16.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

36


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 768/2005

tas-26 ta' April 2005

li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd (2), jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw kontroll, spezzjoni u infurzar effettivi tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u li jikkoperaw ma’ xulxin u ma’ pajjiżi terzi għal dan il-għan.

(2)

Sabiex jitwettqu dawn l-obbligi huwa meħtieġ li l-Istati Membri jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ta' kontroll u spezzjoni fit-territorju ta' l-art tagħhom, f'ibħra Komunitarji u internazzjonali skond il-liġi internazzjonali u, b'mod partikolari, l-obbligi tal-Komunità fil-qafas ta' organizzazzjonijiet tas-sajd reġjonali u taħt ftehim ma' pajjiżi terzi.

(3)

L-ebda skema ta' spezzjoni ma tista' tkun effettiva a paragun tan-nefqa mingħajr ma tipprovdi għal spezzjonijiet fuq l-art. Huwa għal dik ir-raġuni li territorju ta' l-art għandu jkun kopert bi pjanijiet ta' eżerċizzju konġunti.

(4)

Tali koperazzjoni, permezz tal-koordinazzjoni operattiva ta’ l-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni, għandha tkun ta’ kontribut għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akwatiċi ħajjin kif ukoll tiżgura kundizzjonijiet indaqs għall-industrija tas-sajd involuta f’dan l-isfruttar u b'hekk tnaqqas id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(5)

Il-kontroll u l-ispezzjoni effettiva tas-sajd huma kkunsidrati bħala essenzjali biex jiġi miġġieled sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat.

(6)

Mingħajr preġudizzju għar-reponsabbiltajiet ta' l-Istati Membri li joħorġu mir-Regolament (KE) Nru 2371/2002, hemm bżonn ta’ korp tekniku u amministrattiv Komunitarju sabiex jorganizza koperazzjoni u kordinazzjoni bejn l-Istati Membri rigward kontroll u spezzjoni tas-sajd.

(7)

Għal dan il-għan, huwa xieraq li fi ħdan l-istruttura istituzzjonali Komunitarja eżistenti, u wara li jittieħed kont tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, tiġi stabbilita Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (“l-Aġenzija”).

(8)

Biex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom l-Aġenzija ġiet stabbilita, jeħtieġ li jiġu definiti l-kompiti tagħha.

(9)

B’mod partikolari, huwa meħtieġ li l-Aġenzija, fuq talba tal-Kummissjoni, tkun kapaċi tassisti l-Komunità u l-Istati Membri fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi u/jew organizzazzjonjiet tas-sajd reġjonali u li tikkopera ma’ l-awtoritajiet kompetenti tagħhom fi ħdan il-qafas ta’ l-obbligi internazzjonali tal-Komunità.

(10)

Barra minn hekk, jeħtieġ li ssir ħidma lejn l-applikazzjoni effettiva tal-proċeduri Komunitarji ta' spezzjoni. Matul iż-żmien l-Aġenzija tista' ssir sors ta' riferenza għall-għajnuna xjentifika u teknika għall-kontroll u l-ispezzjoni ta' l-attivitajiet tas-sajd.

(11)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd, li għandha tipprovdi għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akwatiċi ħajjin fil-kuntest ta' żvilupp sostenibbli, il-Kunsill jadotta miżuri li jikkonċernaw il-konservazzjoni, l-immaniġġar u l-isfruttar ta' riżorsi akwatiċi ħajjin.

(12)

Sabiex jiġi żgurat l-infurzar xieraq ta' dawn il-miżuri iridu jiġu użati mezzi adegwati ta' kontroll u infurzar mill-Istati Membri. Sabiex tali kontroll u infurzar isir aktar effettiv u effiċjenti huwa xieraq li l-Kummissjoni, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u flimkien ma' l-Istati Membri kkonċernati, tadotta programmi speċifiċi ta' kontroll u spezzjoni. L-Artikolu 34(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd (3) għandu jkun emendat skond dan.

(13)

Il-kordinazzjoni mill-Aġenzija tal-koperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri għandha ssir abbażi ta' pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunt, li jorganizzaw l-użu tal-mezzi disponibbli ta’ kontroll u spezzjoni ta’ l-Istati Membri kkonċernati sabiex jagħtu effett lill-programmi ta’ kontroll u spezzjoni. L-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni ta’ l-attivitajiet tas-sajd mill-Istati Membri għandhom jitwettqu bi qbil mal-kriterji, prijoritajiet, punti ta’ riferenza, u proċeduri komuni dwar l-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni abbażi ta’ dawn il-programmi

(14)

L-adozzjoni ta' programm ta' kontroll u spezzjoni jobbliga l-Istati Membri biex jipprovdu effettivament ir-riżorsi meħtieġa biex jitwettaq il-programm. Huwa meħtieġ għall-Istati Membri li jinnotifikaw mill-ewwel lill-Aġenzija bil-mezzi ta' kontroll u spezzjoni li bihom għandhom l-intenzjoni li jeżegwixxu tali programm. M' għandhom jinħolqu l-ebda obbligi addizzjonali, f'termini ta' kontroll, spezzjoni u infurzar jew fir-rigward ta' disponibbiltà ta' riżorsi meħtieġa f'dan il-kuntest, mill-pjanijiet ta' eżerċizzju konġunti.

(15)

Pjan ta' eżerċizzju konġunt għandu jkun preparat mill-Aġenzija biss jekk ikun previst fil-programm ta' ħidma.

(16)

Il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat mill-Bord Amministrattiv, li jiżgura li jintlaħaq konsensus suffiċjenti, inkluż fit-tqabbil tal-kompiti previsti għall-Aġenzija fil-programm ta' ħidma u r-riżorsi disponibbli għall-Aġenzija, abbażi ta' l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri.

(17)

Il-kompitu prinċipali tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun li jiżgura li fil-konsultazzjonijiet tiegħu/tagħha mal-Membri tal-Bord u l-Istati Membri l-ambizzjonijiet fil-programm ta' ħidma għal kull sena jkunu jaqblu ma' riżorsi suffiċjenti biex jitwettaq il-programm ta' ħidma magħmula disponibbli għall-Aġenzija mill-Istati Membri.

(18)

Id-Direttur Eżekuttiv għandu b'mod partikolari jfassal pjanijiet ta' eżerċizzju preċiżi billi juża r-riżorsi notifikati mill-Istati Membri għat-twettiq ta' kull programm ta' kontroll u spezzjoni u jirrispetta r-regoli u l-għanijiet imniżżla fil-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni li fuqu huwa bbażat il-programm ta' eżerċizzju konġunt, kif ukoll regoli relevanti oħra, bħal dawk relatati ma' l-Ispetturi Komunitarji.

