25.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


ID-DIRETTIVA 2005/56/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Ottubru 2005

dwar mergers transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 44 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (1), Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Hemm il-ħtieġa ta' koperazzjoni u konsolidazzjoni bejn kumpanniji ta' responsabbiltà limitata minn Stati Membri differenti. Madankollu, fir-rigward ta' mergers transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata, dawn jiltaqgħu ma' ħafna diffikultajiet leġislattivi u amministrattivi fil-Komunità. Huwa għaldaqstant meħtieġ, bil-ħsieb ta' l-ikkompletar u ta' l-iffunzjonar tas-suq waħdieni, li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet Komunitarji biex jiġi ffaċilitat it-twettiq ta' mergers transkonfinali bejn tipi differenti ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata rregolati mil-liġijiet ta' Stati Membri diversi.

(2)

Din id-Direttiva tiffaċilita l-merger transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata kif definiti f'din id-Direttiva. Il-liġijiet ta' l-Istati Membri jridu jippermettu l-merger transkonfinali ta' kumpannija ta' responsabbiltà limitata nazzjonali ma' kumpannija ta' responsabbiltà limitata minn Stat Membru ieħor jekk il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru rilevanti tippermetti mergers bejn dawn it-tipi ta' kumpanniji.

(3)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ta' mergers transkonfinali, irid ikun stabbilit li, sakemm din id-Direttiva ma tgħidx mod ieħor, kull kumpannija li tieħu sehem f'merger transkonfinali, u kull terza parti kkonċernata, tibqa' suġġetta għad-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet tal-liġi nazzjonali li tkun applikabbli fil-każ ta' merger nazzjonali. Ebda mid-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet ta' liġi nazzjonali li għalihom issir referenza f'din id-Direttiva ma għandhom jintroduċu restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment jew fuq il-moviment liberu tal-kapital ħlief fejn dawn jistgħu ikunu ġustifikati skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b'mod partikolari b'rekwiżiti ta' l-interess ġenerali u huma t-tnejn meħtieġa, u proporzjonali, għall-kisba ta' dawn ir-rekwiżiti prevalenti.

(4)

L-abbozz ta' termini komuni tal-merger transkonfinali jrid jitfassal fl-istess termini għal kull waħda mill-kumpanniji konċernati fl-Istati Membri differenti. Il-kontenut minimu ta' dan l-abbozz ta' termini komuni għandu b'hekk ikun speċifikat, filwaqt li l-kumpanniji jitħallew liberi li jiftiehmu fuq affarijiet oħra.

(5)

Sabiex jitħarsu l-interessi ta' membri u ta' oħrajn, kemm l-abbozz tat-termini tal-merger transkonfinali kif ukoll it-tlestija tal-merger transkonfinali jridu jiġu pubbliċizzati għal kull kumpannija li se tingħaqad permezz ta' daħla fir-reġistru pubbliku applikabbli.

(6)

Jeħtieġ li l-liġijiet ta' l-Istati Membri kollha jipprovdu għat-tħejjija fil-livell nazzjonali ta' rapport dwar l-abbozz ta' termini tal-merger transkonfinali minn espert wieħed jew iktar f'isem kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu. Sabiex jiġu limitati l-ispejjeż ta' l-esperti marbuta ma' mergers transkonfinali, għandu jsir provvediment għall-possibilità li jitħejja rapport wieħed maħsub għall-membri kollha tal-kumpanniji li jkunu qed jieħdu sehem f'operazzjoni ta' merger transkonfinali. L-abbozz ta' termini komuni tal-merger transkonfinali jrid jiġi approvat mil-laqgħa ġenerali ta' kull waħda minn dawk il-kumpanniji.

(7)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ta' merger transkonfinali, għandu jkun previst li l-monitoraġġ tat-tlestija u l-legalità tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjoni f'kull kumpannija li qed tingħaqad jitwettaq mill-awtorità nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni fuq kull waħda minn dawk il-kumpanniji, filwaqt li l-monitoraġġ tat-tlestija u l-legalità ta' l-merger transkonfinali għandhom jitwettqu mill-awtorità nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni fuq il-kumpannija li tirrizulta mill-merger transkonfinali. L-awtorità nazzjonali in kwistjoni tista' tkun qorti, nutar jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra maħtura mill-Istat Membru kkonċernat. Il-liġi nazzjonali li tiddetermina d-data li fiha l-merger transkonfinali jieħu effett - li tkun il-liġi li għaliha tkun suġġetta l-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali - għandha tiġi speċifikata wkoll.

(8)

Sabiex jitħarsu l-interessi ta' membri u ta' oħrajn, l-effetti legali ta' l-merger transkonfinali - li jiddistingwu jekk il-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali hix kumpannija li takkwista jew kumpannija ġdida - għandhom jiġu speċifikati. Fl-interessi ta' ċertezza legali, m'għandux ikun iktar possibbli, wara d-data li fiha l-merger transkonfinali tidħol fis-seħħ, li jiġi ddikjarat li l-merger m'għandhiex effett legali.

