3.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

15


ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2005/71/KE

tat-12 ta' Ottubru 2005

dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka xjentifika

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 63(3)(a) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Billi:

1.

Bil-ħsieb li l-politika Ewropea dwar ir-riċerka tiġi kkonsolidata u mogħtija struttura, il-Kummissjoni ħasset il-ħtieġa f'Jannar ta' l-2000 li titwaqqaf Żona Ewropea għar-Riċerka bħala l-fus ta' l-azzjoni futura tal-Komunità f'dan il-qasam.

2.

Ma' l-approvazzjoni tiegħu taż-Żona Ewropea għar-Riċerka, il-Kunsill Ewropew ta' Liżbona f'Marzu tas-sena 2000 iddikjara bħala għan tal-Komunità li l-ekonomija tkun imsejsa fuq konoxxenza iktar kompetittiva u dinamika fid-dinja sa l-2010.

3.

Il-globalizzazzjoni ta' l-ekonomija tirrikjedi mobbiltà ikbar ta' riċerkaturi, ħaġa li ġiet rikonoxxuta mis-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea (4) meta din fetħet il-programmi tagħha iktar għar-riċerkaturi ta' pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.

4.

In-numru ta' riċerkaturi li l-Komunità sejra jkollha bżonn sa l-2010 sabiex tilħaq il-mira stabbilita mill-Kunsill Ewropew ta' Barċellona f'Marzu tas-sena 2000 li tinvesti 3 % tal-PGD fir-riċerka huwa stmat bħala 700 000. Din il-mira għandha tintlaħaq permezz ta' sensiela ta' miżuri li jorbtu ma' xulxin, bħat-tisħiħ ta' l-attrazzjoni tal-karrieri xjentifiċi għaż-żgħażagħ, il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riċerka xjentifika, it-tkabbir ta' l-opportunitajiet għat-taħriġ u l-mobbiltà fir-riċerka, it-titjib tal-prospetti ta' karrieri għar-riċerkaturi fi ħdan il-Komunità u l-ftuħ tal-Komunità għal ċittadini minn pajjiżi terzi li jistgħu jitħallew jidħlu għall-finijiet ta' riċerka.

5.

Din id-Direttiva għanha l-ħsieb li tikkontribwixxi għall-kisba ta' dawn l-għanijiet billi jitkattru l-ammissjonijiet u l-mobbiltà, għall-finijiet ta' riċerka, ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal waqfiet ta' iktar minn tliet xhur, sabiex il-Komunità ssir iktar attraenti għar-riċerkaturi minn madwar id-dinja u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala ċentru internazzjonali għar-riċerka.

6.

L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandhiex tinkoraġġixxi xi effluss ta' mħuħ minn pajjiżi emerġenti jew li qegħdin jiżviluppaw. Għandhom jittieħdu miżuri ta' appoġġ li jsostnu l-integrazzjoni mill-ġdid ta' riċerkaturi fil-pajjiżi ta' l-oriġini tagħhom kif ukoll il-moviment ta' riċerkaturi fi sħubija mal-pajjiżi ta' l-oriġini bil-ħsieb li titwaqqaf politika ta' migrazzjoni komprensiva.

7.

Huwa importanti wkoll, għall-kisba ta' l-għanijiet tal-proċess ta' Liżbona, it-tkattir tal-mobbiltà fi ħdan l-Unjoni ta' riċerkaturi li huma ċittadini ta' l-UE, partikolarment riċerkaturi li ġejjin mill-Istati li saru Membri fl-2004, għall-finijiet ta' riċerka xjentifika.

8.

Minħabba t-trasparenza imposta mill-bidliet fl-ekonomija dinjija u l-ħtiġijiet eventwali sabiex tintlaħaq il-mira ta' 3 % tal-PGD għall-investiment fir-riċerka, għandhom jiġu definiti fuq linji ġenerali r-riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jkunu potenzjalment eliġibbli taħt din id-Direttiva skond il-kwalifiki tagħhom u l-proġett ta' riċerka li għalih ikunu qed jaħsbu li jwettqu.

9.

Billi l-isforz li għandu jsir sabiex tintlaħaq l-imsemmija mira ta' 3 % jikkonċerna l-aktar lis-settur privat, li għandu għalhekk jirrekluta iżjed riċerkaturi fis-snin li ġejjin, l-organizzazzjonijiet għar-riċerka li potenzjalment ikunu eliġibbli taħt din id-Direttiva jappartjenu għassetturi kemm pubbliċi u privati.