(19)

F'dan il-kuntest huwa meħtieġ li d-Direttur Eżekuttiv jamministra ż-żminijiet b'tali mod li jagħti lill-Istati Membri żmien biżżejjed biex jipprovdu l-kummenti tagħhom, jibnu fuq il-kompetenza operattiva tagħhom, filwaqt li jibqgħu fi ħdan il-pjan ta' ħidma ta' l-Aġenzija u t-termini perentorji previsti f'dan ir-Regolament. Huwa meħtieġ li d-Direttur Eżekuttiv jieħu kont ta' l-interess ta' l-Istati Membri konċernati fl-attivitajiet tas-sajd koperti minn kull pjan. Sabiex tiġi żgurata kordinazzjoni effiċjenti u fil-ħin ta' l-attivitajiet konġunti ta' kontroll u spezzjoni huwa meħtieġ li tiġi provduta proċedura li tippermetti deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-pjanijiet meta ma jkunx jista' jintlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri konċernati.

(20)

Il-proċedura għat-tfassil u l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' eżerċizzju konġunti barra ibħra Komunitarji għandha tkun simili għal dik li tikkonċerna ibħra Komunitarji. Il-bażi għal tali pjanijiet ta' eżerċizzju konġunti irid ikun programm internazzjonali ta' kontroll u spezzjoni li jagħti effett lill-obbligi internazzjonali relatati ma' kontroll u spezzjoni li jorbot lill-Komunità.

(21)

Għall-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' eżerċizzju konġunt, l-Istati Membri konċernati għandhom jiġbru u jeżerċitaw il-mezzi ta' kontroll u spezzjoni li huma impenjaw għal tali pjanijiet. L-Aġenzija għandha tivvaluta jekk il-mezzi ta’ kontroll u spezzjoni disponibbli humiex biżżejjed u fejn xieraq tinforma lill-Istati Membri konċernati u lill-Kummissjoni li l-mezzi mhumiex biżżejjed biex jitwettqu l-kompiti meħtieġa taħt il-programm ta’ kontroll u spezzjoni.

(22)

Filwaqt li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-obbligi tagħhom relatati ma' spezzjoni u kontroll, b'mod partikolari taħt il-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni adottat skond ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002, l-Aġenzija m' għandiex ikollha s-setgħa li timponi obbligi addizzjonali permezz ta' pjanijiet ta' eżerċizzju konġunti jew li tissanzjona Stati Membri.

(23)

L-Aġenzija għandha tirrevedi perjodikament l-effettività tal-pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti.

(24)

Huwa xieraq li jiġi provdut għall-possibiltà li jiġu adottati regoli ta' implimentazzjoni speċifiċi għall-adozzjoni u l-approvazzjoni ta' pjanijiet ta' eżerċizzju konġunti. L-użu ta' din il-possibbiltà jista' jkun utli ladarba l-Aġenzija tkun bdiet topera u d-Direttur Eżekuttiv jikkunsidra li tali regoli għandhom jiġu stabbiliti fil-liġi Komunitarja.

(25)

L-Aġenzija għandha jkollha d-dritt, meta hekk mitluba, li tipprovdi servizzi kuntrattwali relatati mal-mezzi ta’ kontroll u spezzjoni li għandhom jintużaw fl-eżerċizzju konġunt mill-Istati Membru konċernati.

(26)

Għall-iskop tat-twettiq tal-kompiti ta’ l-Aġenzija, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jiskambjaw informazzjoni rilevanti dwar il-kontroll u l-ispezzjoni permezz ta’ network ta’ informazzjoni.

(27)

L-istatus u l-istruttura ta’ l-Aġenzija għandhom jaqblu man-natura oġġettiva tar-riżultati li hija maħsuba li tipproduċi u għandhom jippermettula li twettaq il-funzjoni tagħha f’koperazzjoni stretta ma’ l-Istati Membri u mal-Kummissjoni. B'konsegwenza, l-Aġenzija għandha tingħata awtonomija legali, finanzjarja u amministrattiva filwaqt li fl-istess ħin iżżomm rabtiet stretti ma’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri. Għal dak il-għan huwa meħtieġ u xieraq li l-Aġenzija għandha tkun korp Komunitarju b'personalità legali u teżerċita s-setgħat li huma mogħtija lilha minn dan ir-Regolament.

(28)

Għar-responsabbiltà kuntrattwali ta’ l-Aġenzija, li hija regolata mil-liġi li tapplika għall-kuntratti finalizzati mill-Aġenzija, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa ta' kwalunkwe klawsola ta’ arbitraġġ li tkun tinsab fil-kuntratt. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha wkoll ġurisdizzjoni f' tilwim relatat mal-kumpens għal kwalunkwe dannu li joħroġ mir-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta' l-Aġenzija skond il-prinċipji ġenerali li huma komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri.

(29)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu rappreżentati fi ħdan Bord Amministrattiv inkarigat li jiżgura t-tħaddim korrett u effettiv ta' l-Aġenzija.

(30)

Bord Konsultattiv għandu jinħoloq sabiex jagħti parir lid-Direttur Eżekuttiv u jiżgura koperazzjoni stretta ma' partijiet interessati.

(31)

Ladarba l-Aġenzija għandha twettaq l-obbligi Komunitarji u, fuq talba tal-Kummissjoni tikkopera ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet tas-sajd reġjonali fi ħdan il-qafas ta’ l-obbligi internazzjonali tal-Komunità, huwa xieraq li l-President tal-Bord Amministrattiv għandu jkun elett minn fost ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

(32)

Arranġamenti dwar il-votazzjoni fil-Bord Amministrattiv għandhom jagħtu każ ta’ l-interessi ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni fl-operat effettiv ta’ l-Aġenzija.

(33)

Huwa xieraq li jiġi provdut għall-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonijiet tal-Bord Amministrattiv għal rappreżentant tal-Bord Konsultattiv mingħajr drittijiet għal vot.

(34)

Huwa meħtieġ li jiġi maħsub għall-ħatra u r-revoka tad-Direttur Eżekuttiv ta’ l-Aġenzija kif ukoll għar-regoli li jirregolaw it-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.

(35)

Sabiex jippromwovi t-tħaddim trasparenti ta’ l-Aġenzija, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (4) tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandu japplika għall-Aġenzija mingħajr restrizzjonijiet.

(36)

Fl-interess tal-ħarsien tal-privatezza ta’ l-individwi, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment ħieles ta’ tali data  (5) għandu japplika għal dan ir-Regolament.

(37)

Sabiex tkun garantita l-awtonomija funzjonali u l-indipendenza ta’ l-Aġenzija, għandu jingħata budget awtonomu li d-dħul tiegħu jiġi minn kontribut mill-Komunità kif ukoll minn ħlasijiet għal servizzi kuntrattwali mogħtija mill-Aġenzija. Il-proċedura Komunitarja tal-budget għandha tkun applikabbli safejn għandhom x' jaqsmu l-kontribut Komunitarju u kwalunkwe sussidju ieħor a karigu tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. L-awditjar tal-kontijiet għandu jsir mill-Qorti ta’ l-Awdituri.

(38)

Sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni, u attivitajiet illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew għal Kontra l-Frodi (OLAF) (6) għandhom japplikaw mingħajr ebda restrizzjoni għall-Aġenzija, li għandha taderixxi mal-Ftehim Inter-istituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward ta’ investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (7).

(39)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (8).

