9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

176


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 832/2005

tal-31 ta' Mejju 2005

dwar id-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda ta' zokkor, isoglukożju u fruttożju għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 60/2004 tal-14 ta' Jannar 2004 li jistabbilixxi miżuri tranżitorji fis-settur taz-zokkor bħala riżultat tad-dħul tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Arikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi evitat li jkun hemm disturb fis-swieq tas-settur taz-zokkor wara l-adeżjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea nhar l-1 ta’ Mejju 2004 tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (“l-Istati Membri l-ġodda”), l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 60/2004 jistipula li l-kwantitajiet taz-zokkor innifsu jew fi prodotti pproċessati, tal-isoglukożju u tal-fruttożju li fl-1 ta’ Mejju 2004 jaqbżu l-kwantità meqjusa bħala ħażna normali li tingħadda għall-perjodu ta’ wara, għandhom jitneħħew mis-suq fil-forma ta' zokkor innifsu jew ta' isoglukożju bi spejjeż tal-Istati Membri l-ġodda kkonċernati.

(2)

Sabiex jiġu ddeterminati dawk il-kwantitajiet żejda, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 60/2004 jistipula li l-Istati Membri l-ġodda għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-tagħrif relevanti dwar il-kwantitajiet tal-produzzjoni, il-konsum, il-ħażniet, l-esportazzjoni u l-importazzjoni, kif ukoll tagħrif dwar is-sistema stabbilita sabiex jiġu identifikati l-kwantitajiet żejda.

(3)

Ġeneralment, kwantitajiet żejda ta' zokkor huma meqjusa li jirriżultaw mill-iżvilupp fil-produzzjoni li miegħu tinżied l-importazzjoni u titnaqqas l-esportazzjoni għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2003 sat-30 ta' April 2004, imqabbel mal-medja tal-istess kwantitajiet għall-istess perjodu tul it-tliet snin ta’ qabel. Kif stipulat fl-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 60/2004, tqiesu wkoll ċirkustanzi speċifiċi rigward il-kumulazzjoni ta’ ħażniet, speċjament it-tnaqqis fil-livell tal-ħażniet matul dak il-perjodu.

(4)

Abbażi tal-komunikazzjonijiet tal-Istati Membri l-ġodda, il-kwantitajiet żejda taz-zokkor għandhom jiġu ddeterminati biss għall-Estonja, Ċipru, il-Latvja, Malta u s-Slovakkja, b'konformità ma' dak il-metodu.

(5)

Għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda ta’ isoglukożju u fruttożju, ġie applikat l-istess metodu. B’riżultat ta’ dan, ma jeħtieġ li jiġu ddeterminati l-ebda kwantitajiet żejda ta' fruttożju u ta' isoglukożju.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont il-fehma tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaz-Zokkor,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kwantitajiet ta’ zokkor, fl-għamla ta' zokkor innifsu jew fi prodotti proċessati, li fl-1 ta’ Mejju 2004 jaqbżu l-kwantità meqjusa bħala ħażna normali li tingħadda għall-perjodu ta’ wara, u li għandhom jitneħħew mis-suq Komunitarju skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 60/2004, huma kif ġej:

L-Estonja: 91 464 t.

Ċipru: 40 213-il t.

Il-Latvja: 10 589 t.

Malta: 2 452 t.

Is-Slovakkja: 10 225 t.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar li jiġi ppublikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 31 ta' mejju 2005.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 9, 15.1.2004, p. 8. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 651/2005 (ĠU L 108, 29.4.2005, p. 3).