal-Komunità b’reattività għolja kien imnaqqas b’14 %. Dan l-aġġustament kien ibbażat fuq id-differenza fil-prezz bejn kategoriji ta’ reattivà ogħla u aktar baxxa mibjugħa mill-industrija tal-Komunità. Il-paragun wera li matul l-IP il-prodott ikkonċernat li joriġina mill-PRC kien mibjugħ fil-Komunità bi prezzijiet li waqqgħu dawk ta’ l-industrija tal-Komunità b’20 % sa 26 % meta murija f’persentaġġi ta’ dan ta’ l-aħħar.

(26)

Apparti l-aġġustamenti li saru kif stipulat fil-premessa (25) ta' dan ir-Regolament, u minħabba li ma kienx hemm aktar kummenti, il-kontenut tal-premessi (75) u (81) tar-Regolament proviżorju rigward importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat huma kkonfermati.

3.   Is-Sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità u l-Konklużjoni dwar id-Dannu

(27)

Sottomissjoni ta’ esportatur li kkoopera dwar l-indikaturi ekonomiċi analizzati fil-premessi (84) u (94) tar-Regolament proviżorju ma kenitx turi dannu materjali. Madankollu, ebda element ġdid sostanzjali jew evidenza ma kienet preżentata li tqajjem il-ħtieġa ta' riassessjar ta’ tali indikaturi u, konsegwentement, bidla fil-konklużjoni milħuqa fl-istadju proviżorju.

(28)

Din l-istqarrija kienet imtennija wara rivelazzjoni definittiva, speċjalment rigward l-evoluzzjoni tal-produzzjoni, utilizzazzjoni tal-kapaċità, sehem tas-suq, stokks u xogħol. Kif diġà ġie mfiehem fi premessi (84) sa (88) tar-Regolament proviżorju, dawn l-indikaturi wrew biċ-ċar evoluzzjoni negattiva, li kkontribwiet sabiex is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità tmur għall-agħar. Għalhekk, it-talba ġiet irrifjutata.

(29)

Għalhekk, il-kontenut tal-premessi (82) sa (97) tar-Regolament proviżorju rigward is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità u l-konklużjoni dwar id-dannu huwa hawnhekk konfermat.

F.   KAŻWALITÀ

1.   Effett ta’ l-importazzjonijiet iddumpjati

(30)

Minħabba li ma kien hemm ebda informazzjoni jew argument sostanzjali ġdid, il-kontenut tal-premessa (100) tar-Regolament proviżorju huwa hawnhekk konfermat.

2.   L-effett ta’ fatturi oħra

(31)

Esportatur li qed jikkoopera tenna li d-dannu seta' ġie kkawżat mill-importazzjoni minn pajjiżi terzi oħra li żdiedu b’mod sinifikanti qabel l-IP, inkluż importazzjonijiet mill-Indja u l-Brażil, b’mod partikolari. Rigward l-Indja, ma tistax tkun meqjusa sors relevanti ta’ forniment matul il-perjodu ta’ analiżi 2000-2003, minħabba l-kwantitajiet negliġibbli impurtati. Fil-fatt, is-sehem tas-suq ta’ l-importazzjoni mill-Indja kien anqas minn 1 % fl-IP u qabel kien prattikament ineżistenti. Rigward il-Brażil, l-importazzjonijiet kienu limitati kemm meta mqabbla ma’ l-importazzjonijiet mill-PRC kif ukoll l-importazzjonijiet matul il-perjodu sħiħ ikkunsidrat. Għalhekk, il-konklużjoni hi li dawn l-importazzjonijiet ma kisrux il-katina każwali kif stabbilita fil-premessa (103) tar-Regolament proviżorju.

(32)

Esportatur wieħed u numru ta’ importaturi u utenti stqarru li l-industrija tal-Komunità gawdiet pożizzjoni dominanti fis-suq tal-Komunità tal-karbonat tal-barju u dan il-fattur ippermetta lill-industrija żżid il-prezzijiet tagħha fil-Komunità. L-esportatur enfasizza l-fatt li l-grupp, li jappartjeni għalih l-uniku produttur tal-Komunità, fil-passat kien investigat dwar abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.