(9)

Din id-Direttiva hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi, kemm fuq livell Komunitarju, bir-Regolament (KE) Nru 139/2004 (3) kif ukoll fuq il-livell ta' l-Istati Membri.

(10)

Din id-Direttiva ma taffettwax il-leġislazzjoni Komunitarja li tirregola l-intermedjarji ta' kreditu u impriżi finanzjarji oħra u r-regoli nazzjonali magħmula jew introdotti skond tali leġislazzjoni Komunitarja.

(11)

Din id-Direttiva hija bla ħsara għal-leġislazzjoni ta' Stat Membru li titlob informazzjoni dwar il-post tal-ġestjoni ċentrali jew tas-sede prinċipali propost għall-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali.

(12)

Id-drittijiet ta' l-impjegati, minbarra drittijiet ta' parteċipazzjoni, għandhom jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE ta' l-20 ta' Lulju 1998 dwar sitwazzjoni kollettiva ta' ħaddiema li jiġu ddikjarati żejda (4) fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-impjegati fil-każ ta' trasferimenti ta' impriżi (5) fid-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta' l-impjegati fil-Komunità Ewropea (6) u fid-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta' Settembu 1994 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' tagħrif u ta' konsultazzjoni għall-impjegati (7).

(13)

Jekk l-impjegati ikollhom drittijiet ta' parteċipazzjoni f'xi waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu taħt iċ-ċirkostanzi stabbiliti f'din id-Direttiva u jekk il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li fih għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha l-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali ma tipprovdix għall-istess livell ta' parteċipazzjoni kif operat fil-kumpanniji li qed jingħaqdu rilevanti, inkluż f'kumitati tal-bord ta' superviżjoni li jkollhom setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet, jew ma tipprovdix għall-istess drittijiet ta' eżerċizzju ta' drittijiet għal impjegati ta' stabbilimenti li jirriżultaw mill-merger transkonfinali, il-parteċipazzjoni ta' l-impjegati fil-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali u l-involviment tagħhom fid-definizzjoni ta' dawn id-drittijiet iridu jiġu rregolati. Għal dak l-għan, il-prinċipji u l-proċeduri msemmija fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut għal Kumpannija Ewropea (SE) (8) u fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpannija Ewropea fir-rigward ta' l-involviment ta' l-impjegati (9), jittieħdu bħala bażi, suġġetti, madankollu, għal modifikazzjonijiet li jitqiesu meħtieġa għaliex il-kumpannija li tirriżulta tkun suġġetta għal-liġijiet nazzjonali ta' l-Istati Membri fejn hija jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. Bidu minnufih għan-negozjati taħt l-Artikolu 16 ta' din id-Direttiva bil-ħsieb li mergers ma jiddewmux għalxejn, jista' jiġi żgurat mill-Istati Membri bi qbil ma' l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/86/KE.

(14)

Għall-fini li jiġi determinat l-livell ta' parteċipazzjoni ta' l-impjegati operat fil-kumpanniji li qed jingħaqdu rilevanti, għandu jittieħed ukoll kont tal-proporzjon tar-rappreżentanti ta' l-impjegati fost il-membri tal-grupp ta' ġestjoni, li jkopri l-unitajiet ta' qligħ tal-kumpanniji, suġġett għall-parteċipazzjoni ta' l-impjegati.

(15)

Billi l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-istabbiliment ta' regoli b'karatteristiċi komuni li japplikaw fuq il-livell transnazzjonali, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, minħabba l-iskala u l-impatt ta' l-azzjoni proposta, jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fuq livell Kommunitarju, il-Komunità tista' taġixxi skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(16)

Jeħtieġ li, skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil ta' liġijiet aħjar (10), l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti li jħejju, għalihom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li, safejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta' trasposizzjoni u li jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Kamp ta' Applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għal mergers ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata ffurmati skond il-liġi ta' xi Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, il-ġestjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju fil-Komunità, kemm-il darba mill-inqas tnejn minnhom ikunu regolati mil-liġijiet ta' Stati Membri differenti (hawn aktar 'il quddiem imsejħa mergers transkonfinali).

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

1.

“kumpannija ta' responsabbiltà limitata”, minn hawn 'il quddiem imsejjħa “kumpannija”, tfisser:

(a)

kumpannija kif imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/151/KEE (11) jew

(b)

kumpannija b'kapital azzjonarju li jkollha personalità ġuridika, u li jkollha attiv separat li waħdu jkopru l-passiv tagħha u suġġetta bil-liġi nazzjonali li tirregolaha għal kondizzjonijiet li jikkonċernaw garanziji bħalma huma msemmija mid-Direttiva 68/151/KEE, għall-ħarsien ta' l-interessi tal-membri u ta' oħrajn.