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

GĦAN, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Għan

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (“l-Aġenzija”), li l-għan tagħha huwa li torganizza kordinazzjoni operattiva ta’ l-attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni tas-sajd mill-Istati Membri u li tgħinhom jikkoperaw sabiex jikkonformaw mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd sabiex jiġi żgurat l-applikazzjoni effettiva u uniformi tagħha.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“kontroll u spezzjoni” tfisser kwalunkwe miżura meħuda mill-Istati Membri, b'mod partikolari skond l-Artikoli 23, 24 u 28 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 biex tikkontrolla u tispezzjona l-attivitajiet tas-sajd fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd inklużi l-attivitajiet ta’ sorveljanza u monitoraġġ bħal sistemi satellitari ta’ monitoraġġ tal-bastimenti u skemi ta’ osservaturi;

(b)

“mezzi ta' kontroll u spezzjoni” tfisser il-bastimenti ta' sorveljanza, inġenji ta’ l-ajru, vetturi u riżorsi materjali oħra kif ukoll spetturi, osservaturi u riżorsi umani oħra użati mill-Istati Membri għall-kontroll u l-ispezzjoni;

(ċ)

“pjan ta' eżerċizzju konġunt” tfisser pjan li jistabbilixxi arranġamenti operattivi għall-użu ta’ mezzi disponibbli ta’ kontroll u spezzjoni;

(d)

“programm internazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni” tfisser programm li jistabbilixxi għanijiet, prijoritajiet komuni u proċeduri għal attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni biex jiġu implimentati obbligi internazzjonali tal-Kummissjoni relatati mal-kontroll u l-ispezzjoni;

(e)

“programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni” tfisser programm li jistabbilixxi għanijiet, prijoritajiet u proċeduri komuni għal attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni stabbiliti bi qbil ma’ l-Artikolu 34ċ tar-Regolament (KE) Nru 2847/93;

(f)

“attivita ta' sajd” tfisser l-attivitajiet ta’ sajd li jisfruttaw ċerti stocks kif definiti mill-Kunsill b’mod partikolari skond l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(g)

“spetturi tal-Komunità” tfisser l-ispetturi inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 28(4) tar-Regolament (KE) 2371/2002.

KAPITOLU II

IL-MISSJONI U L-KOMPITI TA’ L-AĠENZIJA

Artikolu 3

Missjoni

Il-missjoni ta’ l-Aġenzija għandha tkun:

(a)

li tikkordina l-kontroll u l-ispezzjoni minn Stati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-obbligi ta’ kontroll u spezzjoni tal-Komunità;

(b)

li tikkordina l-użu tal-mezzi nazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni miġbura mill-Istati Membri kkonċernati skond dan ir-Regolament;

(ċ)

li tkun ta’ assistenza għall-Istati Membri fir-rappurtar ta’ informazzjoni dwar attivitajiet ta’ sajd u attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni lill-Kummissjoni u partijiet terzi;

(d)

fil-qasam tal-kompetenzi tagħha, li tkun ta’ assistenza għall-Istati Membri biex iwettqu l-kompiti u l-obbligi tagħhom skond ir-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd.

(e)

li tkun ta' assistenza għall-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-armonizzazzjoni ta' l-applikazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd f'kull parti tal-Komunità;

(f)

li tagħti kontribut fix-xogħol ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qasam ta' riċerka u żvilupp ta' tekniki ta' kontroll u spezzjoni;

(g)

li tagħti kontribut għall-kordinazzjoni ta' taħriġ għal spetturi u l-iskambju ta' esperjenza bejn l-Istati Membri;

(h)

li tikkoordina l-operazzjonijiet biex jiġi miġġieled sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat skond ir-regoli tal-Komunità.

Artikolu 4

Kompiti relatati ma’ l-obbligi internazzjonali tal-Komunità relatati mal-kontroll u l-ispezzjoni

1.   L-Aġenzija għandha, fuq talba tal-Kummissjoni:

(a)

tkun ta’ assistenza għall-Komunità u l-Istati Membri fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet tas-sajd reġjonali internazzjonali li tagħhom il-Komunità hija membru;

(b)

tikkopera ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-organizzazzjonijiet tas-sajd reġjonali internazzjonali rigward l-obbligi ta’ kontroll u spezzjoni tal-Komunità fil-qafas ta’ arranġamenti ta’ xogħol konklużi ma’ tali korpi.

2.   L-Aġenzija tista’, fuq talba tal-Kummissjoni, tikkopera ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kontroll u spezzjoni fil-qafas ta’ ftehim konklużi bejn il-Komunità u tali pajjiżi.

3.   L-Aġenzija tista, fi ħdan il-qasam ta’ kompetenza tagħha, twettaq f’isem l-Istati Membri l-kompiti li jaqgħu taħt il-ftehim internazzjonali dwar is-sajd li l-Komunità tifforma parti minnhom.

Artikolu 5

Kompiti relatati ma' kordinazzjoni operattiva

1.   Il-kordinazzjoni operattiva mill-Aġenzija għandha tkopri l-ispezzjoni u l-kontroll ta' attivitajiet tas-sajd, inkluż l-importazzjoni, it-trasport u l-iżbark ta' prodotti tas-sajd, sal-punt fejn tali prodotti jirċevihom l-ewwel xerrej wara l-iżbark.

2.   Għal għanijiet ta' kordinazzjoni operattiva, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi pjanijiet ta' eżerċizzju konġunti u torganiżża kordinazzjoni operattiva ta' kontroll u spezzjoni mill-Istati Membri skond il-Kapitolu III.

Artikolu 6

Provvediment ta’ servizzi kuntrattwali lil Stati Membri

Fuq talba ta’ Stati Membri, l-Aġenzija tista’ tipprovdi servizzi kuntrattwali, li għandhom x’jaqsmu mal-kontroll u l-ispezzjoni f’relazzjoni ma’ l-obbligi tagħhom rigward is-sajd fil-Komunità u/jew f’ibħra internazzjonali, inkluż il-kiri, l-operat u l-għoti ta' persunal għall-pjattaformi ta’ kontroll u spezzjoni u l-proviżjoni ta’ osservaturi għal operazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri konċernati.

Artikolu 7

Assistenza lil Stati Membri

Sabiex tassisti lill-Istati Membri biex iwettqu aħjar l-obbligi tagħhom taħt ir-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, l-Aġenzija għandha b'mod partikolari:

(a)

tistabbilixxi u tiżviluppa kurrikulu ċentrali għat-taħriġ ta’ l-instructors ta’ l-ispetturi tas-sajd ta’ l-Istati Membri u tipprovdi korsijiet ta’ taħriġ addizzjonali u seminars lil dawk l-ispetturi u persunal ieħor involuti f'attivitajiet ta' monitoraġġ, kontroll u spezzjoni;

(b)

fuq talba ta’ l-Istati Membri, għandha twettaq xiri konġunt ta’ prodotti u servizzi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni minn Stati Membri kif ukoll tipprepara u tikkordina għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ proġetti pilota konġunti;

(ċ)

telabora proċeduri operattivi konġunti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet konġunti ta’ kontroll u spezzjoni imwettqa minn żewġ Stati Membri jew aktar;

(d)

telabora kriterji għall-iskambju ta’ mezzi ta’ kontroll u spezzjoni bejn Stati Membri u bejn Stati Membri u pajjiżi terzi u għall-provvediment ta’ tali mezzi mill-Istati Membri.