10.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-iżjed informazzjoni komprensiva possibbli, li tinżamm aġġornata b'mod regolari, tkun disponibbli għall-pubbliku, b'mod partikolari permezz ta' l-internet, dwar l-organizzazzjonijiet għar-riċerka, approvati taħt din id-Direttiva, li magħhom ir-riċerkaturi jistgħu jikkonkludu ftehim ta' akkoljenza, u dwar il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għad-dħul u r-residenza fit-territorju tiegħu għall-finijiet tar-riċerka, kif adottati taħt din id-Direttiva.

11.

Huwa xieraq li teħfief l-ammissjoni ta' riċerkaturi billi titwaqqaf proċedura ta' ammissjoni li ma tiddependix fuq ir-relazzjoni legali ma' l-organizzazzjoni għar-riċerka ospitanti u ma jkunx meħtieġ iktar permess tax-xogħol minbarra l-permess ta' residenza. L-Istati Membri jistgħu japplikaw regoli simili għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jitolbu l-ammissjoni għall-finijiet ta' xogħol bħala għalliema fi stabbiliment ta' edukazzjoni għolja skond il-liġi jew il-prattika amministrattiva nazzjonali, fil-kuntest ta' proġett għar-riċerka.

12.

Fl-istess waqt, għandhom jinżammu l-modi ta' ammissjoni tradizzjonali (bħall-impjiegi u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol), speċjalment għal studenti dottorali li jwettqu riċerka bħala studenti, li għandhom jiġu esklużi mill-ambitu ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u huma koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' studji, skambju ta' studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju (5).

13.

Il-proċedura speċifika għar-riċerkaturi hija bbażata fuq il-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet għar-riċerka u l-awtoritajiet ta' l-immigrazzjoni fl-Istati Membri: hija tagħti lil ta' l-ewwel irwol ċentrali fil-proċedura ta' ammissjoni bil-ħsieb li jeħfiefu u jitħaffu d-dħul u r-residenza ta' riċerkaturi minn pajjiżi terzi fil-Komunità waqt li jiġu preservati l-prerogattivi ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-kontroll ta' l-immigrazzjoni.

14.

L-organizzazzjonijiet ta' riċerka approvati minn qabel mill-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiffirmaw ftehim ta' akkoljenza ma' ċittadin ta' pajjiż terz għall-finijiet tat-twettiq ta' proġett ta' riċerka. L-Istati Membri joħorġu permess ta' residenza abbażi tal-ftehim ta' akkoljenza jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza.

15.

Sabiex il-Komunità tkun iktar attraenti għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi, għandhom jingħataw tul il-perjodu tal-waqfa tagħhom, l-istess drittijiet soċjali u ekonomiċi bħal dawk ta' ċittadini ta' l-Istat Membru ospitanti f'numru ta' oqsma u l-possibbiltà li jgħallmu fi stabbilimenti ta' edukazzjoni għolja.

16.

Din id-Direttiva tinvolvi titjib ulterjuri importanti ħafna fil-qasam tas-sigurtà soċjali billi l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni japplika wkoll b'mod dirett għal persuni li deħlin fi Stat Membru direttament minn pajjiż terz. Minkejja dan, din id-Direttiva m'għandhiex tagħti iżjed drittijiet minn dawk diġà previsti fil-liġi Komunitarja eżistenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom elementi transkonfinali bejn Stati Membri. Barra minn hekk, din id-Direttiva m'għandhiex tagħti drittijiet fir-rigward ta' sitwazzjonijiet li jaqgħu barra mill-ambitu ta' applikazzjoni tal-liġi Komunitarja bħal, per eżempju, membri tal-familja li jirrisjedu f'pajjiż terz.

17.

Huwa importanti li titħeġġeġ il-mobbiltà ta' ċittadini ta' pajjiż terz ammessi għall-finijiet ta' twettiq ta' riċerka xjentifika bħala mezz ta' żvilupp u konsolidament ta' kuntatti u retikolati bejn l-imsieħba u ta' twaqqif ta' l-irwol taż-Żona Ewropea għar-Riċerka (ERA) fuq livell dinji. Ir-riċerkaturi għandhom ikunu jistgħu igawdu mill-mobbiltà taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn din id-Direttiva. Il-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-mobbiltà taħt din id-Direttiva ma għandhomx jolqtu r-regoli li attwalment jirregolaw ir-rikonoxximent tal-validità tad-dokumenti ta' l-ivjaġġar.