(33)

L-ewwel nett, ta’ min jinnota li matul il-perjodu 2000-2003, is-sehem mis-suq ta' l-industrija tal-Komunità kien, bħala medja, madwar 10 punti perċentwali ogħla minn dak tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, filwaqt li matul il-perjodu ta’ l-IP kien komparabbli ma’ dak ta‘ l-importazzjoni mill-PRC. Wieħed għalhekk ma jistax jikkonkludi li l-industrija tal-Komunità gawdiet pożizzjoni dominanti matul il-perjodu kkunsidrat, minħabba t-tnaqqis tas-sehem tagħha tas-suq mqabbla ma' l-importazzjonijiet mill-PRC u s-sehem ugwali mis-suq ta' l-importazzjonijiet mill-PRC fl-IP. F’kwalunkwe każ, ebda evidenza ma ġiet provduta minn xi parti interessata sabiex tissostanzja possibbiltà ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti ta’ l-industrija tal-Komunità rigward il-prodott simili. Anke f’każijiet fejn il-kumpannija hi l-produttur waħdieni f’suq, dan il-fatt ma jistax jitqies bħala indikazzjoni li t-tali produttur abbuża l-pożizzjoni tiegħu fis-suq billi artifiċjalment żied il-prezzijiet fit-tali suq. Aktar minn hekk, li kieku l-industrija tal-Komunità verament gawdiet pożizzjoni dominanti, aħseb u ara abbużat minnha, ikun diffiċli tifhem kif il-prezzijiet ta’ l-Industrija tal-Komunità waqgħu biss b’7 % kif indikat fil-premessa (86) tar-Regolament proviżorju, filwaqt li l-esportaturi Ċiniżi żiedu s-sehem tagħhom mis-suq b’mod tant sostanzjali. Aktar minn hekk, wieħed ma jistax jisħaq li l-produttur tal-Komunità abbuża possibbilment pożizzjoni dominanti biss fuq il-bażi ta’ l-eżistenza ta’ investigazzjoni li ma tkoprix il-prodott simili, jew investigazzjonijiet fil-passat fir-rigward ta' xi kumpanniji tal-grupp li tappartjeni fih. Għalhekk, it-talba ġiet irrifjutata.

(34)

Rigward l-informazzjoni li kien hemm fil-premessi (110) u (111) tar-Regolament proviżorju, għadd ta’ utenti u importaturi stqarru li l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi jippenalizzaw il-fabbrikanti tal-briks u l-madum, li jippreferu jużaw karbonat tal-barju sostnut bl-ilma magħmul mill-karbonat tal-barju impurtat mill-PRC, milli jużaw il-karbonat tal-barju f'forma ta' trab fornut mill-industrija tal-Komunità. Dawn il-partijiet allegaw li l-industrija tal-Komunità ma tbigħx karbonat tal-barju sostnut bl-ilma u rrifjutaw ifornu t-trab tal-karbonat tal-barju lill-importaturi li jipproduċu l-karbonat tal-barju sostnut bl-ilma. Kuntrarju għal din l-istqarrija, ġie kkonfermat li l-industrija tal-Komunità tforni l-karbonat tal-barju għall-anqas lil importatur wieħed li minnu jipproduċi l-karbonat tal-barju sostnut bl-ilma. Għalhekk, fil-fatt hemm sors alternattiv ta' forniment tal-karbonat tal-barju sostnut bl-ilma prodott mill-karbonat tal-barju ta' l-industrija tal-Komunità. Aktar minn hekk, kif dikjarat fil-premessa (43) ta' dan ir-Regolament, l-għan ta' l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping m’humiex qegħdin biex iwaqqfu l-aċċess fis-suq tal-Komunità għal prodotti mill-PRC, imma biex jirrestawraw il-kompetizzjoni ġusta u biex iżommu sorsi alternattivi ta' forniment fil-Komunità.

(35)

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq u minħabba li m’hemmx aktar evidenza ta' appoġġ provduta mill-utenti u mill-importaturi biex tissostanzja l-preferenza tagħhom għall-karbonat tal-barju sostnut bl-ilma jew għall-karbonat tal-barju impurtat mill-PRC għall-prodott kompetittiv offrut mill-industrija tal-Komunità, it-talba hi rrifjutata.

3.   Konklużjoni dwar il-kwistjoni

(36)

Fuq il-bażi tal-konsiderazzjoni t’hawn fuq u elementi oħra li hemm fil-premessi (98) sa (111) tar-Regolament proviżorju, ġie konkluż li l-importazzjonijiet mill-PRC ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Komunità skond l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

G.   L-INTERESS TAL-KOMUNITÀ

(37)

Żewġ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-utenti finali, xi importaturi u l-utenti finali tennew it-tħassib prinċipali tagħhom li l-impożizzjoni ta' tali miżuri tnaqqas il-kompetizzjoni ġenerali fis-suq tal-Komunità għal dan il-prodott partikolari u għalhekk twassal inevitabbilment għal żieda fil-prezzijiet li tnaqqas il-livell tal-kompetittività tagħhom. Dawn il-partijiet ma pprovdew ebda evidenza addizzjonali sabiex jissostanzjaw l-istqarrijiet tagħhom.