KAPITOLU III

KORDINAZZJONI OPERATTIVA

Artikolu 8

Implimentazzjoni ta' obbligi Komunitarji relatati ma' kontroll u spezzjoni

L-Aġenzija għandha, fuq talba tal-Kummissjoni, tikkordina attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni minn Stati Membri abbażi ta' programmi internazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni billi tistabbilixxi pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti.

Artikolu 9

L-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ spezzjoni u kontroll speċifiku

L-Aġenzija għandha tikkordina l-implimentazzjoni tal-programmi speċifiċi ta' kontroll u spezzjoni stabbiliti skond l-Artikolu 34ċ tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 permezz ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti.

Artikolu 10

Kontenut tal-pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti

Kull pjan ta’ eżerċizzju konġunt għandu:

(a)

iwettaq ir-rekwiżiti tal-programm rilevanti ta' kontroll u spezzjoni;

(b)

jagħti effett lill-kriterji, punti ta’ referenza, prijoritajiet u proċeduri ta’ spezzjoni komuni determinati mill-Kummissjoni fil-programmi ta’ kontroll u spezzjoni;

(ċ)

ifittex li jqabbel il-mezzi eżistenti nazzjonali ta' kontroll u spezzjoni komunikati skond l-Artikolu 11(2) bi ħtiġijiet u jorganizza l-użu tagħhom;

(d)

jorganizza l-użu tar-riżorsi umani u materjali, fir-rigward tal-perijodi u żoni li fihom dawn iridu jiġu użati, inkluż l-operat tat-timijiet ta’ spetturi Komunitarji minn aktar minn Stat Membru wieħed;

(e)

jieħu kont ta' l-obbligi eżistenti ta' l-Istati Membri kkonċernati rigward pjanijiet ta' eżerċizzju konġunti oħra, kif ukoll kwalunkwe restrizzjoni speċifika reġjonali jew lokali;

(f)

jiddefinixxi l-kondizzjonijiet li taħthom il-mezzi ta' kontroll u spezzjoni ta' Stat Membru jista' jidħol fl-ibħra li jaqgħu taħt is-sovrenità u l-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru ieħor.

Artikolu 11

Notifika ta’ mezzi ta’ kontroll u spezzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom kull sena qabel il-15 ta’ Ottubru, jgħarrfu lill-Aġenzija bil-mezzi ta’ kontroll u spezzjoni li għandha disponibbli għall-iskop ta’ kontroll u spezzjoni għas-sena ta’ wara.

2.   Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Aġenzija dwar il-mezzi li bihom għandu l-ħsieb iwettaq il-programm internazzjonali ta' kontroll u spezzjoni jew il-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni li bih huwa kkonċernat, mhux aktar tard minn xahar min-notifika lill-Istati Membri bid-Deċiżjoni li tistabbilixxi kwalunkwe tali programm.

Artikolu 12

Proċedura għall-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti

1.   Abbażi tan-notifiki previsti fl-Artikolu 11(2) u fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi tali notifiki, id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija għandu jistabbilixxi abbozz ta' pjan ta' eżerċizzju kongunt b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri konċernati.

2.   L-abbozz tal-pjan ta’ eżerċizzju konġunt għandu jidentifika l-mezzi ta' kontroll u spezzjoni li jistgħu jinġabru sabiex jiġi mplimentat il-programm ta' kontroll u spezzjoni li għalih jirreferi l-pjan abbażi ta' l-interess ta' l-Istati Membri konċernati fl-attivita ta' sajd relevanti.

L-interess f' attivita ta' sajd ta' Stat Membru għandha tiġi stmata b'referenza għall-kriterji li ġejjin li l-piż relattiv tagħhom għandu jiddependi fuq il-karatteristiċi speċifiċi ta' kull pjan:

(a)

l-ammont relattiv ta’ l-ibħra soġġetti għas-sovranità u l-ġurisdizzjoni tiegħu, jekk jeżistu, li huma koperti mill-pjan ta’ eżerċizzju konġunt.

(b)

il-kwantità ta’ ħut imtella’ l-art fuq it-territorju tiegħu f'perijodu ta' riferenza mogħti bħala proporzjoni tat-tlugħ l-art ta’ ħut totali mill-attività ta’ sajd li hija soġġetta għall-pjan ta’ eżerċizzju konġunt;

(ċ)

in-numru relattiv tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji li jtajru l-bandiera tiegħu (is-saħħa tal-magna u t-tunnellaġġ gross) li huma involuti fl-attività tas-sajd li hija soġġetta għall-pjan ta’ eżerċizzju konġunt fir-rigward tan-numru totali ta' bastimenti li huma involuti f'dik l-attivita ta' sajd;

(d)

id-daqs relattiv ta’ l-allokazzjoni tal-kwota tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ kwota, il-qabda f’perijodu ta’ referenza mogħti fir-rigward ta’ dik l-attivita ta' sajd;

3.   Jekk, fil-proċess ta’ tħejjija ta’abbozz ta' pjan ta’ eżerċizzju konġunt, jidher ċar li ma hemmx biżżejjed mezzi disponibbli ta’ kontroll u spezzjoni biex jitwettqu l-ħtiġijiet tal-programm ta’ kontroll u spezzjoni rilevanti, id-Direttur Eżekuttiv għandu mill-ewwel jinnotifika lill-Istati Membri konċernati u lill-Kummissjoni.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika l-abbozz tal-pjan ta’ eżerċizzju konġunt lill-Istati Membri konċernati u l-Kummissjoni. Jekk fi żmien ħmistax-il jum ta' xogħol ta' tali notifika l-Istati Membri konċernati jew il-Kummissjoni ma qajmu l-ebda oġġezzjoni, id-Direttur Eżekuttiv għandu jadotta l-pjan.

5.   Jekk wieħed mill-Istati Membri konċernati jew aktar jew il-Kummissjoni jagħmlu oġġezzjoni, id-Direttur Eżekuttiv għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista' tagħmel kwalunkwe aġġustament meħtieġ għall-pjan u tadottah skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

6.   Kull pjan ta’ eżerċizzju konġunt għandu jkun soġġett għal analiżi annwali mill-Aġenzija b'konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri konċernati biex jieħdu kont ta' kwalunkwe programm ta’ kontroll u spezzjoni ġdid li għalih l-Istati Membri kkonċernati huma soġġetti u kwalunkwe prijorità determinata mill-Kummissjoni fil-programmi ta’ kontroll u spezzjoni.

Artikolu 13

Implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti

1.   Attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni konġunti għandhom jitwettqu abbażi tal-pjanijiet ta' eżerċizzju konġunti.