18.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-bżonn li tiġi aġevolata u sostnuta l-preservazzjoni ta' l-unità tal-familja tar-riċerkatur, skond ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2005 sabiex teħfief l-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex iwettqu riċerka xjentifika fil-Komunità Ewropea (6).

19.

Sabiex tiġi preservata l-unità tal-familja u ssir possibbli l-mobbiltà, il-membri tal-familja għandhom ikunu jistgħu jingħaqdu mar-riċerkatur fi Stat Membru ieħor taħt il-kondizzjonijiet determinati mil-liġi nazzjonali ta' tali Stat Membru, inklużi l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn ftehim bilaterali jew multilaterali.

20.

Id-detenturi ta' permessi ta' residenza għandhom jitħallew jippreżentaw applikazzjoni għall-ammissjoni waqt li jibqgħu fuq it-territorju ta' l-Istat Membru konċernat.

21.

L-Istati Membri għanu jkollhom il-jedd li jesiġu mill-applikanti l-ispejjeż għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għal permessi ta' residenza.

22.

Din id-Direttiva m'għandha fl-ebda ċirkustanza tolqot l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz (7).

23.

L-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-introduzzjoni ta' proċedura speċjali ta' ammissjoni u l-adozzjoni ta' kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza applikabbli għal ċittadini ta' pajjiżi terzi għal waqfiet ta' iktar minn tliet xhur fl-Istati Membri għall-finijiet tat-twettiq ta' proġett ta' riċerka taħt ftehim ta' akkoljenza ma' xi organizzazzjoni ta' riċerka, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri, speċjalment fir-rigward tal-kisba tal-mobbiltà bejn l-Istati Membri, u jistgħu għalhekk jinkisbu aħjar mill-Komunità. Il-Komunità għalhekk għandha l-jedd li tieħu miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà mwaqqaf fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

24.

L-Istati Membri għandhom jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew oħra, sħubija f'xi minoranza nazzjonali, fortuna, twelid, diżabbiltajiet, età jew orjentazzjoni sesswali.

25.

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikulari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

26.

Konformement mal-paragrafu 34 tal-ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, l-Istati Membri ser ikunu mħeġġa jfasslu u jagħmlu pubbliċi, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, l-iskedi tagħhom li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni.

27.

Konformement ma' l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, l-Irlanda, permezz ta' ittra ta' l-1 ta' Lulju 2004, għarraf ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

28.

Konformement ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi, ir-Renju Unit ma jipparteċipax fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhuwiex marbut jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

29.

Konformement ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u għalhekk mhijiex marbuta jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Il-Fini

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-ammissjoni ta' riċerkaturi minn pajjiżi terzi fl-Istati Membri għal iktar minn tliet xhur għall-finijiet tat-twettiq ta' proġett ta' riċerka taħt ftehim ta' akkoljenza ma' organizzazzjoni ta' riċerka.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a)

“ċittadin ta' pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin ta' l-Unjoni fis-sens ta' l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

(b)

“riċerka” tfisser xogħol kreattiv eżegwit fuq bażi sistematika sabiex jiżdied l-għarfien, inkluża l-konoxxenza dwar il-bniedem, il-kultura u s-soċjetà, u l-użu ta' dan l-għarfien sabiex jiġu żviluppati applikazzjonijiet ġodda;

(ċ)

“organizzazzjoni ta' riċerka” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata li twettaq riċerka u li ġiet approvata għall-finijiet ta' din id-Direttiva minn Stat Membru skond il-liġi u l-prattika amministrattiva ta' dan ta' l-aħħar;

(d)

“riċerkatur” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li jkollu kwalifika ta' edukazzjoni għolja adegwata, li tagħti aċċess għal programmi dottorali, li jiġi magħżul minn organizzazzjoni ta' riċerka għat-twettiq ta' proġett ta' riċerka li għalih tkun normalment meħtieġa il-kwalifika msemmija fuq;

(e)

“permess ta' residenza” tfisser kwalunkwe awtorizzazzjoni li tindika fuqha stess it-terminu “riċerkatur” maħruġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, li tippermetti lil ċittadin ta' stat terz jibqa' legalment fit-territorju tiegħu, skond l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002.

