13.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

256


ID-DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL 2005/214/ĠAI

ta’ l-24 ta’ Frar 2005

dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31(a) u 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju Unit, tar-Repubblika Franċiża u tar-Renju ta’ l-Iżvezja (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 1999 approva l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li għandu jsir il-pedament ta’ koperazzjoni ġudizzjarja kemm f’materji ċivili kif ukoll f’materji kriminali fl-Unjoni.

(2)

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu japplika għal penali finanzjarji mposti minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jiġi faċilitat l-infurzar ta’ tali penali fi Stat Membru li ma jkunx dak l-Istat li fih ġew imposti l-penali.

(3)

Fid-29 ta’ Novembru 2000 il-Kunsill, skond il-konklużjonijiet ta’ Tampere, adotta programm ta’ miżuri biex jimplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet kriminali (3), u ta prijorità lill-adozzjoni ta’ strument li japplika l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (miżura 18).

(4)

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tkopri wkoll penali finanzjarji mposti għal reati tat-traffiku tat-triq.

(5)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (4), b’mod partikolari fil-Kapitolu VI tagħha. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma tista’ tiġi nterpretata fis-sens li tipprojbixxi r-rifjut ta’ l-esekuzzjoni ta’ deċiżjoni fejn ikun hemm raġunijiet sabiex wieħed jaħseb, abbażi ta’ elementi objettivi, li l-penali finanzjarja għandha l-għan li tikkastiga persuna minħabba is-sess, ir-razza, ir-reliġjon, l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, il-lingwa, l-opinjonijiet politiċi jew l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jew tagħha, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi preġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

(6)

Din id-Deċiżjoni Kwadru ma twaqqafx Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu dwar il-proċess xieraq, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni f’medja oħra,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI KWADRU:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

(a)

“deċiżjoni” tfisser deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ penali finanzjarja minn persuna fiżika jew ġuridika fejn id-deċiżjoni ttieħdet minn:

(i)

qorti ta’ l-Istat emittenti fir-rigward ta’ reat kriminali skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti;

(ii)

awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ reat kriminali skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali;

(iii)

awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ atti li huma kastigabbli skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti billi jikkostitwixxu ksur tal-liġi, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali;

(iv)

qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali, fejn id-deċiżjoni ttieħdet dwar deċiżjoni kif imsemmija fil-punt (iii);

(b)

“penali finanzjarja” tfisser l-obbligu ta’ ħlas ta’:

(i)

somma ta’ flus imposta b’deċiżjoni wara kundanna fuq reat;

(ii)

kumpens impost fl-istess deċiżjoni għall-benefiċċju ta’ vittmi, fejn il-vittma tista’ ma tkunx parti ċivili fil-proċedimenti u fejn il-qorti tkun qed taġixxi fl-eżerċizzju tal-kompetenza kriminali tagħha;

(iii)

somma ta’ flus fir-rigward ta’ l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti jew amministrattivi li wasslu għad-deċiżjoni;

(iv)

somma ta’ flus għal xi fond pubbliku jew organizzazzjoni ta’ sostenn għall-vittmi, imposta fl-istess deċiżjoni.

Penali finanzjarja ma għandhiex tinkludi:

ordnijiet għall-konfiska ta’ mezzi jew ta’ qligħ tal-kriminalità,

ordnijiet ta’ natura ċivili li ġejjin minn talba għal danni u restituzzjoni u li huma infurzabbli skond ir- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u esekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (5);

(ċ)

“Stat emittenti” tfisser l-Istat Membru li fih ġiet mogħtija deċiżjoni fis-sens ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru;

(d)

“Stat ta’ esekuzzjoni” tfisser l-Istat Membru li lilu ġiet trasmessa deċiżjoni għall-iskop ta’ infurzar;

Artikolu 2

Awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill liema awtorità jew awtoritajiet, skond il-liġi nazzjonali tiegħu, huma kompetenti skond din id-Deċiżjoni Kwadru, meta dak l-Istat ikun l-Istat emittenti jew l-Istat ta’ esekuzzjoni.

2.   Minkejja l-Artikolu 4, kull Stat Membru jista’ jinnomina, jekk ikun neċessarju minħabba l-organizzazzjoni tas-sistema interna tiegħu, awtorità waħda jew aktar responsabbli għat-trasmissjoni u r-riċeviment amministrattivi tad-deċiżjonijiet u biex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti.

3.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħmel l-informazzjoni li jirċievi disponibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni.

Artikolu 3

Drittijiet fondamentali

Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li temenda l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fondamentali u tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat.