2.   L-Istati Membri konċernati bil-pjan ta' eżerċizzju konġunt għandhom:

(a)

jagħmlu disponibbli dawk il-mezzi ta' kontroll u spezzjoni li huma marbuta mal-pjan ta' eżerċizzju konġunt;

(b)

jaħtru punt wieħed nazzjonali ta’ kuntatt/koordinatur, li għandu jingħata setgħa suffiċjenti biex iwieġeb fil-ħin għal talbiet mill-Aġenzija li għandhom x’jaqsmu ma’ l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ eżerċizzju konġunt, u jinnotifika dan lill-Aġenzija;

(ċ)

jeżerċitaw l-mezzi kollettivi tiegħu ta’ kontroll u spezzjoni skond il-pjan ta’ eżerċizzju konġunt u r-rekwiżiti msemmija f'paragrafu 4;

(d)

jipprovdu lill-Aġenzija aċċess on-line għall-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' eżerċizzju konġunt;

(e)

jikkoperaw ma’ l-Aġenzija fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ eżerċizzju konġunt.

(f)

jiżguraw li kwalunkwe mezz ta’ kontroll u spezzjoni, assenjat lil pjan ta’ eżerċizzju Komunitarju konġunt jwettaq l-attivitajiet tiegħu skond ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri fi ħdan il-qafas ta' pjan ta' eżerċizzju konġunt stabbilit taħt l-Artikolu 12, il-kmand u l-kontroll tal-mezzi ta' kontroll u spezzjoni li ġew impenjati għal pjan ta' eżerċizzju konġunt għandhom ikunu r-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skond il-liġi nazzjonali.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv jista' jiddefinixxi r-rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta' pjan ta' eżerċizzju konġunt adottat taħt l-Artikolu 12. Tali rekwiżiti għandhom jibqgħu fil-limiti ta' dan il-pjan.

Artikolu 14

Evalwazzjoni ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti

L-Aġenzija għandha twettaq evalwazzjoni annwali ta’ l-effettività ta’ kull pjan ta’ eżerċizzju konġunt, kif ukoll analiżi, abbażi ta' evidenza disponibbli, ta’ l-eżistenza ta' riskju li l-attivitajiet ta' sajd mhumiex konformi mal-miżuri ta' kontroll applikabbli. Tali evalwazzjoni għandha tiġi komunikata minnufih lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Artikolu 15

Attivitajiet ta’ sajd li mhumiex soġġetti għal programmi ta’ kontroll u spezzjoni

Tnejn jew aktar Stati Membri jistgħu jitolbu lill-Aġenzija biex tikkoordina l-użu tal-mezzi ta’ kontroll u spezzjoni tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ attivita ta' sajd jew qasam li mhuwiex soġġett għal programm ta’ kontroll u spezzjoni. Tali koordinazzjoni għandha sseħħ skond kriterji u prijoritajiet ta’ kontroll u spezzjoni miftehma bejn l-Istati Membri konċernati.

Artikolu 16

Network ta’ informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jagħmlu skambju ta’ informazzjoni rilevanti disponibbli għalihom rigward l-attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni konġunti fi ħdan l-ibħra Komunitarji u internazzjonali.

2.   Kull awtorità kompetenti nazzjonali għandha tieħu, skond il-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti, miżuri biex tiżgura kunfidenzjalità xierqa ta’ l-informazzjoni li huma rċevew li taqa' taħt dan l-Artikolu skond l-Artikolu 37 tar-Regolament (KEE) Nru. 2847/93.

Artikolu 17

Regoli dettaljati

Regoli dettaljati, għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru. 2371/2002.

Dawn ir-regoli jistgħu jkopru b’mod partikolari l-proċeduri għat-tħejjija u l-adozzjoni ta’ l-abbozz tal-pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti.

KAPITOLU IV

STRUTTURA INTERNA U TĦADDIM

Artikolu 18

Status legali u l-uffiċċju prinċipali

1.   L-Aġenzija għandha tkun korp tal-Komunità. Għandha jkollha personalità ġuridika.

2.   F' kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tgawdi minn kompetenza legali l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. Tista', b' mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tista' tkun parti fi proċedimenti legali.

3.   L-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

4.   Is-sede ta' l-Aġenzija għandha tkun f' Vigo, fi Spanja.

Artikolu 19

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg għal aġenti oħra tal-Komunitajiet Ewropej kif stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru. 259/68 (9) u r-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta' dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u kondizzjonjiet ta’ l-impjieg għandhom japplikaw għall-persunal ta’ l-Aġenzija. Il-Bord Amministrattiv, fi ftehim mal-Kummissjoni, għandu jadotta regoli dettaljati meħtieġa ta’ applikazzjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30, is-setgħat mogħtija lill-awtorità li taħtar mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet ta’ l-impjieg għal aġenti oħra għandhom ikunu eżerċitati mill-Aġenzija fir-rigward tal-persunal tagħha stess.

3.   Il-persunal ta’ l-aġenzija għandu jikkonsisti minn uffiċjali assenjati jew sekondati mill-Kummissjoni fuq bażi temporanja u minn persunal ieħor impjegat mill-Aġenzija kif meħtieġ biex iwettqu il-kompiti tagħha.

L-Aġenzija tista' ukoll tħaddem uffiċjali sekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja.

Artikolu 20

Privileġġi u Immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Aġenzija.

Artikolu 21

Responsabbiltá

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali ta' l-Aġenzija għandha tiġi regolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt in kwistjoni.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha ġurisdizzjoni li tagħti ġudizzju skond kwalunkwe klawsola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt finalizzat mill-Aġenzija.

3.   F'każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, skond il-prinċipji ġenerali, komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull ħsara kkawżata minnha jew il-persunal tagħha fit-twettiq ta' dmirijiethom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha ġurisdizzjoni f’kull tilwima relatata ma’ kumpens għal tali ħsara.

4.   Ir-responsabbiltà personali ta' l-impjegati tagħha lejn l-Aġenzija għandha tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet ta' impieg applikabbli għalihom.

Artikolu 22

Lingwi

1.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jiddeterminaw il-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (10) għandhom japplikaw għall-Aġenzija.

2.   Is-servizzi ta’ traduzzjoni meħtieġa għat-tħaddim ta’ l-Aġenzija għandhom jiġu provduti miċ-Ċentru ta’ Traduzzjoni tal-korpi ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 23

Ħolqien u setgħat tal-Bord Amministrattiv

1.   L-Aġenzija għandha jkollha Bord Amministrattiv.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu:

(a)

jaħtar u jirrevoka n-nomina tad-Direttur Eżekuttiv skond l-Artikolu 30;

(b)

jadotta, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, ir-rapport ġenerali ta’ l-Aġenzija għas-sena ta’ qabel u jgħaddih lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti ta’ l-Awdituri u l-Istati Membri. Ir-rapport għandu jsir pubbliku;

(ċ)

jadotta sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, u jikkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, il-programm ta’ ħidma ta’ l-Aġenzija għas-sena ta’ wara u jgħaddih lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

Il-programm ta' ħidma għandu jkun fih il-prijoritajiet ta' l-Aġenzija. Għandu jagħti prijorità lid-dmirijietta' l-Aġenzija relatati ma' programmi ta' kontroll u sorveljanza. Għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura annwali Komunitarja tal-budget. F'każ li l-Kummissjoni tesprimi, fi żmien 30 ġurnata mid-data ta’ adozzjoni tal-programm ta’ ħidma, in-nuqqas ta’ qbil tagħha ma’ dak il-programm, il-Bord Amministrattiv għandu jerġa jeżamina l-programm u jadottah, possibilment emendat, fi żmien xahrejn, fit-tieni qari;

(d)

jadotta l-budget finali ta’ l-Aġenzija qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, jaġġustah, fejn meħtieġ skond il-kontribut Komunitarju u kwalunkwe dħul ieħor ta’ l-Aġenzija.