L-Artikolu 3

Ambitu ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw sabiex jiġu ammessi fit-territorju ta' Stat Membru għall-fini li jwettqu proġett ta' riċerka.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

(a)

ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqgħodu fi Stat Membru bħala applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew taħt skemi ta' protezzjoni temporanji;

(b)

ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw sabiex jirrisjedu fi Stat Membru bħala studenti fis-sens tad-Direttiva 2004/114/KE sabiex iwettqu riċerka li twassal għal dottorat;

(ċ)

ċittadini ta' pajjiżi terzi li t-tkeċċija tagħhom ġiet sospiża għal raġunijiet ta' fatt jew ta' liġi;

(d)

riċerkaturi sekondati minn organizzazzjoni ta' riċerka għal organizzazzjoni ta' riċerka oħra fi Stat Membru ieħor.

L-Artikolu 4

Dispożizzjonijiet iktar favorevoli

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli ta':

(a)

kull ftehim bilaterali jew multilaterali konkluż bejn il-Komunità jew bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u wieħed jew iktar pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra;

(b)

kull ftehim bilaterali jew multilaterali konkluż bejn wieħed jew iżjed Stati Membri u wieħed jew iżjed pajjiżi terzi.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tolqot il-jedd ta' Stati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għal persuni li għalihom hija tapplika.

IL-KAPITOLU II

ORGANIZZAZZJONIJIET TA' RIĊERKA

L-Artikolu 5

Approvazzjoni

1.   Kwalunkwe organizzazzjoni ta' riċerka li tixtieq tospita riċerkatur taħt il-proċedura ta' ammissjoni stabbilita f'din id-Direttiva għandha l-ewwel tiġi approvata għal dak il-għan mill-Istat Membru konċernat.

2.   L-approvazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' riċerka għandha tikkonforma mal-proċeduri stabbiliti fil-liġi jew prattika amministrattiva nazzjonali ta' l-Istati Membri. L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni li jsiru minn organizzazzjonijiet kemm pubbliċi kif ukoll privati għandhom isiru skond dawk il-proċeduri u għandhom ikunu bbażati fuq il-kompiti statutorji jew finijiet korporattivi tagħhom, skond il-każ, u fuq il-prova li jwettqu riċerka.

L-approvazzjoni mogħtija lil organizzazzjoni ta' riċerka għandha tkun għal perjodu minimu ta' ħames snin. F'każijiet eċċezzjonali, l-Istati Membri jistgħu jagħtu approvazzjoni għal perjodu iqsar.

3.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu, skond il-liġi nazzjonali, l-impenn bil-miktub ta' l-organizzazzjoni ta' riċerka li f'każijiet fejn riċerkatur jibqa' llegalment fit-territorju ta' l-Istat Membru konċernat, l-organizzazzjoni msemmija tkun responsabbli għar-rimbors ta' l-ispejjeż relatati mas-soġġorn u r-ritorn tiegħu li jkunu tħallsu mill-fondi pubbliċi. Ir-responsabbiltà finanzjarja ta' l-organizzazzjoni ta' riċerka għandha tintemm l-iktar tard 6 xhur wara t-terminazzjoni tal-ftehim ta' akkoljenza.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li, fi żmien xahrejn mid-data ta' l-iskadenza tal-ftehim konċernat ta' akkoljenza, l-organizzazzjoni approvata għandha tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti, magħżula għal dak il-għan mill-Istati Membri, konferma li x-xogħol ġie mwettaq għal kull wieħed mill-proġetti ta' riċerka li fir-rigward tagħhom ġie ffirmat ftehim ta' akkoljenza skond l-Artikolu 6.

5.   L-awtoritajiet kompetenti f'kull Stat Membru għandhom jippubblikaw u jaġġornaw regolarment elenki ta' l-organizzazzjonijiet ta' riċerka approvati għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw fil-liġijiet nazzjonali tagħhom il-konsegwenzi ta' l-irtirar ta' l-approvazzjoni jew tar-rifjut li tiġi mġedda l-approvazzjoni għal kull ftehim ta' akkoljenza eżistenti, konkluż skond l-Artikolu 6, kif ukoll il-konsegwenzi għall-permessi ta' residenza tar-riċerkaturi konċernati.

7.   L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw fil-liġijiet nazzjonali tagħhom il-konsegwenzi ta' l-irtirar ta' l-approvazzjoni jew tar-rifjut li tiġi mġedda l-approvazzjoni għal kull ftehim ta' akkoljenza eżistenti, konkluż skond l-Artikolu 6, kif ukoll il-konsegwenzi għall-permessi ta' residenza tar-riċerkaturi konċernati.