(38)

Barra minn hekk, għoxrin utent li ma kinux għamlu lilhom infushom magħrufa lill-Kummissjoni qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, għamlu petizzjoni kontra l-impożizzjoni tad-dazji definittivi kontra d-dumping. Dawn il-partijiet ingħataw l-opportunità biex jissostanzjaw l-istqarrijiet tagħhom, imma fallew milli jagħmlu dan. Minkejja dan, l-argumenti tagħhom kienu eżaminati aktar permezz ta' verifika tad-data li kienet diġà preżentata qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji minn wieħed mill-importaturi li kkooperaw u żewġ utenti li kkooperaw.

(39)

Fil-fatt, wara visti ta’ verifika addizzjonali lill-kumpanniji li joperaw fl-industrija taċ-ċeramika (frits) u oħra li topera fl-industrija tal-briks u l-madum (żewġ kumpanniji li flimkien jirrapreżentaw 20 % ta’ l-importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju mill-PRC kif irrappurtat mill-utenti li qed jikkooperaw), kien ikkonfermat, kif imsemmi fil-premessa (127) tar-Regolament proviżorju, li s-sehem tal-karbonat tal-barju fl-ispiża totali tal-produzzjoni ta’ l-utenti hi, bħala medja, taħt it-8 %.

(40)

L-istess bħas-sejbiet fil-premessa (128) tar-Regolament proviżorju, ġie għalhekk konkluż li, minħabba l-livell tal-miżuri, u l-eżistenza tas-sorsi alternattivi ta' forniment mill-esportaturi li m’humiex soġġetti għad-dazji, l-impatt ta’ kull żieda fil-prezz tal-prodott simili għall-utenti jidher li hu minimu.

(41)

B’żieda mar-rivelazzjoni definittiva, żewġ assoċjazzjonijiet ta' utenti u waħda ta' produttur esportatur stqarret li l-impatt possibbli tal-miżuri definittivi fuq l-utenti jkun ogħla minn dak imsemmi fil-premessi (39) sa (40) ta' dan ir-Regolament. Rigward dan, ta’ min jinnota li s-sejbiet hawnekk huma bbażati fuq data vverifikata ta’ l-utenti li qed jikkooperaw. L-istqarrijiet imsemmija irreferew għal informazzjoni dwar kumpanniji li ma kkooperawx fl-investigazzjoni u li ma setgħetx tkun verifikata. L-istqarrija kienet għalhekk irrifjutata.

(42)

Il-produttur esportatur imsemmi hawn fuq saħaq li numru limitat ta’ utenti biss, mhux rappreżentant tas-suq sħiħ, servew bħala bażi għas-sejbiet. Rigward dan, ta’ min jinnota li l-utenti vverifikati kemm fl-istadju proviżorju kif ukoll dak definittiv irrappreżentaw aktar minn 90 % ta’ l-importazzjoni tal-karbonat tal-barju mill-PRC magħmula mill-utenti li kkooperaw matul il-perjodu ta’ l-IP. Għalhekk, il-validità tas-sejbiet hi kkunsidrata adatta u t-talba hi rrifjutata.

(43)

Ta’ min ifakkar aktar minn hekk li l-iskop ta' kull miżura anti-dumping m'għandhiex l-iskop li twaqqaf l-aċċess fis-suq tal-Komunità l-prodotti mill-PRC, imma biex toħloq mill-ġdid suq ġust li kien ġie mxekkel minn prattiċi inġusti ta' kummerċ. Għalhekk, il-miżuri jagħmluha possibbli li titkompla l-attività tal-produttur waħdieni tal-Komunità, u jippromwovu l-kompetizzjoni ġenerali fis-suq tal-Komunità.

(44)

Minħabba li ma kien hemm ebda informazzjoni jew argument fundamentali ġodda f'dan ir-rigward partikolari, il-kontenut tal-premessi (114) sa (132) tar-Regolament proviżorju huwa hawnhekk konfermat.

H.   LIVELL TA’ L-ELIMINAZZJONI TAD-DANNU

(45)

B’żieda mar-rivelazzjoni tas-sejbiet proviżorji, esportatur qal li l-livell ta’ profitt ta' 7.2 % meqjus li jirrappreżenta l-profitt li seta' sar mill-industrija tal-Komunità fl-assenza ta' dumping li ħoloq dannu mill-PRC, mhux realistiku, minħabba, l-pożizzjoni dominanti allegata tal-produttur waħdieni tal-Komunità, il-profitabbiltà tiegħu fil-passat kienet għolja b'mod artifiċjali.

