6.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

156


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 306/2005

ta' l-24 ta' Frar 2005

li jemenda Anness I għar-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura fil-Komunità

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2003 dwar il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura fil-Komunità (1), u l-aktar l-Artikolu 2(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Anness I għar-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill isemmi l-metodoloġija tal-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura fil-Komunità (minn hawnhekk ‘il quddiem imsemmija bħala “il-metodoloġija tal-KEA”). Paragrafi 3.056 u 3.064 ta’ dak l-Anness jsemmu eżempji, ta’, rispettivament, sussidji fuq prodotti u sussidji oħra fuq produzzjoni, b’referenza għal linji speċifiċi tal-baġit. Uħud minn dawk ir-referenzi m’għadhomx aktar validi, u hemm bżonn li ż-żewġ paragrafi jiġu aġġornati.

(2)

Il-Kummissjoni ntgħażlet għall-funzjoni ta’ l-aġġornament tal-metodoloġija tal-KEA.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 għalhekk għandu jkun emendat skond dan.

(4)

Il-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Istatistika ta’ l-Agrikoltura, imwaqqaf mid-Deċiżjoni 72/279/KEE (2),

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Anness I għar-Regolament (KE) Nru 138/2004 hu emendat kif jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ser jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar il-24 ta' Frar 2005.

Għall-Kummissjoni

Joaquin ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 33, 5.2.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 179, 7.8.1972, p. 1.


ANNESS

Anness I għar-Regolament (KE) Nru 138/2004 hu emendat kif ġej:

(1)

Paragrafu 3.056 hu mibdul b’dan li ġej:

“3.056.

Il-metodu ta’ valutazzjoni tal-produzzjoni bi prezzijiet bażiċi jeħtieġ distinzjoni fundamentali bejn sussidji fuq prodotti u sussidji oħra fuq produzzjoni. Sussidji fuq prodotti agrikoli (1) jistgħu jitħallsu kemm lil produtturi agrikoli jew lil operaturi ekonomiċi oħra. Sussidji fuq prodotti li jitħallsu lil produtturi agrikoli biss jiżdiedu mal-prezz tas-suq li jirċievu produtturi biex jiksbu l-prezz bażiku. Sussidji fuq prodotti agrikoli mħallsa lil operaturi ekonomiċi għajr għal produtturi agrikoli ma jiġux inklużi fil-KEA.

(1)  Sussidji fuq prodotti agrikoli mħallsa lil produtturi agrikoli jinkludu kull sussidju f’forma ta’ ħlas ta’ żbilanċ lil detenturi (jiġifieri f’każi fejn gvern ġenerali iħallas lill-produtturi ta’ prodotti agrikoli d-differenza bejn il-prezzijiet tas-suq medju u l-prezzijiet ta’ garanzija tal-prodotti agrikoli).”"

(2)

Paragrafu 3.064 hu mibdul b’dan li ġej:

“3.064.

Fil-każ ta’ l-agrikoltura, l-aktar tipi importanti ta’ sussidji oħra marbuta mal-produzzjoni huma:

sussidji fuq pagi u salarji,

għotjiet għal eżenzjonijiet fuq imgħaxx (cf. ESA 95, 4.37(c)) magħmula lil unitajiet produtturi residenti, anki meta huma maħsuba biex jinkoraġġixxu l-formazzjoni ta’ kapital (2). Fil-fatt, dawn huma trasferimenti ta’ flus kurrenti maħsuba biex inaqqsu l-ispejjeż operattivi. Huma kkunsidrati fil-kontijiet bħala sussidji lill-produtturi li jibbenefikaw minnnhom, anki meta d-differenza fl-imgħaxx hi prattikament imħallsa direttament mill-gvern lill-istituzzjoni ta’ kreditu li tkun qed tagħmel is-self (permezz ta’ deroga mill-kriterju tal-ħlas),

kumpens żejjed tat-taxxa fuq il-valur miżjud li rriżultat mill-applikazzjoni tas-sistemi ta’ rata bażi (cf. 3.041 u 3.042),

it-teħid ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u taxxi fuq il-propjetà ta’ beni immobbli,

it-teħid ta’ spejjeż oħra bħal għajnuna għal ħażna privata ta’ nbid u most ta’ l-għeneb u l-ħażna mill-ġdid ta’ nbejjed tal-mejda (sakemm il-ħażniet huma proprjetà ta’ unità agrikola),

sussidji oħra diversi fuq produzzjoni:

għotjiet għal art mhux maħduma (art mhux maħduma ta’ bilfors marbuta ma’ għotjiet fuq bażi ta’ ejkers jew mhux maħduma volontarjament),

kumpens finanzjarju għat-tneħħija ta’ frott frisk u ħaxix għas-suq. Dawn il-ħlasijiet isiru ta’ sikwit lil gruppi ta’ produtturi tas-suq, u għandhom ikunu kkunsidrati bħala sussidji għall-agrikoltura, ladarba huma kumpens dirett għal telf ta’ produzzjoni,

primjums fuq bhejjem għal ħlas ta’ pretensjonijiet skond l-istaġun (deseasonalisation) u estensifikazzjoni,

għotjiet għal produzzjoni agrikoli f’żoni mhux daqstant iffavoriti u/jew fil-muntanji,

għotjiet oħra maħsuba biex jinfluwenzaw metodi ta’ produzzjoni (estensifikazzjoni, metodi ta’ teknika maħsuba biex jitnaqqas it-tniġġiż, eċċ.),

ammonti mħallsa lil detenturi bħala kumpens għal telfiet rikorrenti ta’ oġġetti f’inventarji bħal prodotti ta’ uċuh tar-raba’ jew bhejjem li huma kkunsidrati bħala xogħol li għadu għaddej u msaġar sakemm dawn għadhom f’perjodu ta’ tkabbir (cf. 2.040 sa 2.045). Min-naħa l-oħra, trasferimenti bħala kumpens għal telf ta’ oġġetti f’inventarji u/jew imsaġar użati bħala fatturi ta’ produzzjoni huma rreġistrati bħala trasferimenti ta’ kapital oħra fil-kont kapitali.

(2)  Madankollu, meta għotja tkun kemm qed tiffinanzja l-ammortizzazzjoni tad-dejn u l-ħlas ta’ l-interessi fuqu, u meta mhux possibli li tqassamha bejn iż-żewġ elementi, l-għotja kollha tiġi kkunsidrata bħala għotja ta’ investiment.”"