L-Artikolu 6

Ftehim ta' akkoljenza

1.   Organizzazzjoni ta' riċerka li tixtieq tospita riċerkatur għandha tiffirma ftehim ta' akkoljenza ma' dan ta' l-aħħar li permezz tiegħu r-riċerkatur jimpenja ruħu li jlesti l-proġett ta' riċerka u l-organizzazzjoni timpenja ruħha li tospita r-riċerkatur għal dak l-għan mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7.

2.   Organizzazzjonijiet ta' riċerka jistgħu jiffirmaw ftehim ta' akkoljenza biss jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-proġett ta' riċerka jkun ġie aċċettat mill-awtoritajiet rilevanti ta' l-organizzazzjoni, wara li ssir verifika ta' dawn li ġejjin:

(i)

il-fini u d-dewmien tar-riċerka, u d-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex titwettaq;

(ii)

il-kwalifiki tar-riċerkatur fid-dawl ta' l-għanijiet tar-riċerka, kif ċertifikati minn kopja awtentikata tal-kwalifika tiegħu/tagħha skond l-Artikolu 2(d);

(b)

tul il-waqfa tiegħu, ir-riċerkatur ikollu riżorsi suffiċjenti kull xahar sabiex ilaħħaq ma' l-ispejjeż tiegħu, inklużi l-ispejjeż tar-ritorn, skond l-ammont minimu ppubblikat għal dak l-għan mill-Istat Membru, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta' assistenza soċjali ta' l-Istat Membru;

(ċ)

tul il-waqfa tiegħu, ir-riċerkatur ikun kopert minn assigurazzjoni għall-mard u r-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini ta' l-Istat Membru konċernat.

(d)

il-ftehim ta' akkoljenza jispeċifika r-relazzjoni legali u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tar-riċerkaturi.

3.   Ladarba jiġi ffirmat il-ftehim ta' akkoljenza, l-organizzazzjoni ta' riċerka tista' tiġi mitluba, skond il-liġi nazzjonali, li tipprovdi r-riċerkatur b'dikjarazzjoni individwali li r-responsabbilità finanzjarja għall-ispejjeż fis-sens ta' l-Artikolu 5(3) ġiet assunta.

4.   Il-ftehim ta' akkoljenza għandu jiskadi awtomatikament meta r-riċerkatur ma jiġix ammess jew meta r-relazzjoni legali bejn ir-riċerkatur u l-organizzazzjoni ta' riċerka tiġi terminata.

5.   L-organizzazzjonijiet ta' riċerka għandhom minnufih jinfurmaw l-awtorità magħżula għal dak l-għan mill-Istati Membri bi kwalunkwe avveniment li x'aktarx jimpedixxi l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' akkoljenza.

IL-KAPITOLU III

AMMISSJONI TA' RIĊERKATURI

L-Artikolu 7

Kondizzjonijiet għall-ammissjoni

1.   Ċittadin ta' pajjiż terz li japplika sabiex jiġi ammess għall-finijiet stabbiliti f'din id-Direttiva għandu:

(a)

jippreżenta dokument ta' l-ivjaġġar validu, kif determinat mil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-perjodu ta' validità tad-dokument ta' l-ivjaġġar ikopri mill-inqas id-dewmien tal-permess ta' residenza,

(b)

jippreżenta ftehim ta' akkoljenza ffirmat minn organizzazzjoni ta' riċerka skond l-Artikolu 6(2), u

(ċ)

fejn ikun il-każ, jippreżenta dikjarazzjoni ta' responsabbiltà finanzjarja maħruġa mill-organizzazzjoni ta' riċerka skond l-Artikolu 6(3), u

(d)

ma jkunx kunsidrat bħala theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà jew għas-saħħa pubblika.

L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-kondizzjonijiet kollha msemmija fi (a), (b), (ċ) u (d) ikunu sodisfatti.

2.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw ukoll it-termini li fuqhom ġie bbażat u konkluż il-ftehim ta' akkoljenza.

3.   Ladarba l-verifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jiġu konklużi b'mod pożittiv, ir-riċerkaturi għandhom jiġu ammessi fit-territorju ta' l-Istati Membri sabiex jeżegwixxu l-ftehim ta' akkoljenza.