(e)

iwettaq dmirijietu fir-rigward tal-budget ta’ l-Aġenzija skond l-Artikoli 35, 36 u 38;

(f)

jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur Eżekuttiv;

(g)

jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu li jistgħu jipprovdu għat-twaqqif ta' sottokumitati tal-Bord Amminsitrattiv kif ikun meħtieġ;

(h)

jadotta l-proċeduri meħtieġa għat-twettiq mill-Aġenzija tal-kompiti tagħha.

Artikolu 24

Kompożizzjoni tal-Bord Amministrattiv

1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u sitt rappreżentanti tal-Kummissjoni. Kull Stat Membru għandu d-dritt jaħtar membru wieħed. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaħtru sostituti għal kull membru li jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu/tagħha.

2.   Il-membri tal-bord għandhom jinħatru abbażi tal-livell tagħhom ta' esperjenza rilevanti u għarfien fil-qasam ta' kontroll u spezzjoni tas-sajd.

3.   Il-mandat ta' kull membru għandu jkun ta' ħames snin mid-data tal-ħatra. Il-mandat jista’ jerġa' jiġi mġedded.

Artikolu 25

Presidenza tal-Bord Amministrattiv

1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jaħtar President minn fost ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni. Il-Bord Amministrattiv għandu jaħtar Deputat President minn fost il-membri tiegħu. Id-Deputat President għandu awtomatikament jieħu post il-President jekk hu/hi ma j/tkunx j/tista’ j/twettaq id-doveri tiegħu/tagħha.

2.   Il-mandati tal-President u tad-Deputat President għandhom ikunu ta’ tliet snin u għandhom jiskadu meta ma jibqgħux membri tal-Bord Ammistrattiv. Il-mandat tagħhom ikun rinovabbli darba.

Artikolu 26

Laqgħat

1.   Il-laqgħat tal-Bord Amministrattiv għandhom jiġu msejħa mill-President tiegħu. L-aġenda għandha tiġi determinata mill-President, li għandu jieħu kont tal-proposti tal-membri tal-Bord Amministrattiv u tad-Direttur Eżekuttiv ta’ l-Aġenzija.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv u r-rappreżentant maħtur mill-Bord Konsultattiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet mingħajr id-dritt għal vot.

3.   Il-Bord Amministrattiv għandu jagħmel laqgħa ordinarja mill-inqas darba fis-sena. Barra minn hekk, għandu jiltaqa’ fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ terz ta’ l-Istati Membri rappreżentati fuq il-Bord Amministrattiv.

4.   Meta jkun hemm kwistjoni ta’ kunfidenzjalità jew kunflitt ta’ interess, il-Bord Amministrattiv jista’ jiddeċiedi li jeżamina punti speċifiċi fl-aġenda tiegħu mingħajr il-presenza tar-rappreżentant maħtur mill-Bord Konsultattiv. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jistgħu jitqiegħdu fir-regoli tal-proċedura.

5.   Il-Bord Amministrattiv jista’ jistieden kwalunkwe persuna li l-fehma tagħha tista’ tkun ta’ interess biex tattendi l-laqgħat bħala osservatur.

6.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv jistgħu, soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, jkunu assistiti minn konsulenti jew esperti.

7.   Is-segretarjat tal-Bord Amministrattiv għandu jiġi pprovdut mill-Aġenzija.

Artikolu 27

Votazzjoni

1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta' maġġoranza assoluta tal-voti.

2.   Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Fl-assenza ta' xi membru, is-sostitut tiegħu/tagħha għandu jkun intitolat li jeżerċita d-dritt li jivvota.

3.   Ir-regoli ta' proċedura għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti ta' votazzjoni aktar dettaljati, b'mod partikolari, il-kondizzjonijiet għal membru biex jaġixxi għan-nom ta' membru ieħor kif ukoll kwalunkwe ħtiġa għal quorum, fejn xieraq.

Artikolu 28

Dikjarazzjoni ta’ interessi

1. Il-membri tal-Bord Amministrattiv għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta' interessi fejn juru jew in-nuqqas ta' kwalunkwe interess li jista' jippreġudika l-indipendenza tagħhom jew kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista' jiġi kkunsidrat li qed jippreġudika l-indipendenza tagħhom. Dawk id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru kull sena bil-miktub jew kull meta jista' jkun hemm konflitt ta' interess fir-rigward tal-punti ta' fuq l-aġenda. Fil-każ ta' l-aħħar il-membru kkonċernat m'għandux id-dritt li jivvota fuq kwalunkwe punt.

Artikolu 29

Dmirijiet u setgħat tad-Direttur Eżekuttiv

1.   L-Aġenzija għandha titmexxa mid-Direttur Eżekuttiv tagħha. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Bord Amministrattiv, id-Direttur Eżekuttiv m'għandux la jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet minn kwalunkwe gvern jew korp ieħor.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu/ha, fit-twettiq ta’ dmirijietu/ha, j/tagħti effett lill-prinċipji tal-politika komuni tas-sajd.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu d-drittijiet u s-setgħat li ġejjin:

(a)

għandu/ha j/tħejji l-abbozz tal-programm ta' ħidma u jippreżentah lill-Bord Amministrattiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri. Għandu/ha j/tieħu l-passi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma fi ħdan il-limiti stabbiliti minn dan ir-Regolament, ir-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu u kwalunkwe liġi applikabbli oħra;

(b)

għandu/ha j/tieħu l-passi meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta' struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta' avviżi, sabiex j/tiżgura l-orgnizzazzjoni u t-tħaddim ta' l-Aġenzija skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(ċ)

għandu/ha j/tieħu l-passi meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltajiet ta’ l-Aġenzija taħt il-Kapitoli II u III li jinkludu l-kiri u l-operat permezz ta’ mezzi ta’ kontroll u spezzjoni u t-tħaddim ta' network ta' informazzjoni;

(d)

għandu/ha j/twieġeb għal talbiet mill-Kummissjoni u talbiet għall-għajnuna minn Stat Membru, skond l-Artikoli 6, 7 u 15;

(e)

għandu/għandha j/torganizza sistema effettiva ta' monitoraġġ biex i/tkun j/tista' j/tqabbel il-kisbiet ta' l-Aġenzija ma' l-għanijiet operattivi tagħha. Fuq din il-bażi id-Direttur Eżekuttiv għandu jipprepara abbozz ta’ rapport ġenerali kull sena u jissottomettih lill-Bord Amministrattiv. Għandu/ha j/tistabbilixxi proċeduri ta’ evalwazzjoni regolari li jilħqu standards professjonali rikonoxxuti.

