9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

200


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1044/2005

tal-4 ta’ Lulju 2005

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2808/98 f’dak li għandu x’jaqsam mal-iffissar tal-avveniment operattiv tar-rata tal-kambju għall-għajnuna finanzjarja skont ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1973/2004

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2799/98 tal-15 ta' Diċembru 1998 li jistabbilixxi arranġamenti agromonetarji għall-Euro (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (2), u partikolarment l-Artikolu 145(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 stabbilixxa sistema ta’ għajnuna diretta li titħallas fuq bażi ta’ applikazzjoni unika għall-ħlas u li hija dejjem espressa f’euro.

(2)

Billi ma ġewx stipulati avvenimenti operattivi għar-rata tal-kambju għal xi wħud mill-miżuri ta’ għajnuna previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003, għandhom isiru provvedimenti għal avveniment operattiv uniformi marbut direttament mal-applikazzjonijiet imressqa mill-benefiċjarji tal-għajnuna. Biex ikun hemm koerenza u trasparenza fir-rigward tal-benefiċjarji, l-avveniment operattiv għandu jkun f’data qrib kemm jista’ jkun tal-bidu tal-perjodu tal-ħlas introdott mir-Regolament imsemmi hawn fuq, u sabiex jiġu ssimplifikati l-kontrolli fuq l-applikazzjoni tar-rati tal-kambju u jsiru iktar effettivi, għandu jseħħ qabel il-bidu tas-sena baġitarja li matulha se jsiru l-ħlasijiet.

(3)

Konsegwentement, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għall-miżuri tal-għajnuna kollha taħt ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu jiġi stabbiliti b’mod uniformi billi jiġi emendat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2808/98 tat-22 ta' Diċembru 1998 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tas-sistema agrimonetarja għall-Ewro fl-agrikoltura (3) u, għalhekk, id-dispożizzjonijiet eżistenti kollha dwar avvenimenti operattivi fir-Regolamenti li jimplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandhom jiġu revokati.

(4)

Sabiex l-operaturi jiġu infurmati dwar l-emendi lir-Regolamenti qabel il-bidu tal-ħlasijiet, jaqbel ukoll li dan ir-Regolament jibda japplika mill-1 ta’ Awwissu 2005.

(5)

Fl-aħħarnett, billi ċerti avvenimenti operattivi diġà ġew stabbiliti għas-sena 2005 f'data qabel l-1 ta' Awwissu 2005, jaqbel li dawk l-avvenimenti operattivi jibqgħu applikabbli fl-2005 bħala miżura tranżitorja.

(6)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 2808/98 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1973/2004 tad-29 ta’ Ottubru 2004 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 fir-rigward tal-iskemi ta’ appoġġ previsti fit-Titoli IV u IVa ta’ dak ir-Regolament u l-użu tal-art maħsuba għall-produzzjoni tal-materja prima għandu jiġi emendat (4).

(7)

Il-miżuri f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitati ta' Ġestjoni kkonċernati.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2808/98 huwa emendat kif ġej:

1)

Il-paragrafu 1 huwa ssostitwit mit-test li ġej:

“1.   Għall-iskemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (*), l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-1 ta’ Ottubru tas-sena li għaliha tkun qed tingħata l-għajnuna

(*)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.”"

2)

Il-paragrafu 3 huwa ssostitwit mit-test li ġej:

“3.   Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 2, ir-rata tal-kambju li għandha tiġi użata għandha tkun il-medja tar-rati tal-kambju applikabbli matul ix-xahar li jippreċedi d-data tal-avveniment operattiv, ikkalkulata pro rata temporis. Il-medja tar-rati tal-kambju għandha tiġi ddeterminata mill-Kummissjoni fix-xahar wara d-data tal-avveniment operattiv.”

Artikolu 2

L-Artikoli 21(3), 86 u 128 tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004 dwar id-determinazzjoni tal-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju u/jew ir-regoli għall-kalkolu tar-rata tal-kambju għall-għajnuna finanzjarja għall-patata tal-lamtu, il-primjums għan-nagħaġ u l-mogħoż u l-ħlasijiet li jinvolvu ċ-ċanga qed jiġu revokati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada ta' meta jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2005. Madankollu, għall-iskemi ta’ għajnuna stipulati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u li għalihom ġie stabbilit avveniment operattiv, għas-sena 2005, f’data qabel l-1 ta’ Awwissu 2005, l-avveniment operattiv definit jibqa’ japplika għas-sena 2005.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Lulju 2005

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 349, 24.12.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 394/2005 (ĠU L 63, 10.3.2005, p. 17.

(3)  ĠU L 349, 24.12.1998, p. 36. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1250/2004 (ĠU L 237, 8.7.2004, p. 13).

(4)  ĠU L 345, 20.11.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 794/2005 (ĠU L 134, 27.5.2005, p. 6).