2.

merger” tfisser operazzjoni li biha:

(a)

kumpannija waħda jew iktar, meta jiġu xolti mingħajr likwidazzjoni, jitrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil kumpannija oħra eżistenti - il-kumpannija li qed takkwista - bħala skambju għall-ħruġ lill-membri tagħhom ta' titoli u ishma li jirrappreżentaw il-kapital ta' dik il-kumpannija l-oħra u, jekk ikun il-każ, ħlas fi flus li ma jkunx iktar minn 10 % tal-valur nominali, jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, tal-valur kontabbli ta' dawk it-titoli u l-ishma; jew

(b)

żewġ kumpanniji jew iktar, meta jiġu xolti mingħajr likwidazzjoni, jitrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil kumpannija li jiffurmaw bejniethom - il-kumpannija l-ġdida - bħala skambju għall-ħruġ lill-membri tagħhom ta' titoli u ishma li jirrappreżentaw il-kapital ta' dik il-kumpannija l-ġdida u jekk applikabbli, ħlas fi flus li ma jkunx iktar minn 10 % tal-valur nominali, jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, tal-parità kontabbli ta' dawk it-titoli u l-ishma; jew

(ċ)

kumpannija, meta tiġi xolta mingħajr likwidazzjoni, titrasferixxi l-attiv u l-passiv kollu tagħha lil kumpannija li jkollha t-titoli jew l-ishma kollha li jirrappreżentaw il-kapital tagħha.

L-Artikolu 3

Aktar dispożizzjonijiet dwar il-kamp ta' applikazzjoni

1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal mergers transkonfinali fejn il-liġi ta' mill-inqas wieħed mill-Istati Membri kkonċernati tippermetti li l-ħlas fi flus imsemmi fl-Artikolu 2(2)(a) u (b) jaqbeż l-10 % tal-valur nominali, jew, fl-assenza ta' valur nominali, tal-valur kontabbli tat-titoli jew l-ishma li jirrapreżentaw il-kapital tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal mergers transkonfinali li jkunu jinvolvu soċjeta koperattiva anki fil-każijiet fejn din ta' l-aħħar tkun taqa' fid-definizzjoni ta' kumpannija ta' responsabbiltà limitata kif previst fl-Artikolu 2(1).

3.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal mergers transkonfinali li jinvolvu kumpannija li l-għan tagħha jkun l-investiment kollettiv ta' kapital provdut mill-pubbliku, li topera fuq il-prinċipju ta' tifrix tar-riskju u li l-unitajiet tagħha jkunu, fuq it-talba tad-detenturi, mixtrija mill-ġdid jew mifdija, direttament jew indirettament, mill-attiv ta' dik il-kumpannija. Azzjoni meħuda minn tali kumpannija sabiex tiżgura li l-valur ta' l-unitajiet tagħha fuq il-borża ma jvarjax b'mod sinifikanti mill-valur nett ta' l-attiv tagħha għandha titqies bħala ekwivalenti għal tali xiri mill-ġdid jew fidi.

L-Artikolu 4

Kondizzjonijiet li jirrigwardaw il-mergers transkonfinali

1.   Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f'din id-Direttiva,

(a)

mergers transkonfinali għandhom ikunu possibbli biss bejn tipi ta' kumpanniji li jistgħu jingħaqdu taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri rilevanti, u

(b)

kumpannija li tieħu sehem f'merger transkonfinali għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet tal-liġi nazzjonali li tkun taqgħa taħtha. Il-liġijiet ta' xi Stat Membru li jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu li jopponu merger intern partikolari għal raġunijiet ta' interess pubbliku għandhom ukoll ikunu applikabbli għal merger transkonfinali fejn mill-inqas waħda mill-kunmpanniji li qed jingħaqdu tkun suġġetta għal-liġi ta' dak l-Istat membru. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika sa fejn ikun applikabbli l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

2.   Id-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom b'mod partikulari jinkludu dawk li jikkonċernaw il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-merger u, filwaqt li jittieħed kont tan-natura transkonfinali tal-merger, tal-protezzjoni tal-kredituri tal-kumpanniji li qed jingħaqdu, tad-detenturi ta' obbligazzjonijiet u tad-detenturi ta' titoli jew ishma, kif ukoll ta' impjegati fir-rigward ta' drittijiet għajr dawk irregolati mill-Artikolu 16. Stat Membru jista', fil-każ ta' kumpanniji li jipparteċipaw f'merger transkonfinali u regolati mil-liġi tiegħu, jadotta dispożizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw protezzjoni xierqa għal membri f'minoranza li opponew il-merger transkonfinali.