(f)

għandu/ha j/teżerċita, fir-rigward tal-persunal is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 19(2);

(g)

għandu/ha j/tfassal estimi tad-dħul u l-infiq ta' l-Aġenzija skond l-Artikolu 35 u għandu/ha j/timplimenta il-budget skond l-Artikolu 36.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu/ha j/tkun responsabbli mill-attivitajiet tiegħu/tagħha lill-Bord Amministrattiv.

Artikolu 30

Ħatra u Revoka tad-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord Amministrattiv, skond il-mertu u l-esperjenza rilevanti dokumentata fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd u l-kontroll u l-ispezzjoni ta' attivitajiet tas-sajd minn lista ta’ mill-inqas żewġ kandidati proposti mill-Kummissjoni wara proċedura ta’ għażla, wara li jkun deher avviż ta’ sejħa għall-espressjoni ta’ interess fuq il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, u xi mkien ieħor,

2.   Is-setgħa tar-revoka tan-nomina tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun f'idejn il-Bord Amministrattiv. Il-Bord għandu jiddelibera fuq dan il-punt fuq talba tal-Kummissjoni jew ta' terz tal-membri tagħha.

3.   Il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet taħt paragrafi 1 u 2 b'żewġ terzi tal-maġġoranza tal-membri.

4.   Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ ħames snin. Il-mandat jista' jiġi estiż darba għal ħames snin oħra fuq proposta tal-Kummissjoni u jkun approvat b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord Amministrattiv.

Artikolu 31

Il-Bord Konsultattiv

1.   Il-Bord Konsultattiv għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali previsti fl-Arikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru. 2371/2002, abbażi ta' rappreżentant wieħed maħtur minn kull Kunsill Reġjonali Konsultattiv. Ir-rappreżentanti jistgħu jiġu mibdula bis-sostitwiti, maħtura fl-istess ħin.

2.   Il-membri tal-Bord Konsultattiv ma jistgħux ikunu membri tal-Bord Amministrattiv.

Il-Bord Konsultattiv għandu jaħtar wieħed mill-membri tiegħu biex jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Bord Amministrattiv mingħajr id-dritt għal vot.

3.   Il-Bord Konsultattiv għandu fuq talba tad-Direttur Eżekuttiv jagħtih/a parir waqt it-twettiq ta' dmirijietu/ha taħt dan ir-Regolament.

4.   Il-Bord Konsultattiv għandu jkun presedut mid-Direttur Eżekuttiv. Għandu jiltaqa' fuq stedina tal-President mhux inqas minn darba fis-sena.

5.   L-Aġenzija għandha tipprovdi l-appoġġ loġistiku xieraq meħtieġ għall-Bord Konsultattiv u tipprovdi lis-Segretarjat għall-laqgħat tiegħu.

6.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord Konsultattiv.

Artikolu 32

Trasparenza u komunikazzjoni

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu, fi żmien sitt xhur mid-data ta’ l-ewwel laqgħa tiegħu, jadotta l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   L-Aġenzija tista' tikkomunika fuq inizjattiva tagħha stess fl-oqsma fi ħdan il-missjoni tagħha. Għandha tiżgura b'mod partikolari li l-pubbliku u kwalunkwe parti interessata jingħataw malajr tagħrif oġġettiv, affidabbli u li jiftiehem f’dak li għandu x’jaqsam max-xogħol tagħha.

4.   Il-Bord Amministrattiv għandu jistabbilixxi r-regoli interni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-paragrafu 3.

5.   Id-Deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jagħtu lok għall-preżentazzjoni ta’ ilment lill-Ombudsman jew ikunu s-suġġett ta’ azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat.

6.   L-informazzjoni miġbura skond dan ir-Regolament mill-Kummissjoni u l-Aġenzija għandha tkun soġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 33

Kunfidenzjalità

1.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv, id-Direttur Eżekuttiv u l-membri tal-persunal ta’ l-Aġenzija, anki wara li jkunu ntemmu d-dmirijiet tagħhom, għandhom ikunu soġġetti għall-ħtiġijiet ta’ kunfidenzjalità skond l-Artikolu 287 tat-Trattat.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu jistabbilixxi r-regoli interni dwar l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tal-ħtiġijiet tal-kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 34

Aċċess għal informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess sħiħ għall-informazzjoni kollha miġbura mill-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tagħti kwalunkwe informazzjoni u evalwazzjoni ta’ dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni meta din ta’ l-aħħar titlobha u fil-forma speċifikata minnha.

2.   L-Istati Membri konċernati b'operat partikolari ta' l-Aġenzija għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni miġbura mill-Aġenzija fir-rigward ta' tali operat soġġett għall-kondizzjonijiet li jistgħu jiġu stabbiliti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru. 2371/2002.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 35

Budget

1.   Id-dħul ta’ l-Aġenzija għandu jkun:

(a)

kontribut mill-Komunità mdaħħla fil-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea (sezzjoni tal-Kummissjoni);

(b)

ħlasijiet għal servizzi pprovduti mill-Aġenzija lill-Istati Membri skond l-Artikolu 6;

(ċ)

ħlasijiet għal pubblikazzjonijiet, taħriġ u/jew servizzi oħra pprovduti mill-Aġenzija;

2.   In-nefqa ta’ l-Aġenzija għandha tinkludi u l-ispejjeż tal-persunal u l-ispejjeż amministrattivi, infrastrutturali u operattivi.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta’ dikjarazzjoni ta’ l-estimi tad-dħul u l-infiq ta’ l-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara u għandu jgħaddih lill-Bord Amministrattiv, flimkien ma' abbozz ta’ pjan ta' stabbiliment.

4.   Għandu jkun hemm bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.

5.   Kull sena il-Bord Amministrattiv, abbażi ta’ abbozz ta’ dikjarazzjoni ta’ l-estimi tad-dħul u l-infiq, għandu joħroġ dikjarazzjoni ta’ l-estimi tad-dħul u l-infiq għall-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara.

6.   Din id-dikjarazzjoni ta' l-estimi, li għandha tinkludi abbozz ta' pjan għall-istabbiliment, flimkien mal-programm ta' ħidma proviżorju, għandu jgħaddi mill-Bord Amministrattiv lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu.

7.   Id-dikjarazzjoni ta' l-estimi għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (“l-awtorità tal-budget”) flimkien ma' l-abbozz preliminari ġenerali tal-budget ta' l-Unjoni Ewropea.

8.   Abbażi tad-dikjarazzjoni ta’ l-estimi, il-Kummissjoni, fl-abbozz preliminari tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, għandha tinkludi l-estimi li tqis meħtieġa għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jiġi inkluż fil-budget ġenerali, li għandha tpoġġi quddiem l-awtorità tal-budget skond l-Artikolu 272 tat-Trattat.

9.   L-awtorità tal-budget għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Aġenzija. L-awtorità tal-budget għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment għall-Aġenzija.

10.   Il-budget għandu jiġi adottat mill-Bord Amministrattiv. Hu għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-budget ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea. Fejn xieraq, għandu jiġi aġġustat b'dan il-mod.