Artikolu 4

Trasmissjoni ta’ deċiżjonijiet u rikors għall-awtorità ċentrali

1.   Deċiżjoni, flimkien ma’ ċertifikat kif previst f’dan l-Artikolu, jista’ jiġi trasmess lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li fih għandha l-proprjetà jew id-dħul il-persuna fiżika jew ġuridika, li kontriha ttieħdet deċiżjoni, hija normalment residenti jew, fil-każ ta’ persuna ġuridika, għandha l-uffiċċju reġistrata tagħha.

2.   Iċ-ċertifikat, li l-formola standard għalih tinsab fl-Anness, għandu jiġi ffirmat, u l-kontenut tiegħu għandu jiġi ċertifikat bħala preċiż, mill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti.

3.   Id-deċiżjoni jew kopja ċertifikata tagħha, flimkien maċ-ċertifikat, għandhom jiġu trasmessi mill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti direttament lill-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta’ esekuzzjoni jistabbilixxi l-awtentiċità tagħha. L-oriġinal tad-deċiżjoni, jew kopja ċertifikata tagħha, u l-oriġinal taċ-ċertifikat, għandhom jintbagħtu lill-Istat ta’ esekuzzjoni jekk dan hekk jitlob. Il-komunikazzjonijiet uffiċjali kollha għandhom isiru wkoll direttament bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmija.

4.   L-Istat emittenti għandu jittrasmetti deċiżjoni lill-Stat ta’ esekuzzjoni wieħed biss fi kwalunkwe mument speċifiku.

5.   Jekk l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni mhijiex magħrufa mill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, din ta’ l-aħħar għandha tfittex b’kull mezz ta’ tiftix meħtieġ, anke permezz tal-punti ta’ kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew (6) sabiex tikseb l-informazzjoni mill-Istat ta’ esekuzzjoni.

6.   Meta xi awtorità, fl-Istat ta’ esekuzzjoni, li tirċievi deċiżjoni ma jkollhiex il-kompetenza sabiex tirrikonoxxiha u tieħu l-miżuri meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, għandha, ex officio, titrasmetti d-deċiżjoni lill-awtorità kompetenti u għandha tinforma lill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti b’dan

7.   Ir-Renju Unit u l-Irlanda, rispettivament, jistgħu jistqarru f’dikjarazzjoni li d-deċiżjoni flimkien maċ-ċertifikat għandhom jintbagħtu permezz ta’ l-awtorità ċentrali tagħhom jew l-awtoritajiet speċifikati minnhom fid-dikjarazzjoni. Dawn l-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw li jillimitaw l-ambitu ta’ tali dikjarazzjoni fi kwalunkwe ħin sabiex jagħtu aktar effett lill-paragrafu 3. Għandhom jagħmlu hekk meta jiddaħħlu fis-seħħ, fir-rigward tagħhom, id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna reċiproka tal-Konvenzjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Schengen. Kwalunkwe dikjarazzjoni għandha tiġi depożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u notifikata lill-Kummissjoni.

Artikolu 5

L-ambitu ta’ applikazzjoni

1.   Ir-reati li ġejjin, jekk huma kastigabbli fl-Istat emittenti u kif inhuma definiti mill-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, skond l-istipulazzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jagħtu lok għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet:

parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali,

terroriżmu,

traffikar tal-bnedmin,

sfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija bit-tfal,

traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi,

traffikar illeċitu ta’ armi, munizzjoni u splussivi,

korruzzjoni,

frodi, inkluża dik li jolqot l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej fis-sens tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej,

laundering ta’ qligħ mill-kriminalità,

falsifikazzjoni ta’ flus, inkluża l-falsifikazzjoni ta’ l-ewro,

reati relatati ma’ l-informatika,

reati ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu ta’ speċi minaċċjati ta’ annimali u ta’ speċi minaċċjati ta’ pjanti u varjetajiet,

faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati,

qtil, offiżi gravi fuq il-persuna,

kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti umani,

ħtif ta’ persuni, iż-żamma illegali ta’ persuni u t-teħid ta’ ostaġġi,

razziżmu u xenofobja,

serq kwalifikat bil-vjolenza, organizzat jew bl-użu ta’ armi,

traffikar illeċitu ta’ beni kulturali, inklużi antikitajiet u opri ta’ l-arti,

frodi b’egħmil qarrieqi,

racketeering u estorsjoni,

falsifikazzjoni u piraterija ta’ prodotti,

falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u traffikar tagħhom,

falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas,

traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u growth promoters oħra,

traffikar illeċitu ta’ materjali nukleari jew radjuattivi,

traffikar ta’ vetturi misruqa,

stupru,

ħruq volontarju ta’ proprjetà,

delitti li jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

teħid illegali ta’ inġenji ta’ l-ajru/bastimenti,

sabotaġġ,

kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq, inklużi l-ksur tar-regolamenti dwar il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ u tar-regolamenti dwar merkanzija perikoluża,

kontrabandu ta’ merkanziji,

ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali,

theddid u atti ta’ vjolenza kontra persuni, inkluża vjolenza matul attivitajiet sportivi,

ħsara volontarja kriminali,

serq,

reati stabbiliti mill-Istat emittenti u ntiżi sabiex jimplimentaw l-obbligi assunti permezz ta’ strumenti adottati taħt it-Trattat tal-KE jew taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta’ l-UE.