L-Artikolu 5

Abbozz ta' termini komuni ta' mergers transkonfinali

L-organi tal-ġestjoni jew ta' l-amministrazzjoni ta' kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu għandhom iħejju abbozz ta' termini komuni ta' merger transkonfinali. L-abbozz ta' termini komuni ta' merger transkonfinali għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-forma, l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji li qed jingħaqdu u dawk proposti għall-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali;

(b)

il-proporzjon applikabbli għall-iskambju ta' sigurtajiet u ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija u l-ammont ta' kull ħlas fi flus;

(ċ)

it-termini għall-assenjazzjoni ta' sigurtajiet jew ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali;

(d)

ir-riperkussjonijiet probabbli tal-merger fuq l-impjiegi;

(e)

id-data minn meta ż-żamma ta' dawn it-titoli jew ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija tintitola lid-detenturi li jkollhom parti mill-qligħ u kwalunkwe kondizzjonijiet speċjali li jaffettwaw dak id-dritt;

(f)

id-data minn meta t-transazzjonijiet tal-kumpanniji li qed jingħaqdu jiġu trattati għall-iskopijiet ta' kontabilità bħala dawk tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali;

(g)

id-drittijiet mogħtija mill-kumpannija maħluqa mill-merger lil membri li jkollhom drittijiet speċjali jew lil persuni oħra li jkollhom titoli li mhumiex ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija, jew il-miżuri proposti li jikkonċernawhom;

(h)

xi vantaġġi speċjali mogħtija lill-esperti li jeżaminaw l-abbozz ta' termini ta' merger transkonfinali jew lil membri ta' l-organi amministrattivi, ta' ġestjoni, ta' sorveljanza jew ta' kontroll tal-kumpanniji li qed jingħaqdu;

(i)

l-istatuti tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali;

(j)

fejn hu xieraq, informazzjoni dwar il-proċeduri li bihom jiġu ddeterminati arranġamenti għall-involviment ta' impjegati fid-definizzjoni tad-drittijiet tagħhom li jipparteċipaw fil-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali skond l-Artikolu 16;

(k)

informazzjoni dwar l-evalwazzjoni ta' l-attiv u l-passiv li tintbagħat lill-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali;

(l)

id-dati tal-kontijiet tal-kumpanniji li qed jinqagħdu li kienu użati biex jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet tal-merger transkonfinali.

L-Artikolu 6

Pubblikazzjoni

1.   Abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali għandu jiġi ppubblikat bil-mod stipulat mil-liġijiet ta' kull wieħed mill-Istati Membri skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE għal kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu mill-inqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali li se tiddeċiedi dwar dan.

2.   Għal kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu u suġġett għar-rekwiżiti addizzjonali imposti mill-Istat Membru li għalih il-kumpannija kkonċernata hija suġġetta, id-dettalji li ġejjin għandhom ikunu ppubblikati fil-gazzetta nazzjonali ta' dak l-Istat Membru:

(a)

it-tip, l-isem u l-uffiċċju rreġistrat ta' kull kumpannija li qed tingħaqad;

(b)

ir-reġistru li ġew ippreżentati d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 68/151/KEE fir-rigward ta' kull kumpannija li qed tingħaqad, u n-numru ta' identifikazzjoni tad-daħla f'dak ir-reġistru;

(ċ)

indikazzjoni, għal kull kumpannija li se tingħaqad, ta' l-arranġamenti magħmula għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-kredituri u ta' kwalunkwe membri f'minoranza tal-kumpanniji li qed jingħaqdu u l-indirizz minn fejn wieħed jista' jikseb informazzjoni sħiħa u bla ħlas dwar dawn l-arranġamenti.

L-Artikolu 7

Rapport ta' l-organu ta' ġestjoni jew ta' amministrazzjoni

L-organu ta' ġestjoni jew ta' amministrazzjoni ta' kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu għandu jlesti rapport għall-membri li jispjega u jiġġustifika l-aspetti ekonomiċi u legali tal-merger transkonfinali u li jispjega l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali għall-membri, għall-kredituri u għall-impjegati

Ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-membri u għar-rappreżentanti ta' l-impjegati, jew fejn m'hemmx rappreżentanti, lill-impjegati infushom, mhux inqas minn xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 9.

Fejn l-organu ta' ġestjoni jew ta' amministrazzjoni ta' kwalunkwe waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu jirċievi opinjoni mir-rappreżentanti ta' l-impjegati tagħhom fil-ħin, kif inhu stipulat fil-liġi nazzjonali, dik l-opinjoni għandha tinehmeż mar-rapport.

L-Artikolu 8

Rapport minn esperti indipendenti

1.   Għal kull kumpannija li qed tingħaqad għandu jitħejja rapport magħmul minn esperti indipendenti maħsub għall-membri u mogħti għad-dispożizzjoni mill-inqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 9. Dawn l-esperti jistgħu ikunu persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi, skond il-liġi ta' kull Stat Membru.