11.   Il-Bord Amministrattiv għandu, kemm jista’ jkun malajr, javża l-awtorità tal-budget bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji notevoli għal finanzjament tal-budget, b’mod partikolari kwalunkwe proġett li għandu x’jaqsam ma’ proprjetà bħal kiri jew xiri ta’ bini. Hu għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan.

12.   Fejn parti mill-awtorità tal-budget avżat li għandha l-intenzjoni li toħroġ opinjoni, din għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Bord Amministrattiv fi żmien sitt ġimgħat mid-data ta' l-avviż dwar il-proġett.

Artikolu 36

Implimentazzjoni u kontroll tal-budget

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-budget ta' l-Aġenzija.

2.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal kontabbli ta' l-Aġenzija għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal kontabbli tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport dwar il-maniġġar tal-budget u dak finanzjarju għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal kontabbli tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji ta’ l-istituzzjonijiet u l-korpi deċentralizzati skond l-Artikolu 128 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (11) (ir-“Regolament Finazjarju”).

3.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal kontabbli tal-Kummissjoni għandu jgħaddi l-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni tal-budget u dik finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar l-amministrazzjoni tal-budget u dik finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja għandu wkoll jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Malli jirċievi l-osservazzjonijiat tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji ta’ l-Aġenzija, skond l-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija taħt ir-responsabbiltà tiegħu/tagħha u jgħaddihom lill-Bord Amministrattiv għal opinjoni.

5.   Il-Bord Amministrattiv għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali ta’ l-Aġenzija.

6.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju tas-sena ta' wara, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat il-kontijiet finali, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv, lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri.

7.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

8.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi funzjoni ta' verifika ta' kontijiet li trid titwettaq skond l-istandards internazzjonali rilevanti.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti ta’ l-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru. Hu/hi għandu jibgħat ukoll din it-tweġiba lill-Bord Amministrattiv.

10.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan ta' l-aħħar, kull tagħrif meħtieġ għall-applikazzjoni mingħajr xkiel tal-proċedura ta' l-approvazzjoni tas-sena finanzjarja in kwistjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju.

11.   Il-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill, għandu, qabel it-30 ta' April tat-tieni sena ta' wara, jagħti l-approvazzjoni lid-Direttur Eżekuttiv ta’ l-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-budget għas-sena in kwistjoni.

Artikolu 37

Ġlieda kontra l-frodi

1.   Għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 għandhom japplikaw mingħajr restrizzjoni għall-Aġenzija.

2.   L-Aġenzija għandha tidħol fil-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet interni ta' l-OLAF u għandha toħroġ, mingħajr dewmien, id-dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-persunal kollu tagħha.

3.   Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-istrumenti relatati magħhom għandhom jistipulaw espliċitament li l-Qorti ta' l-Awdituri u l-OLAF jistgħu jagħmlu, jekk meħtieġ, kontrolli fuq il-post fost dawk li jirċievu fondi ta’ l-Aġenzija u l-aġenti responsabbli li jallokawhom.

Artikolu 38

Dispożizzjonijiet finanzjarji

Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta r-regoli finanzjarji ta’ l-Aġenzija wara li jirċieva l-qbil tal-Kummissjoni u l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri. Dawn ma jistgħux ma jikkonformawx mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Kwadru Finanzjarju għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (12), sakemm mhuwiex meħtieġ speċifikament għall-operat ta’ l-Aġenzija u bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 39

Evalwazzjoni

1.   Fi żmien ħames snin mid-data li fiha l-Aġenzija bdiet taqdi dmirijietha, u minn hemm ‘il quddiem kull ħames snin, il-Bord Amministrattiv għandu jikkummissjona evalwazzjoni esterna indipendenti ta' l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Aġenzija kwalunkwe informazzjoni li l-Aġenzija tqis rilevanti għall-evalwazzjoni.

2.   Kull evalwazzjoni għandha tivvaluta l-impatt ta' dan ir-Regolament, l-utilità, ir-rilevanza u l-effikaċja ta' l-Aġenzija u l-prattiki tax-xogħol tagħha, u kemm tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ konformità mar-regoli li jkunu saru taħt il-politika komuni tas-sajd. Il-Bord Amministrattiv għandu joħroġ termini ta' riferenza speċifiċi bi qbil mal-Kummissjoni, wara l-konsultazzjonijiet mal-partijiet involuti.

3.   Il-Bord Amministrattiv għandu jirċievi l-evalwazzjoni u joħroġ rakkomandazzjonijiet dwar bidliet għal dan ir-Regolament, l-Aġenzija u l-prattiċi tax-xogħol tagħha lill-Kummissjoni. Kemm ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jingħataw lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-Kummissjoni u għandhom isiru pubbliċi.

Artikolu 40

Il-bidu ta’ l-attivitajiet ta’ l-Aġenzija

L-Aġenzija għandha tibda l-attivitajiet tagħha fi żmien tnax-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 41

Emenda

L-Artikolu 34ċ tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 34ċ

1.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 36(2) u flimkien ma' l-Istati Membri konċernati, liema attivitajiet tas-sajd li jinvolvu żewġ Stati Membri jew aktar għandhom ikunu soġġetti għall-programmi speċifiċi ta' kontroll u spezzjoni u għall-kondizzjonijiet li jirregolaw tali programmi.

Il-programmi speċifiċi ta’ kontroll u spezzjoni għandhom jiddeterminaw l-attivitajiet ta' sajd li jinvolvu żewġ Stati Membri jew aktar li huma soġġetti għall-programm u l-kundizzjonijiet li jirregolaw tali attivitajiet tas-sajd.

Kull programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiddikjara l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-proċeduri b'għan komuni kif ukoll il-livelli għall-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni, ir-riżultati mistennija tal-miżuri speċifikati u l-istrateġija meħtieġa biex jiġi żgurat li l-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni huma kemm jista’ jkun uniformi, effettivi u ekonomiċi. Kull programm għandu jidentifika l-Istati Membri konċernati.

Programmi speċifiċi ta' kontroll u spezzjoni ma jistgħux idumu aktar minn tliet snin jew kwalunkwe perijodu stabbilit għal dan il-għan fi pjan ta' rkupru adottat skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd taħt il-politika komuni tas-sajd jew pjan ta' mmaniġġar adottat skond l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament (*).

Programmi speċifiċi ta’ kontroll u spezzjoni għandhom ikunu implimentati mill-Istati Membri konċernati abbażi ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti stabbiliti taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tal-26 ta' April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja ta’ Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd (**).

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkontrolla u tevalwa r-rendiment ta' kull programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni u għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skond l-Artikolu 27 (4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

Artikolu 42

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussel, 26 ta' April 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

F. BODEN


(1)  Opinjoni tat-23.2.2005.

(2)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(3)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru. 1954/2003 (ĠU L 289, 7.11.2003, p. 1).

(4)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(6)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(7)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(9)  ĠU L 56, 4/3/1968, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE, Euratom) Nru. 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1).

(10)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385.

(11)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(12)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.