9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

169


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 794/2005

tas-26 ta' Mejju 2005

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1973/2004 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 dwar l-iskemi ta’ appoġġ ipprovduti taħt it-Titoli IV u IVa ta’ dak ir-Regolament u l-użu ta’ art imserrħa mill-produzzjoni għall-ksib ta' materja prima

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 145(c) u l-Artikolu 155 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1973/2004 (2) jipprevedi miżuri tranżizzjonali għall-istabbiliment tal-lista ta’ varjetajiet magħżula bħala ammissibbli għall-benefiċċju tal-primjum speċjali għall-kwalità għall-qamħ durum għas-sena 2005 L-esperjenza turi li f’ċerti Stati Membri, huwa ġustifikat li jiġu applikati fl-2006 ukoll il-miżuri tranżizzjonali previsti fil-paragrafu 2 tal-Artikolu msemmi.

(2)

L-Artikolu 15(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004 jipprevedi, b’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu msemmi, il-possibbiltà li l-Istati Membri jaċċettaw il-preżenza, f’masġar ta’ siġar tal-ġwież, siġar li jipproduċu frott ieħor, bil-kundizzjoni li ma jaqbżux l-10 % fl-għadd mill-għadd minimu ta’ siġar li jipproduċu, f’kull ettaru kif stabbilit fil-pargrafu 3 tal-istess Artikolu. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tat lok għal interpretazzjonijiet differenti. Huwa xieraq li jiġi ċċarat l-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni filwaqt li titqies l-ispeċifiċità tal-imsaġar tal-ġwież fl-Istati Membri, billi jiġi ppreċiżat li l-limitu ta’ 10 % msemmi qabel, ikunx għan-numru minimu ta’ siġar produtturi kull ettaru, inkella l-għadd ta’ siġar li jipproduċu l-ġwież li effettivament tħawlu fil-masġar partikolari.

(3)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1973/2004 għandu jiġi emendat skond dan.

(4)

Peress li r-Regolament (KE) Nru 1973/2004 japplika mill-1 ta’ Jannar 2005, huwa xieraq li l-emenda kkonċernata tapplika b’effett minn dik id-data.

(5)

Il-miżuri provvduti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1973/2004 hu emendat kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu l-lista tal-varjetajiet magħżula bħala ammissibbli li jibbenefikaw mill-primjum speċjali għall-kwalità għall-qamħ durum matul l-2006 f’konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 2, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2005 f’dak li jirrigwarda l-varjetajiet tax-xitwa u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 f’dak li jirrigwarda l-varjetajiet tar-rebbiegħa.”

2)

It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 15(1) jinbidel b’li ġej:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, u bla ħsara għall-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw il-preżenza, f’masġar ta’ siġar tal-ġwież, siġar oħra li jipproduċu frott ieħor li mhux ġwież, bil-kundizzjoni li ma jaqbżux l-10 % fl-għadd mill-għadd minimu ta’ siġar li jipproduċu, f’kull ettaru kif stabbilit fil-pargrafu 3 jew l-għadd ta’ siġar produtturi ta’ ġwież imħawla effettivament kull ettaru ta’ masġar, skont kif jidhirlu l-Istat Membru. L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-preżenza tas-siġar tal-qastan jew l-għadd ta’ siġar stipulat fil-paragrafu 3 jiġi rrispettat f’dak li jirrigwarda s-siġar tal-ġwież ammissibbli.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt 2 ta' l-Artikolu 1 għandu jgħodd mill-1 Jannar 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26 ta' Mejju 2005.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 118/2005 (ĠU L 24, 27.1.2005, p. 15).

(2)  ĠU L 345, 20.11.2004, p. 1.