2.   Bħala alternattiva għal esperti li joperaw f'isem kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu, espert indipendenti wieħed jew iktar, maħtur għal dik il-fini wara talba konġunta mingħand il-kumpanniji minn awtorità ġuridika jew amministrattiva fl-Istat Membru ta' waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu jew tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali jew approvat minn tali awtorità, jista' jeżamina l-abbozz ta' termini tal-merger transkonfinali u jħejji rapport waħdieni bil-miktub għall-membri kollha.

3.   Ir-rapport mill-esperti għandu jinkludi mill-inqas id-dettalji stipulati fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar il-merger ta' kumpanniji pubbliċi ta' responsabbiltà limitata (12). L-esperti għandhom ikollhom id-dritt li jiksbu minn għand kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu l-informazzjoni kollha li jikkunsidraw meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħhom.

4.   La eżami ta' l-abbozz tat-termini tal-merger transkonfinali minn esperti indipendenti u lanqas rapport minn esperti m'għandhom ikunu meħtieġa jekk il-membri kollha ta' kull waħda mill-kumpanniji involuti fil-merger transkonfinali ikunu ftiehmu hekk.

L-Artikolu 9

Approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali

1.   Wara li tieħu kont tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 7(2) u 8, il-laqgħa ġenerali ta' kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu għandha tapprova l-abbozz ta' termini tal- merger transkonfinali.

2.   Il-laqgħa ġenerali ta' kull waħda mill-kumpanniji li qed jingħaqdu tista' tirriserva d-dritt li timplimenta l-merger transkonfinali bil-kondizzjoni li din tirratifika espressament l-arranġamenti li jiġu deċiżi fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta' l-impjegati tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali.

3.   Il-liġijiet ta' Stat Membru mhumiex meħtieġa jirrikjedu l-approvazzjoni tal-merger mil-laqgħa ġenerali tal-kumpannija li qed takkwista jekk il-kondizzjonijiet fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 78/855/KEE ikunu sodisfatti.

L-Artikolu 10

Ċertifikat qabel il-merger

1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina l-qorti, in-nutar jew xi awtorità oħra li jkunu kompetenti biex jiflu bir-reqqa l-legalità tal-merger transkonfinali fir-rigward ta' dik il-parti tal-proċedura li tikkonċerna kull kumpannija li qed tingħaqad li hija suġġetta għal-liġi nazzjonali tiegħu.

2.   F'kull Stat Membru kkonċernat l-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 għandha toħroġ mingħajr dewmien lil kull kumpannija li qed tingħaqad li tkun suġġetta għal-ligi nazzjonali ta' dak l-Istat ċertifikat li juri b'mod definittiv it-twettiq kif dovut ta' l-atti u tal-formalitajiet ta' qabel il-merger.

3.   Jekk il-liġi ta' xi Stat Membru li għaliha kumpannija li qed tingħaqad tkun suġġetta tistipula proċedura għall-iskrutinju u l-emendar tar-rata applikabbli għall-kambju ta' titoli jew ishma, jew proċedura għall-kumpens ta membri f'minoranza, mingħajr ma tipprevjeni ir-reġistrazzjoni tal-merger transkonfinali, din il-proċedura għandha tapplika biss jekk il-kumpanniji l-oħra li qed jingħaqdu li jkunu fi Stati Membri li ma jistipulawx tali proċedura jaċċettaw b'mod espliċitu, meta jkunu qed japprovaw l-abbozz ta' termini tal-merger transkonfinali skond l-Artikolu 9(1), il-possibilità għall-membri ta' dik il-kumpannija li qed tingħaqad li jkollhom rikors għal tali proċedura, li għandha tinbeda quddiem il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq dil il-kumpannija li qed tingħaqad. F'każijiet bħal dawn, l-awtorità msemmija fil-paragrafu 2 tista' toħroġ ċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 2 anki jekk tali proċedura tkun bdiet. Iċ-ċertifikat għandu, madankollu, jindika li l-proċedura hija pendenti. Id-deċiżjoni fil-proċedura għandha tkun torbot fuq il-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali u l-membri kollha tagħha.

L-Artikolu 11

Skrutinju tal-legalità tal-merger transkonfinali

1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina l-qorti, in-nutar jew xi awtorita oħra li jkunu kompetenti biex jiflu bir-reqqa l-legalità tal-merger transkonfinali fir-rigward ta' dik il-parti tal-proċedura li tikkonċerna t-tlestija tal-merger transkonfinali u, fejn ikun xieraq, il-formazzjoni ta' kumpannija ġdida li tirriżulta mill-merger transkonfinali fejn il-kumpannija maħluqa mill-merger transkonfinali tkun suġġetta għal-liġi nazzjonali tiegħu. L-awtorità msemmija għandha tiżgura, b'mod partikulari, li l-kumpanniji li qed jingħaqdu jkunu approvaw l-abbozz tat-termini komuni ta' merger transkonfinali bl-istess kondizzjonijiet u, fejn hu xieraq, li l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta' l-impjegati jkunu ġew iddeterminati bi qbil ma' l-Artikolu 16.