(46)

Kif diġà msemmi fil-premessa (33) ta' dan ir-Regolament, il-fatt li, matul ċertu perjodu ta’ żmien, hemm biss produttur wieħed tal-Komunità, ma jimplikax li dan il-produttur kellu pożizzjoni dominanti fis-suq u li abbuża mis-sitwazzjoni, per eżempju, billi għamel użu mill-pożizzjoni tiegħu sabiex jikseb marġini anormali għoli ta’ profitt mill-attività tiegħu. Kif spjegat fil-premessa (135) tar-Regolament proviżorju, il-marġini ta' profitt ta' 7.2 % kien ikkalkolat bħala l-marġini ta' profitt medju mmoderat tal-prodott simili matul is-snin 1996 sa 1998. Ġie kkunsidrat ukoll li l-livelli ta' profitt ta' l-industrija tal-Komunità meta ma kinitx qed tbati minn dannu ta’ dumping, i.e. qabel il-perjodu ta' analiżi għall-assessjar tad-dannu. Minħabba li l-esportatur in kwestjoni ma pprovdiex evidenza li turi li l-profitt imsemmi hawn fuq għandu jiġi kkunsidrat bħala għoli b'mod anormali, it-talba ġiet irrifjutata u l-kontenut tal-premessa (135) rigward il-kalkolu tal-marġini tad-dannu huwa hawnhekk konfermat.

I.   MIŻURI DEFINITTIVI

(47)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa rigward dumping, dannu, ikkawżar u interess tal-Komunità, u skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dazji definitivi anti-dumping għandhom jiġu imponuti fuq importazzjonijiet li joriġinaw mill-PRC fil-livell tal-marġini aktar baxxi ta’ dumping u dannu, skond ir-regola ta' anqas dazju. F’dan il-każ, ir-rati individwali tad-dazju, kif ukoll id-dazju madwar il-pajjiż, għandhom jiġu ffissati fil-livell tal-marġini misjuba tad-dumping.

Fuq il-bażi ta’ dan t’hawn fuq, id-dazji definittivi huma kif ġej:

Hubei Jingshan Chutian Barium Salt Corp. Ltd

3,4  %

Zaozhuang Yongli Chemical Co.

4,6  %

L-oħrajn kollha

31,7  %

(48)

Rigward il-forma tal-miżuri, ma waslu ebda kummenti u għalhekk l-impożizzjoni tad-dazju fil-forma ta' ammont speċifiku għal kull tunnellata, kif hemm fi premessa (138) tar-Regolament proviżorju, huwa kkonfermat.

J.   IMPENJI

(49)

Wara r-rivelazzjoni tas-sejbiet definittivi, żewġ produtturi esportaturi wrew interess li joffru impenn fil-prezzijiet. Madankollu, għal wieħed li ma kienx mogħti la l-MET u lanqas l-IT, hija prattika tal-Komunità li ma taċċetax impenji f’każ simili, minħabba li ebda determinazzjoni individwali ma tista’ tkun stabbilita. Fuq din il-bażi, l-offerta ma setgħetx tiġi meħuda in konsiderazzjoni. Il-produttur esportatur l-ieħor li rċieva trattament ta' l-ekonomija tas-suq, irtira l-offerta tiegħu sussegwentement.

K.   ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVIŻORJU

(50)

Fid-dawl tal-kobor tal-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz misjub għall-produtturi esportaturi fil-PRC u minħabba l-livell ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Komunità, huwa meqjus neċessarju li l-ammonti żgurati permezz tad-dazju proviżorju kontra d-dumping impost mir-Regolament proviżorju għandu jkun miġbur definittivament sa l-ammont tad-dazji definittivi imposti. Minħabba li d-dazji definittivi huma aktar baxxi mid-dazji proviżorji, ammonti proviżorji żgurati b’aktar mir-rata definittiva tad-dazji kontra d-dumping għandhom jinħelsu.

(51)

Ir-rati tad-dazji kontra d-dumping tal-kumpannija individwali speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ l-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, huma jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba matul l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji. Dawn ir-rati tad-dazju (kontra d-dazju applikabbli madwar il-pajjiż lill-“oħrajn kollha” huma għalhekk esklussivament applikabbli għall-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u prodotti mill-kumpanniji u għalhekk mill-entitajiet speċifiċi legali msemmija. Prodotti importati magħmula minn kull kumpannija oħra li mhux imsemmija speċifikament fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament b’isimha u l-indirizz, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rati ta’ dazju applikabbli għall-“oħrajn kollha”.