L-Artikolu 8

Dewmien tal-permess ta' residenza

L-Istati Membri għandhom joħorġu permess ta' residenza għal perjodu ta' mill-inqas sena u jġedduh jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 ikunu għadhom sodisfatti. Jekk il-proġett ta' riċerka ikun programmat li jdum inqas minn sena, il-permess ta' residenza għandhu jinħareġ għad-dewmien tal-proġett.

L-Artikolu 9

Membri tal-familja

1.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħti permess ta' residenza lill-membri tal-familja ta' riċerkatur, id-dewmien tal-validità tal-permess ta' residenza tagħhom għandu jkun l-istess bħal dak tal-permess ta' residenza maħruġ għar-riċerkatur safejn il-perjodu ta' validità tad-dokumenti ta' l-ivjaġġar tagħhom jippermetti. F'każijiet debitament ġustifikati, id-dewmien tal-permess ta' residenza tal-membru tal-familja tar-riċerkatur jista' jiqsar.

2.   Il-ħruġ ta' permess ta' residenza għall-membri tal-familja tar-riċerkatur ammessi fi Stat Membri ma għandux ikun suġġett għar-rekwiżit ta' perjodu minimu ta' residenza tar-riċerkatur.

L-Artikolu 10

Irtirar jew rifjut ta' tiġdid ta' permess ta' residenza

1.   L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta' residenza maħruġ abbażi ta' din id-Direttiva meta dan ġie miksub b'mod qarrieqi jew kull fejn jidher li d-detentur ma ssodisfax jew ma għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza previsti fl-Artikoli 6 u 7 jew qiegħed jirrisjedi għal finijiet differenti minn dawk li għalihom kien awtorizzat jirrisjedi.

2.   L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta' residenza għal raġunijiet ta' ordni pubbliku jew ta' sigurtà pubblika jew ta' saħħa pubblika.

IL-KAPITOLU IV

DRITTIJIET TA' RIĊERKATURI

L-Artikolu 11

Tagħlim

1.   Ir-riċerkaturi ammessi taħt din id-Direttiva jistgħu jgħallmu konformement mal-liġi nazzjonali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu numru massimu ta' sigħat jew ta' ġranet għall-attività ta' għalliem.

L-Artikolu 12

Trattament ugwali

Id-detenturi ta' permess ta' residenza għandhom il-jedd ta' l-istess trattament maċ-ċittadini ta' l-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta':

(a)

rikonoxximent ta' diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħra konformi mal-proċeduri nazzjonali rilevanti;

(b)

kondizzjonijiet ta' xogħol, inklużi dawk tal-paga u tat-tkeċċija;

(ċ)

fergħat tas-sigurtà soċjali kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (8). Id-dispożizzjonijiet speċjali fl-Anness mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 ta' l-14 ta' Mejju 2003 li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet biss għar-raġuni taċ-ċittadinanza tagħhom (9) għandhom japplikaw skond il-każ;

(d)

benefiċċji tat-taxxa;

(e)

aċċess għal beni u servizzi, u l-fornitura ta' beni u ta' servizzi disponibbli għall-pubbliku.

L-Artikolu 13

Mobbiltà bejn Stati Membri

1.   Ċittadin ta' pajjiż terz li ġie ammess bħala riċerkatur taħt din id-Direttiva għandu jitħalla jwettaq parti mir-riċerka tiegħu fi Stat Membru ieħor taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Jekk ir-riċerkatur jibqa' fi Stat Membru ieħor għal perjodu ta' mhux aktar minn tliet xhur, ir-riċerka tista' tiġi mwettqa abbażi tal-ftehim ta' akkoljenza konkluż fl-ewwel Stat Membru, sakemm huwa jkollu riżorsi suffiċjenti fl-Istat Membru l-ieħor u ma jkunx kunsidrat bħala theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà jew għas-saħħa pubblika fit-tieni Stat Membru.

3.   Jekk ir-riċerkatur jibqa' fi Stat Membru ieħor għal iżjed minn tliet xhur, l-Istati Membri jistgħu jesiġu ftehim ta' akkoljenza ġdid għat-twettiq tar-riċerka f'dak l-Istat Membru. Fi kwalunkwe każ, il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 għandhom ikunu sodisfatti fir-rigward ta' l-Istat Membru konċernat.