2.   Għal dak il-għan kull kumpannija li qed tingħaqad għandha tippreżenta lill-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 ċ-ċertifikat msemmi fl-Artikolu 10(2) fi żmien sitt xhur minn meta dan jinħareġ, flimkien ma' l-abbozz tat-termini komuni ta' merger transkonfinali approvat mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 9.

L-Artikolu 12

Dħul fis-seħħ tal-merger transkonfinali

Il-liġi ta' l-Istat Membru li għall-ġurisdizzjoni tiegħu l-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali tkun suġġetta għandha tiddetermina d-data li fiha l-merger transkonfinali jieħu effett. Id-data għandha tkun wara li jkun sar l-iskrutinju bir-reqqa msemmi fl-Artikolu 11.

L-Artikolu 13

Reġistrazzjoni

Il-liġi ta' l-Istat Membru li għall-ġurisdizzjoni tiegħu l-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali tkun suġġetta għandha tiddetermina, fir-rigward tat-territorju ta' dak l-Istat, l-arranġamenti, skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE, għall-pubblikazzjoni tat-tlestija tal-merger transkonfinali fir-reġistru pubbliku li fih kull waħda mill-kumpanniji tintalab li tippreżenta dokumenti.

Ir-reġistru għar-reġistrazzjoni tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali għandu jinnotifika mingħajr dewmien lir-reġistru li fih kull waħda mill-kumpanniji kienet mitluba li tippreżenta dokumenti li l-merger transkonfinali jkun ħa effett. It-tħassir tar-reġistrazzjoni qadima, jekk applikabbli, għandu jitwettaq fuq irċevuta ta' dik in-notifika, iżda mhux qabel.

L-Artikolu 14

Konsegwenzi tal-merger transkonfinali

1.   Merger transkonfinali li jitwettaq kif stipulat fil-punti (a) u (ċ) ta' l-Artikolu 2(2) għandu jkollu l-konsegwenzi li ġejjin mid-data msemmija fl-Artikolu 12:

(a)

l-attiv u l-passiv kollu tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata għandu jkun trasferit lill-kumpannija li qed takkwista;

(b)

il-membri tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata għandhom isiru membri tal-kumpannija li qed takkwista;

(ċ)

il-kumpannija li qed tiġi akkwistata ma għandhiex tibqa teżisti.

2.   Merger transkonfinali li jitwettaq kif stipulat fil-punt (b) ta' l-Artikolu 2(2) għandu jkollu l-konsegwenzi li ġejjin mid-data msemmija fl-Artikolu 12:

(a)

l-attiv u l-passiv kollu tal- kumpanniji li qed jingħaqdu għandu jiġi trasferit lill-kumpannija l-ġdida;

(b)

il-membri tal-kumpanniji li qed jingħaqdu isiru membri tal-kumpannija l-ġdida;

(ċ)

il-kumpanniji li qed jingħaqdu ma jibqgħux jeżistu.

3.   Fejn, fil-każ ta' merger transkonfinali ta' kumpanniji koperti minn din id-Direttiva, il-liġijiet ta' l-Istati Membri jeħtieġu t-twettiq ta' formalitajiet speċjali qabel ma t-trasferiment ta' ċerti assi, drittijiet u obbligi mill-kumpanniji li qed jingħaqdu jieħu effett fir-rigward ta' terza parti, dawk il-formalitajiet għandhom jitwettqu mill-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali.

4.   Id-drittijiet u l-obbligi tal-kumpanniji li qed jingħaqdu li joħorġu mill-kuntratti ta' xogħol jew relazzjonijiet ta' xogħol u li jeżistu fid-data meta l-merger transkonfinali jieħu effett għandhom, minħabba li dak il-merger transkonfinali jkun ħa effett, jiġu trasferiti lill-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali fid-data meta l-merger jieħu effett.

5.   L-ebda ishma fil-kumpannija li qed takkwista m'għandhom jiġu skambjati ma' ishma fil-kumpannija li qed tiġi akkwistata li jkunu miżmuma jew:

(a)

mill-kumpannija li qed takkwista innifisha jew permezz ta' persuna li taġixxi f'isimha stess imma li tidher għall-kumpannija;

(b)

mill-kumpannija li qed tiġi akkwistata innifisha jew permezz ta' persuna li taġixxi f'isimha stess imma li tidher għall-kumpannija.

