18.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

493


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2005/63/KE

tat-3 ta’ Ottubru 2005

li tikkoreġi d-Direttiva 2005/26/KE dwar lista ta' ingredjenti ta' l-ikel jew ta' sustanzi li huma proviżorjament esklużi mill-Anness IIIa tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu ta' l-2000 dwar l-approssimazzjoni tal- liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta' oġġetti ta' l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(11) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/26/KE (2) stabbiliet lista ta' sustanzi jew ingredjenti ta' l-ikel li huma provviżorjament esklużi mill-Anness IIIa tad-Direttiva 2000/13/KE, wara l-opinjoni ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA).

(2)

Fl-opinjoni tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2004 dwar ċerti użi tal-ġelatina tal-ħut, l-EFSA kkonkludiet li dan il-prodott, fl-użi tiegħu bħala bażi għall-preparazzjonijiet ta’ vitamini u ta’ karotenojdi, m’huwiex suxxetibbli li jikkawża reazzjonijiet allerġiċi gravi.

(3)

Il-karotenojdi tħallew barra bi żball mil-lista ta' l-Anness mad-Diretttiva 2005/26/KE, u għalhekk għandhom ikunu miżjuda,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fit-tieni kolonna ta’ l-Anness mad-Direttiva 2005/26/KE, is-seba’ inċiż għandu jkun mibdul bl-inċiż li jmiss:

“—

Ġelatina tal-ħut li tintuża bħala bażi għall-preparazzjonijiet ta’ vitamini jew ta’ karotenojdi u biex jagħti t-togħma.”.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux iktar tard mit-3 ta' Diċembru 2005, l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll skeda ta' korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-25 ta' Novembru 2005.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza meta jkunu pubblikati uffiċjalment. Il-modi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, nhar it-3 ta’ Ottubru 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2003/89/KE (ĠU L 308. 25.11.2003, p. 15).

(2)   ĠU L 75, 22.3.2005, p. 33.