18.10.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
207 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1091/2005
tat-12 ta' Lulju 2005
li jimplimenta ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 dwar ir-rekwiżiti għall-użu ta’ metodi speċifiċi ta’ kontroll fil-qafas tal-programmi nazzjonali għall-kontroll tas-salmonella
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar il-kontroll tas-salmonella u aġenti żoonotiċi oħra speċifikati ġejjin mill-ikel (1) u, b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tiegħu;
Billi:
(1) |
Skond ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003, jista’ jiġi deċiz li m’għandhomx jintużaw metodi ta’ kontroll speċifiċi bħala parti mill-programmi nazzjonali ta’ kontroll stabbiliti mill-Istati Membri biex jilħqu l-għanijiet Komunitarji stabbiliti skond dak ir-Regolament. |
(2) |
Barra minn hekk, skond ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jista’ jiġi deċiż li metodi speċifiċi ta’ kontroll għandhom jew jistgħu jiġu applikati għat-tnaqqis tal-prevalenza taż-żoonożi u l-aġenti żoonotiċi fl-istadju tal-produzzjoni primarja ta’ l-annimali u fi istadji l-oħra fil-katina ta’ l-ikel, u jistgħu jiġu adottati regoli dwar il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ metodi bħal dawn. |
(3) |
Skond l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) qabel ma tipproponi r-regoli fuq il-metodi speċifiċi ta’ kontroll. |
(4) |
Il-Kummissjoni ikkonsultat l-EFSA dwar l-użu tal-antimikrobjali u dwar l-użu tat-tilqim għall-kontroll tas-salmonella fit-tjur ta’ l-irziezet. Fuq din it-talba, l-EFSA ħarġet żewġ opinjonijiet separati dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet nhar il-21 ta’ Ottubru 2004. |
(5) |
Fl-opinjoni tagħha dwar l-użu ta’ l-antimikrobjali għall-kontroll tas-salmonella fit-tjur ta’ l-irziezet, l-EFSA rrakkomandat li l-użu tal-mikrobjali għandu jiġi skoraġġit minħabba r-riskji għas-saħħa tal-pubbliku marbuta ma’ l-iżvilupp, l-għażla u l-firxa tar-reżistenza. L-użu ta’ l-antimikrobjali għandu jkun suġġett għall-kundizzjonijiet definiti formalment li jiżguraw il-ħarsien tas-saħħa pubblika, u għandhom jkunu ġġustifikati bis-sħiħ minn qabel u rreġistrati mill-awtorità kompetenti. |
(6) |
Fir-rigward tal-qatgħat li jbidu, waqt li l-opinjoni għarfet ir-riskju li jista’ jkun hemm bit-tixrid tas-Salmonella spp.residwali, li jinkludi d-disseminazzjoni ta’ kwalunkwe varjanti ta’ razez reżistenti magħżula permezz tal-piramida ta’ produzzjoni, huwa rikonoxxut li jista’ jissalva materjal ġenetiku importanti minn qatgħat għat-tgħammir infettati permezz ta’ l-użu ta’ l-antimikrobjali. L-opinjoni kkonkludiet li ġeneralment, u għat-tipi kollha tat-tjur ta’ l-irziezet, fl-okkażjonijiet rari meta s-Salmonella spp. tikkawża infezzjonijiet klinikali, l-antimikrobjali jistgħu jkunu utli fit-tnaqqis tal-morbidità u l-mortalità. |
(7) |
Għalhekk, abbażi ta’ l-opinjoni ta’ l-EFSA, huwa xieraq li jiġi previst illi l-antimikrobjali m’għandhomx jintużaw bħala parti mill-programmi nazzjonali ta’ kontroll adottati skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2160/2003, minbarra fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija mill-EFSA fl-opinjoni tagħha. |
(8) |
Fi kwalunkwe ċirkostanza, għandhom jintużaw biss dawk il-prodotti mediċinali veterinarji li huma awtorizzati fi qbil mad-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi Komunitarja marbuta mal-prodotti mediċinali veterinarji (2), jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u użu veterinarju u jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċinali (3). Il-prodotti mediċinali veterinarji antimikrobiċi huma msejħa antimikrobiċi f’dan ir-Regolament. |
(9) |
Huwa ġeneralment rikonoxxut li biex jirnexxi l-kontroll ta’ l-infezzjonijiet tas-salmonella fil-farms tat-tjur ta’ l-irziezet dan għandu jissejjes fuq metodi tajba tal-biedja u fuq l-iġjene kif ukoll l-ittestjar u t-tneħħija mill-produzzjoni ta’ qatgħat li jkunu ttestjaw pożittiv għall-marda. |
(10) |