L-Artikolu 15

Formalitajiet simplifikati

1.   Fejn merger transkonfinali li jsir b'akkwist jitwettaq minn kumpannija li jkollha l-ishma kollha u titoli oħra li jagħtuha d-dritt li tivvota waqt il-laqgħat ġenerali tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati.

L-Artikoli 5, punti (b), (ċ) u (e), 8 u 14(1)(b) m'għandhomx japplikaw;

L-Artikolu 9(1) m'għandux japplika għall-kumpannija jew il-kumpanniji li qed jiġu akkwistati.

2.   Fejn merger transkonfinali li jsir permezz ta' akkwist jitwettaq minn kumpannija li jkollha 90 % jew iktar ta' l-ishma, imma mhux kollha, u titoli oħra li jagħtuha d-dritt li tivvota waqt laqgħat ġenerali tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati, rapporti minn espert jew esperti indipendenti, u d-dokumenti neċessarji għall-iskrutinju għandhom ikunu meħtieġa biss sakemm il-liġi nazzjonali li tirregola jew lill-kumpannija li qed takkwista inkella lill-kumpannija li qed tiġi akkwistata teħtieġ dan.

L-Artikolu 16

Parteċipazzjoni mill-impjegati

1.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, il-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali għandha tkun suġġetta għar-regoli fis-seħħ dwar il-parteċipazzjoni mill-impjegati, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru fejn għandha l-uffiċju reġistrat.

2.   Madankollu, ir-regoli fis-seħħ dwar parteċipazzjoni mill-impjegati, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru fejn il-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali għandha l-uffiċju reġistrat tagħha ma għandhomx japplikaw, fejn mill-inqas waħda mill-kumpanniji li qed tingħaqad għandha numru medju ta' impjegati, fis-sitt xhur ta' qabel il-pubblikazzjoni ta' l-abbozz tat-termini tal-merger transkonfinali kif imsemmi fl-Artikolu 6, li jaqbeż il-500 u li qed topera taħt sistema ta' parteċipazzjoni ta' l-impjegati skond it-tifsira tal-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2001/86/KE, jew fejn il-liġi nazzjonali applikabbli għall-kumpannija li tirriżulta mill-merger

(a)

ma tipprovdix għal mill-inqas l-istess livell ta' parteċipazzjoni ta' l-impjegati li tinsab fil-kumpanniji li qed jingħaqdu rilevanti, imkejjla b'riferenza għal proporzjon ta' rappreżentanti ta' l-impjegati fost il-membri tal-korp amministrattiv jew ta' superviżjoni jew il-kumitati tagħhom jew tal-grupp ta' ġestjoni li jkopri l-unitajiet ta' qligħ, suġġett għar- rappreżentanza tal-impjegati, jew

(b)

ma tipprovdix għal impjegati ta' stabbilimenti tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali li jinsabu fi Stati Membri oħrajn l-istess dritt għal eżerċizzju ta' drittijiet ta' parteċipazzjoni kif igawdu dawk l-impjegati li jaħdmu fl-Istat Membru fejn il-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali għandha uffiċju reġistrat.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-parteċipazzjoni ta' l-impjegati fil-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali u l-involviment tagħhom fid-definizzjoni ta' drittijiet bħal dawn għandhom ikunu rregolati mill-Istati Membri, mutatis mutandis u soġġetti għall-paragrafi 4 sa 7 hawn taħt, bi qbil mal-prinċipji u mal-proċeduri stipulati fl-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 2157/2001 u mad-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva 2001/86/KE:

(a)

l-Artikolu 3(1), (2) u (3), (4) l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż, u t-tieni subparagrafu, (5) u (7);

(b)

l-Artikolu 4(1), (2), il-punti (a), (g), u (h), u (3);

(ċ)

l-Artikolu 5;

(d)

l-Artikolu 6;

(e)

l-Artikolu 7(1), (2) l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u t-tieni subparagrafu, u (3). Madankollu, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-perċentwali rekwiżiti mill-Artikolu 7(2), l-ewwel subparagrafu, punt (b) tad-Direttiva 2001/86/KE għall-applikazzjoni tar-regoli standard li jinsabu fil-Parti 3 tal-Anness għal dik id-Direttiva għandu jiżdied minn 25 % għal 331/3 %;

(f)

l-Artikoli 8, 10 u 12;

(g)

l-Artikolu 13(4);

(h)

Il-Parti 3 ta' l-Anness, punt (b).