4.   Fejn il-liġi rilevanti tipprovdi għar-rekwiżit ta' viża jew ta' permess ta' residenza, għall-eżerċizzju tal-mobbiltà, tali viża jew permess għandhom jingħataw minnufih f'perjodu li ma jfixkilx il-prosegwiment tar-riċerka, waqt li jħalli lill-awtoritajiet kompetenti żmien biżżejjed sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet.

5.   L-Istati Membri ma għandhomx jesiġu li r-riċerkatur iħalli t-territorju tagħhom sabiex jippreżenta applikazzjonijiet għall-viżi jew għall-permessi ta' residenza.

IL-KAPITOLU V:

PROĊEDURA U TRASPARENZA

L-Artikolu 14

Applikazzjonijiet għall-ammissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjonijiet għal permessi ta' residenza għandhomx jiġu magħmula mir-riċerkatur jew mill-organizzazzjoni ta' riċerka konċernata.

2.   L-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata u eżaminata meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat ikun qiegħed jirrisjedi barra t-territorju ta' l-Istati Membri li fihom huwa jixtieq li jiġi ammess.

3.   L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw, skond il-liġi nazzjonali tagħhom, applikazzjoni preżentata meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat ikun diġà jinsab fit-territorju tagħhom.

4.   L-Istat Membru konċernat għandu jagħti liċ-ċittadin ta' pajjiż terz li ppreżenta applikazzjoni u li jissodisfa l-kondizzjonijiet ta' l-Artikoli 6 u 7 kull faċilità sabiex jikseb il-viżi meħtieġa.

L-Artikolu 15

Salvagwardji proċedurali

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni kompleta mill-iktar fis possibbli u, fejn ikun opportun, jipprovdu għal proċeduri aċċelerati.

2.   Jekk l-informazzjoni provduta bħala appoġġ ta' l-applikazzjoni mhix adegwata, tista' tiġi sospiża l-kunsiderazzjoni ta' l-applikazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw l-applikant dwar kull informazzjoni ulterjuri li jkunu jeħtieġu.

3.   Kull deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għal permess ta' residenza għandha tiġi notifikata liċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat skond il-proċeduri ta' notifika taħt il-liġi nazzjonali rilevanti. In-notifika għandha tispeċifika l-proċeduri li jkunu disponibbli sabiex jintalab rimedju u l-limitu ta' żmien sabiex tittieħed l-azzjoni.

4.   Fejn tiġi rifjutata applikazzjoni, jew fejn jiġi rtirat permess ta' residenza, maħruġ konformement ma' din id-Direttiva, il-persuna konċernata għandha l-jedd ta' rikors ta' impunjazzjoni legali quddiem l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru konċernat.

IL-KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 16

Rapporti

Perjodikament, u l-ewwel darba mhux iktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri u għandha tipproponi kwalunkwe emenda li tkun meħtieġa.

L-Artikolu 17

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sat-12 ta' Ottubru 2007.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 18

Bħala deroga mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati joħorġu permessi skond din id-Direttiva fil-forma ta' permess ta' residenza għal perjodu sal-massimu ta' sentejn wara d-data msemmija fl-Artikolu 17(1).

L-Artikolu 19

Xejn f'din id-Direttiva ma għandu jolqot il-jedd ta' l-Irlanda li żżomm l-arranġamenti relattivi għaż-Żona ta' Moviment Komuni msemmija fil-Protokoll, anness permezz tat-Trattat ta' Amsterdam mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, dwar l-applikazzjoni ta' ċerti aspetti ta' l-Artikolu 14 tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda.

L-Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 21

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, nhar it-12 ta' Ottubru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

C. CLARKE


(1)  Opinjoni mogħtija fit-12 ta' April 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 120, ta' l-20.5.2005, p. 60.

(3)  ĠU C 71, tat-22.3.2005, p. 6.

(4)  Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tikkonċerna s-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta' riċerka, l-iżvilupp tekonoloġiku u dimostrazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea għar-Riċerka u l-innovazzjoni (mill-2002 sa l-2006) (ĠU L 232, tad-29.8.2002, p. 1), Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE) (ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 7).

(5)  ĠU L 375, tat-23.12.2004, p. 12.

(6)  Ara paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  ĠU L 157, tal-15.6.2002, p. 1.

(8)  ĠU L 149, tal-5.7.1971, p. 2. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 (ĠU L 117, ta' l-4.5.2005, p. 1).

(9)  ĠU L 124, ta' l-20.5.2003, p. 1.