|
6.10.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
343 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 738/2005
tat-13 ta' Mejju 2005
li jemenda r-Regolament (KE) 1040/2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ l-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-kontroll tas-saħħa tal-pjanti u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 2051/97
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar miżuri ta' ħarsien kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta' organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti, kif ukoll kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b'mod partikolari il-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 23 (5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1040/2002 (2) ikopri in-nefqa relatata direttament mal-miżuri meħtieġa li diġà ttieħdu jew li huma ppjanati bil-għan li jiġġieldu lill- organiżmi li jagħmlu l-ħsara li ddaħħlu minn pajjiżi terzi u minn żoni oħra fil-Komunità, sabiex jinqerdu, u jekk dan mhux possibbli jitwaqqfu milli jinxterdu. |
|
(2) |
Skond l-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja m’għandha tingħata sakemm l-ammont totali tan-nefqa eliġibbli kull sena ma jilħaqx il-limitu ta’ 50 000 EUR. |
|
(3) |
L-esperjenza wriet li d-dokumenti mressqa mill-Istati Membri ġeneralment jilħqu l-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1040/2002, minbarra l-ħtieġa li tirrigwarda l-ammont minimu tan-nefqa eliġibbli kull sena. Fil-fatt, f’ċertu każi, speċjalment fl-Istati Membri fejn parti żgħira biss tat-territorju nazzjonali huwa wżat għall-agrikoltura u fejn, konsegwentement, jintnefaq inqas għall-kontroll tat-tifqigħat ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara, l-ammont tan-nefqa eliġibbli kien taħt il-limitu ta' EUR 50 000 fis-sena. |
|
(4) |
Għalhekk, għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għad-dokumenti fejn l-ammont ta’ infiq eliġibbli fis-sena huwa ħafna inqas minn EUR 50 000. |
|
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1040/2002 għandu għalhekk ikun emendat skond dan. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 4(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1040/2002, it-tielet sentenza hija mibdula b'dan li ġej:
“Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità mhux se tingħata fejn l-ammont totali ta’ l-infiq eliġibbli fis-sena, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1), huwa inqas minn EUR 25 000”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika b'effett mill-1 ta' Jannar 2005.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, nhar it-13 ta' Mejju 2005.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/16/KE (ĠU L 57, 3.3.2005, p. 19).