(52)

Kull talba għall-applikazzjoni ta’ rati ta’ dazju anti-dumping bħal ta’ dawn il-kumpanniji individwali (eż. wara bidla fl-isem ta’ l-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ta’ produzzjoni jew bejgħ ġodda) għandhom ikunu indirizzati lill-Kummissjoni flimkien ma’ l-informazzjoni kollha relevanti, b’mod partikolari, kull modifika għall-attivitajiet tal-kumpannija assoċjata mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u bejgħ bl-esportazzjoni assoċjat ma’ pereżempju dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u bejgħ. Jekk adatt, ir-Regolament jiġi emendat kif xieraq billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali.

(53)

Il-“prodott ikkonċernat” huwa funġibbli, kif ġie spjegat hawn fuq, u m’għandux isem tad-ditta. Id-differenza bejn ir-rati ta' dazji individwali hi sinifikanti u hemm numru ta' produtturi esportaturi. Dawn l-elementi kollha jistgħu jiffaċilitaw tentattivi sabiex l-esportazzjoni terġa’ tgħaddi mingħand l-esportaturi tradizzjonali li jibbenefikaw mir-rati ta' dazji l-aktar baxxi.

(54)

Konsegwentement, jekk l-esportazzjonijiet ta’ waħda mill-kumpanniji li qed jibbenefikaw mir-rati ta' dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’aktar minn 30 % fil-volum, il-miżuri individwali kkonċernati jistgħu jiġu kkunsidrati li huma x’aktarx insuffiċjenti biex ippattu għad-dannu li jagħmel id-dumping. Konsegwentemnt, u sakemm l-elementi meħtieġa jintlaħqu, tista’ tinbeda investigazzjoni sabiex il-miżuri adatti jiġu korretti fil-forma jew il-livell tagħhom.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazji anti-dumping definittivi huma hawnhekk imposti fuq — importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju b’kontenut ta' stronzju ta’ aktar minn 0.07 % bil-piż u ta’ kontenut ta’ kubrit ta’ aktar minn 0.0015 % bil-piż, kemm jekk trab, jekk jekk pressat b’mod imrammel jew ridott fi trab b’mod imrammel, li jaqa’ taħt il-kodiċi CV ex 2836 60 00 (Kodiċi TARIC 2836600010), li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   L-ammont tad-dazju definittiv anti-dumping għandu jkun ugwali għal ammont fiss kif speċifikat hawn taħt għal prodotti magħmula minn dawn il-fabbrikanti:

Pajjiż

Fabbrikant

Rata tad-Dazju

(EUR/t)

kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Hubei Jingshan Chutian Barium Salt Corp. Ltd., 62,

Qinglong Road, Songhe Town,

Jingshan County,

Hubei Province, PRC

6,3

A606

Zaozhuang Yongli Chemical Co. Ltd.,

South Zhuzibukuang Qichun,

Zaozhuang City Center District,

Shangdong Province, PRC

8,1

A607

Il-Kumpanniji l-oħra kollha

56,4

A999

3.   F’każijiet fejn merkanzija saritila xi ħsara qabel daħlet fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz li ġie mħallas jew kellu jitħallas huwa pproporzjonat għad-determinazzjoni tal-valur tad-dwani skond l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2545/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2319/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (3), l-ammont ta’ dazju kontra d-dumping, ikkalkolat fuq il-bażi ta’ ammonti fissi stabbiliti hawn fuq, għandu jitnaqqas b’persentaġġ li jikkorrispondi għall-proporzjonar ta’ prezz li tħallas jew għandu jitħallas.

4.   Sakemm ma jiġix speċifikat b’mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

Artikolu 2

Ammonti żgurati permezz tad-dazji anti-dumping provviżorji skond ir-Regolament (KE) Nru 145/2005 dwar importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju li jaqgħu taħt il-kodiċi CN ex 2836 60 00 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, għandhom jinġabru definittivament skond ir-regoli li ġejjin.

(a)

l-ammonti żgurati b’żieda ma' l-ammont tad-dazji anti-dumping definittivi għandhom jiġu rilaxxati.

(b)

fejn id-dazji definittivi huma ogħla mid-dazji provviżorji, għandu jinġabar b'mod definittiv biss l-ammonti żgurati fil-livell provviżorju tad-dazji.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidhol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Gurnal Ufficjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar it-18 ta' Lulju 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 27, 29.1.2005, p. 4.

(3)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 883/2005 (ĠU L 148, 11.6.2005, p. 5).