15.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

222


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 651/2005

tat-28 ta' April 2005

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 60/2004 li jistabbilixxi miżuri transitorji fis-settur taz-zokkor bħala riżultat tad-dħul tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, partikolarment l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 41 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-Sezzjoni 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 60/2004 (1) tistabbilixxi l-miżuri tranżitorji sabiex tiġi evitata l-ispekulazzjoni fis-settur taz-zokkor minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (“l-Istati Membri l-ġodda”) fl-Unjoni Ewropea. Dik is-Sezzjoni tispeċifika numru ta’ skadenzi li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda ta’ zokkor, l-eliminazzjoni tagħhom kif ukoll il-prova rispettiva li trid tiġi fornuta jew mill-operatur responsabbli jew mill-Istat Membru l-ġdid ikkonċernat. Din tiffissa wkoll il-perjodi għall-valuri li jridu jintużaw għall-kalkolu ta’ taxxi għall-operaturi u għall-Istati Membri l-ġodda f’każ li l-kwantitajiet żejda ma jiġux eliminati.

(2)

Minħabba d-dewmien sabiex tasal l-informazzjoni addizzjonali dwar il-kwantitajiet żejda fl-Istati Membri l-ġodda u ż-żmien meħtieġ għall-analiżi dettaljata ta’ dik l-informazzjoni u għad-diskussjoni mal-Istati Membri kkonċernati, ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tiddetermina l-kwantitajiet żejda ta’ zokkor sal-31 ta’ Ottubru 2004, kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 60/2004.

(3)

L-iskadenzi ffissati bir-Regolament (KE) Nru 60/2004 jeħtieġ jiġu aġġustati kif jixraq u sakemm dan huwa possibbli, minħabba l-ħtieġa li l-informazzjoni li tkun ġejja mill-eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda tintuża għad-determinazzjoni tat-taxxi tal-produzzjoni għas-sena tas-suq 2004/2005 qabel il-15 ta’ Ottubru 2005 kif ukoll għad-deċiżjoni rigward id-deklassifikazzjoni tal-kwota qabel l-1 ta’ Ottubru 2005.

(4)

Minħabba l-konsegwenzi finanzjarji potenzjalment importanti li Stat Membru ġdid jista’ jiffaċċja f’każ li z-zokkor żejjed tiegħu ma jiġix eliminat kif xieraq, ikun ġustifikat li l-perjodu għall-ħlas tat-taxxi dovuti mill-Istati Membri l-ġodda jiġi estiż għal erba’ snin.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 60/2004 għandu, għalhekk, jiġi emendat kif xieraq.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni taz-Zokkor,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 60/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6 qed ikun emendat kif ġej:

(a)

L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tiddetermina sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2005, għal kull Stat Membru ġdid, b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001, il-kwantità ta’ zokkor bħala tali jew fi prodotti pproċessati, iżoglukożju u fruttożju li teċċedi l-kwantità kkunsidrata bħala trasferiment normali ta’ stokk fl-1 ta’ Mejju 2004, u li din għandha titneħħa mis-suq bi spejjeż tal-Istati Membri l-ġodda.”

(b)

Il-frażi introduttorja tal-paragrafu 2 tinbidel b’dan li ġej:

“L-Istat Membru l-ġdid ikkonċernat għandu jiżgura t-tneħħija mis-suq ta’ kwantità ta’ zokkor jew ta’ iżoglukożju, mingħajr l-intervent tal-Komunità, li tkun ugwali għall-kwantità żejda msemmija fil-paragrafu 1, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2005:”

(c)

It-tieni u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu 3 jinbidlu b’dan li ġej:

“L-Istat Membru l-ġdid għandu juża dik is-sistema sabiex iġiegħel lill-operaturi kkonċernati jneħħu mis-suq, u bi spejjeż għalihom, kwantità ekwivalenti ta’ zokkor jew iżoglukożju mill-kwantità żejda individwali tagħhom li tkun ġiet determinata. L-operaturi kkonċernati għandhom jag]tu prova, għas-sodisfazzjon tal-Istat Membru l-ġdid, li l-prodotti tneħħew mis-suq sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2005.

F’każ li din il-prova ma tingħatax, l-Istat Membru l-ġdid għandu jimponi l-ħlas ta’ ammont li jkun ugwali għall-kwantità kkonċernata, immultiplikat bl-ogħla taxxi tal-importazzjoni li japplikaw għall-prodott konċernat matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ Novembru 2005, miżjud b’EUR 1,21/100 kg f’ekwivalenti ta’ zokkor abjad jew materja niexfa.”

(d)

Il-frażi introduttorja tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tinbidel b’dan li ġej:

“Meta z-zokkor jew l-iżoglukożju jitneħħew b’mod konformi mal-paragrafu 2(a), l-operaturi kkonċernati għandhom jagħtu prova tal-esportazzjoni sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar 2006 billi jippreżentaw:”

(e)

Ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“Il-liċenzja tal-esportazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun valida mid-data tal-ħruġ tagħha sat-30 ta’ Novembru 2005.”

(2)

L-Artikolu 7 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Il-prova tat-tneħħija mill-Istati Membri l-ġodda

1.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2006, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jagħtu prova lill-Kummissjoni li l-kwantità żejda msemmija fl-Artikolu 6(1) tneħħiet mis-suq b’mod konformi mal-Artikolu 6(2) u jispeċifikaw għal kull metodu l-kwantità eliminata.

2.   F’każ li l-prova tat-tneħħija mis-suq ma tingħatax skond il-paragrafu 1, għal parti minn jew inkella għall-kwantità żejda kollha, l-Istat Membru l-ġdid jkollu jħallas ammont ugwali għall-kwantità mhux eliminata, li jiġi mmultiplikat bl-ogħla rifużjonijiet tal-esportazzjoni li japplikaw għaz-zokkor abjad li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 1701 99 10 matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ Novembru 2005. Sehem ugwali għal 25 % tal-ammont totali jingħata għall-baġit tal-Komunità sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru ta’ kull waħda mis-snin li ġejjin, 2006, 2007, 2008 u 2009. L-ammont totali jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tat-taxxi tal-produzzjoni għas-sena finanzjarja ta’ bejgħ 2004/2005.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 28 ta' April 2005.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 9, 15.1.2004, p. 8.