4.   Meta jkunu qed jirregolaw il-prinċipji u l-proċeduri imsemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri:

(a)

għandhom jagħtu lill-korpi relevanti tal-kumpanniji li jingħaqdu id-dritt ta' l-għażla mingħajr negozjar bil-quddiem sabiex ikunu soġġetti direttament għar-regoli standard għall-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 3(h), kif stabbilit fil-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru li fih il-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali ser ikollha l-uffiċju reġistrat, u sabiex jaderixxu ma' dawk ir-regoli mid-data ta' reġistrazzjoni;

(b)

jagħtu lill-Korp Speċjali ta' Negozjati id-dritt li jiddeċiedi, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tagħha li jirrappreżentaw mill-inqas żewġ terzi ta' l-impjegati, inklużi l-voti tal-membri li jirrappreżentaw l-impjegati f'mill-inqas żewġ Stati Membri differenti, li ma jiftaħx negozjati jew li jagħlaq negozjati li kienu diġà nfetħu u li jserrħu fuq ir-regoli ta' parteċipazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċju reġistrat tal-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali;

(ċ)

jistgħu, fil-każ fejn, wara negozjar bil-quddiem, japplikaw regoli standard għall-parteċipazzjoni u, minkejja dawn ir-regoli, jiddeċiedu li jillimitaw il-proporzjon ta' rappreżentanti ta' l-impjegati fil-korp amministrativ tal-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali. Madankollu, jekk f'waħda mill-kumpanniji li qed tingħaqad rappreżentanti ta' l-impjegati li jikkostitwixxu mill-inqas terz mill-bord amministrattiv jew ta' superviżjoni, il-limitazzjoni qatt ma tista' tirriżulta fi proporzjon iżgħar minn terz ta' rappreżentanti ta' l-impjegati fl-organu amministrattiv.

5.   L-estensjoni tad-drittijiet ta' parteċipazzjoni lill-impjegati tal-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali li huma impjegati fi Stati Membri oħrajn, imsemmija fil-paragrafu 2(b), m'ghandhiex twassal għal xi obbligu għal Stati Membri li jagħżlu li jagħmlu dan li jikkunsidraw dawk l-impjegati meta jsir il-kalkolu tal-limitu tad-daqs tal-korp ta' l-impjegati li jwassal għal drittijiet ta' parteċipazzjoni taħt il-liġi nazzjonali.

6.   Meta mill-inqas waħda mill-kumpanniji li qed tingħaqad topera taħt sistema ta' parteċipazzjoni ta' l-impjegati u l-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali se tkun regolata minn tali sistema bi qbil mar-regoli imsemmija fil-paragrafu 2, dik il-kumpannija għandha l-obbligu li tadotta forma legali li tippermetti l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' parteċipazzjoni.

7.   Meta l-kumpannija li tirriżulta minn merger transkonfinali qed topera taħt sistema ta' parteċipazzjoni ta' l-impjegati, dik il-kumpannija għandha l-obbligu li tadotta miżuri sabiex tiżgura li d-drittijiet ta' parteċipazzjoni ta' l-impjegati huma protetti jekk iseħħu mergers domestiċi sussegwenti għal perjodu ta' tlett snin wara li l-merger transkonfinali jkun seħħ, billi jiġu applikati mutatis mutandis b'analoġija r-regoli stabbiliti f'dan l-Artikolu.

L-Artikolu 17

Validità

Merger transkonfinali li jkun daħal fis-seħħ kif stipulat fl-Artikolu 12 ma jistax jiġi ddikjarat null u bla effett.

L-Artikolu 18

Reviżjoni

Ħames snin wara d-data msemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 19, il-Kummissjoni għandha tirrevedi din id-Direttiva fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħha, u, jekk meħtieġ, tipproponi l-emendar tagħha.

L-Artikolu 19

Trasposizzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa Diċembru ta' l-2007.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati minn referenza ta' dan it-tip fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodu għall-għamla ta' din il-proċedura għandha tkun stabbilita mill-Istati Membri.

L-Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 21

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Stasburgu, nhar is-26 ta' Ottubru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

D. ALEXANDER


(1)  ĠU C 117, tat-30.4.2004, p. 43.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2005(għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u d-Deċisjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Settembru 2005.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l-20 ta' Jannar 2004 fuq il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar il-mergers) (ĠU L 24, tad-29.1.2004, p. 1).

(4)  ĠU L 225, tat-12.8.1998, p. 16.

(5)  ĠU L 82, tat-22.3.2001, p. 16.

(6)  ĠU L 80, tat-23.3.2002, p. 29.

(7)  ĠU L 254, tat-30.9.1994, p. 64. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/74/KE (ĠU L 10, tas-16.1.1998, p. 22).

(8)  ĠU L 294, ta' l-10.11.2001, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 885/2004 (ĠU L 168, ta' l-1.5.2004, p. 1).

(9)  ĠU L 294, ta' l-10.11.2001, p. 22.

(10)  ĠU C 321, tal-31.12.2003, p. 1.

(11)  L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta' Marzu ta' l-1968 dwar il-kordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità (ĠU L 65, ta' l-14.3.1968, p. 8). Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(12)  ĠU L 295, ta' l-20.10.1978, p. 36. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.