2.   Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jżid kategoriji oħra ta’ reati mal-lista fil-paragrafu 1 fi kwalunkwe żmien, billi jaġixxi unanimament wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-Trattat ta’ l-UE.

Fid-dawl tar-rapport sottomess lilu skond l-Artikolu 20(5), il-Kunsill għandu jikkonsidra jekk il-lista għandhiex tiġi estiża jew emendata. Il-Kunsill għandu jikkonsidra l-kwistjoni aktar ‘il quddiem fi stadju sussegwenti abbażi ta’ rapport, dwar l-applikazzjoni prattika tad-Deċiżjoni Kwadru, stabbilit mill-Kummissjoni fi żmien 5 snin mid-data msemmija fl-Artikolu 20(1).

3.   Fir-rigward ta’ reati oħra mhux koperti mill-paragrafu 1, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jagħmel li r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjoni tkun soġġetta għall-kondizzjoni li d-deċiżjoni tkun relatata ma’ kondotta li tikkostitwixxi reat skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostitwenti jew mil-mod kif inhi deskritta.

Artikolu 6

Rikonoxximent u esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet

L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni li ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe formalità oħra u għandhom minnufiħ jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 7.

Artikolu 7

Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ esekuzzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu u li jesegwixxu d-deċiżjoni jekk iċ-ċertifikat stipulat fl-Artikolu 4 mhuwiex prodott, mhuwiex komplet jew ma jikkorrispondix b’mod evidenti mad-deċiżjoni.

2.   L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ wkoll tirrifjuta li tirrikonoxxi u li tesegwixxi d-deċiżjoni jekk jiġi stabbilit li:

(a)

ġiet mogħtija deċiżjoni kontra l-persuna ikkundannata fir-rigward ta’ l-istess atti fl-Istat ta’ esekuzzjoni jew fi kwalunkwe Stat għajr l-Istat emittenti jew ta’ esekuzzjoni, u, fil-każ ta’ l-aħħar, id-deċiżjoni ġiet esegwita;

(b)

f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5(3), id-deċiżjoni tikkonċerna atti li ma jikkostitwixxux reat skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.

(ċ)

l-esekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni hija preskritta skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni u d-deċiżjoni tikkonċerna atti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat skond il-liġi tiegħu;

(d)

id-deċiżjoni tikkonċerna atti li:

(i)

huma kkunsidrati mil-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni bħala atti li ġew imwettqa kompletament jew parzjalment fit-territorju ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni jew f’post li hu ttrattat hekk; jew

(ii)

ġew imwettqa barra mit-territorju ta’ l-Istat emittenti u l-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni ma tippermettix il-prosekuzzjoni għall-istess reati meta mwettqa barra t-territorju tiegħu;

(e)

il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tipprevedi l-immunità, li tagħmel l-esekuzzjoni tad-deċiżjoni impossibbli;

(f)

id-deċiżjoni ġiet imposta fuq persuna fiżika li, skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, ma setgħetx, minħabba l-età tagħha, tinżamm kriminalment responsabbli ta’ l-atti li fuqhom ittieħdet id-deċiżoni;

(g)

skond iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4, il-persuna konċernata

(i)

fil-każ ta’ proċedura bil-miktub, ma kinetx, skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti, informata personalment jew permezz ta’ rappreżentant kompetenti skond il-liġi nazzjonali, dwar id-dritt tagħha li tikkuntesta l-każ u dwar il-limiti ta’ żmien ta’ tali rimedju legali, jew

(ii)

ma dehritx personalment, sakemm iċ-ċertifikat ma jiddikjarax:

li l-persuna kienet informata personalment jew permezz ta’ rappreżentant kompetenti skond il-liġi nazzjonali, dwar il-proċedimenti skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti, jew

li l-persuna indikat li hija ma tikkontestax il-każ;

(h)

il-penali finanzjarja hija taħt EUR 70 jew l-ekwivalent għal dik is-somma.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2(ċ) u (g), qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew li ma tesegwix deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezzi xierqa, u għandha, fejn xieraq, titlobha biex tforni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.

Artikolu 8

Determinazzjoni ta’ l-ammont li għandu jitħallas

1.   Fejn jiġi stabbilit li d-deċiżoni tikkonċerna atti li ma twettqux fit-territorju ta’ l-Istat emittenti, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jiddeċiedi li jnaqqas l-ammont tal-penali infurzata għall-ammont massimu previst, għal atti ta’ l-istess xorta, mil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, meta l-atti jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat.