Fl-opinjoni tagħha dwar l-użu tat-tilqim għall-kontroll tas-salmonella fit-tjur ta’ l-irziezet, l-EFSA tikkonkludi li t-tilqim tat-tjur ta’ l-irziezet huwa meqjus bħala miżura addizzjonali biex tiżdied ir-reżistenza ta’ l-għasafar kontra l-esponiment għas-salmonella u jonqos it-tixrid tagħha fil-ħmieġ. |
(11) |
Fil-konklużjonijiet tagħha, l-EFSA tiddikjara ukoll b’mod partikolari li sakemm il-metodi ta’ detezzjoni ikunu jistgħu jagħżlu fost il-varjetajiet tat-tilqim minn dawk selvaġġi, kemm it-tilqim mhux attivat kif ukoll dak attiv jistgħu jintużaw b’mod sikur matul il-ħajja ta’ l-għasafar minbarra waqt il-perjodu ta’ l-itirar qabel il-qatla. |
(12) |
Għalhekk, abbażi ta’ l-opinjoni ta’ l-EFSA, huwa xieraq li jiġi previst illi t-tilqim m’għandux jintuża bħala parti mill-programmi nazzjonali ta’ kontroll li għandhom jiġu adottati skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, jekk il-manifattur ma jipprovdix metodu xieraq li jiddistingwi batterjoloġikament il-varjetajiet tat-tip selvaġġ tas-salmonella minn dawk il-varjetajiet tat-tilqim. |
(13) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Użu ta' l-antimikrobjali
1. L-Antimikrobjali m’għandhomx jintużaw bħala metodu speċifiku għall-kontroll tas-salmonella fil-qatgħat għat-tgħammir Gallus gallus fil-qafas tal-programmi nazzjonali ta’ kontroll adottati skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, minbarra fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-paragrafu 2.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, u suġġetti għall-kondizzjonijiet speċifikati fil-punti(a), (b), u (c) u fil-paragrafu 3, l-antimikrobiċi awtorizzati skond id-Direttiva 2001/82/KE jew ir-Regolament 726/2004/KE jistgħu jintużaw fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li ġejjin:
a) |
l-annimali li juru infezzjoni tas-salmonella b’sinjali kliniċi b’tali mod li tista’ tikkawża tbatija bla bżonn lill-annimali; il-qatgħat għat-tgħammir infettati ttrattati bl-antimikrobiċi għandhom jibqgħu jitqiesu infettati bis-salmonella, u għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju li tinxtered is-salmonella fost il-bqija tal-piramida tat-tgħammir: |
b) |
is-salvataġġ ta’ materjal ġenetiku prezzjuż, li jinkludi “il-qatgħat superjuri”, qatgħat minn qatgħat mhedda, u qatgħat miżmuma għal għanijiet ta’ riċerka, sabiex jiġu stabbiliti qatgħat ġodda mingħajr l-infezzjoni tas-salmonella; flieles imwielda minn bajd tat-tfaqqis miġbura minn annimali ttrattati għandhom jiġu suġġetti għal kampjunar ta’ kull ħmistax waqt il-fażi tat-trobbija, bi skema li timmira biex taqbad prevalenza ta’ 1 % tas-salmonella relevanti b’limitu ta’ konfidenza ta’ 95 %; |
c) |
l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti fuq bażi ta’ każ każ għal għanijiet minbarra dak tal-kontroll tas-salmonella f’qatgħa ssuspettata li fiha infezzjoni tas-salmonella, b’mod partikolari wara d-detezzjoni tas-salmonella fil-mafqas jew fl-azjenda agrikola; madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jippermettu t-trattament mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, suġġetti li jirrapportaw it-trattament immedjatament lill-awtorità kompetenti. |
3. L-użu ta’ l-antimikrobjali għandu jkun suġġett għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta' l-awtorità kompetenti u għandu jiġi bbażat fejn possibbli fuq ir-riżultati tal-kampjunar batterjoloġiku u ta’ l-ittestjar għas-suxxebbilità.
Artikolu 2
L-użu tat-tilqimiet
It-tilqim bis-salmonella ħajja li għalih il-manifattur ma jipprovdix metodu xieraq biex jiddistingwi batterjoloġikament il-varjetajiet tas-salmonella tat-tip selvaġġ mill-varjetajiet tat-tilqim mhux se jintuża fil-qafas tal-programmi nazzjonali ta' kontroll adottati skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2007.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, nhar it-12 ta' Lulju 2005.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 325, tat-12.12.2003, p. 1.
(2) ĠU L 311, tat-28.11.2001, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2004/28/KE (ĠU L 136, tat-30.4.2004, p. 58).
(3) ĠU L 136, tat-30.4.2004, p. 1.