2.   Fejn ikun meħtieġ, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha taqleb il-penali għall-munita ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni bir-rata tal-kambju applikabbli fiż-żmien meta l-penali ġiet imposta.

Artikolu 9

Il-liġi li tirregola l-infurzar

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u għall-Artikolu 10, l-infurzar tad-deċiżjoni għandu jkun regolat mill-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni bl-istess mod ta’ penali finanzjarja ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. L-awtoritajiet ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni biss għandhom ikunu kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għall-infurzar u biex jiddeterminaw il-miżuri kollha relatati miegħu, inklużi r-raġunijiet għat-terminazzjoni ta’ l-infurzar.

2.   Fil-każ fejn il-persuna kundannata tista’ tforni prova ta’ ħlas, totali jew f’parti, fi kwalunkwe Stat, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità ta’ l-Istat emittenti kif previst fl-Artikolu 7(3). Kwalunkwe parti tal-penali rkuprata bi kwalunkwe mod fi kwalunkwe Stat għandha tiġi mnaqqsa kompletament mill-ammont li għandu jiġi nfurzat fl-Istat ta’ esekuzzjoni.

3.   Penali finanzjarja mposta fuq persuna ġuridika għandha tiġi nfurzata anki jekk l-Istat ta’ esekuzzjoni ma jirrikonoxxix il-prinċipju tar-responsabbiltà kriminali ta’ persuni ġuridiċi.

Artikolu 10

Priġunerija jew sanzjoni alternattiva oħra bħala sostitut għal nuqqas ta’ rkupru tal-penali finanzjarja

Fejn mhuwiex possibbli li deċiżjoni tiġi nfurzata, totalment jew f’parti, jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet alternattivi, inkluż sanzjonijiet ta’ priġunerija, mill-Istat ta’ esekuzzjoni jekk il-liġijiet tiegħu jipprovdu għal dan f’tali każijiet u l-Istat emittenti ippermetta l-applikazzjoni ta’ tali sanzjonijiet alternattivi fiċ-ċertifikat msemmi fl-Artikolu 4. Is-severità tas-sanzjoni alternattiva għandha tiġi determinata skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, iżda ma għandhiex teċċedi kwalunkwe livell massimu stipulat fiċ-ċertifikat trasmess mill-Istat emittenti.

Artikolu 11

Amnestija, maħfra, reviżjoni ta’ sentenza

1.   L-amnestija u l-maħfra jistgħu jingħataw mill-Istat emittenti kif ukoll mill-Istat ta’ esekuzzjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, l-Istat emittenti biss jista’ jiddeċiedi dwar applikazzjoni għar-reviżjoni tad-deċiżjoni.

Artikolu 12

It-terminazzjoni ta’ l-infurzar

1.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għanda tinforma minnufiħ lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni jew miżura li bħala riżultat tagħha d-deċiżjoni ma tibqax infurzabbli jew tiġi rtirata mill-Istat ta’ esekuzzjoni għal kwalunkwe raġuni oħra.

2.   L-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jtemm l-infurzar tad-deċiżjoni malli jiġi nformat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti dwar dik id-deċiżjoni jew miżura.

Artikolu 13

L-attribuzzjoni ta’ flejjes li ġejjin mill-infurzar ta’ deċiżjonijiet

Flejjes li jinkisbu mill-infurzar ta’ deċiżjonijiet għandhom imorru għand l-Istat ta’ esekuzzjoni sakemm l-Istat emittenti u dak ta’ esekuzzjoni ma jkunux ftiehmu mod ieħor, b’mod partikolari fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(b)(ii).

Artikolu 14

Informazzjoni mill-Istat ta’ esekuzzjoni

L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub:

(a)

dwar it-trasmissjoni tad-deċiżjoni lill-awtorità kompetenti, skond l-Artikolu 4(6);

(b)

dwar kwalunkwe deċiżjoni sabiex ma tiġix rikonoxxuta jew eżegwita deċiżjoni, skond l-Artikoli 7 jew 20(3), flimkien mar-raġunijiet għal tali deċiżjoni;

(ċ)

dwar in-nuqqas totali jew parzjali ta’ esekuzzjoni tad-deċiżjoni għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 8, l-Artikolu 9(1) u (2), u l-Artikolu 11(1);

(d)

dwar l-esekuzzjoni tad-deċiżjoni hekk kif l-esekuzzjoni ġiet kompletata;

(e)

dwar l-applikazzjoni ta’ sanzjoni alternattiva, skond l-Artikolu 10.

Artikolu 15

Konsegwenzi ta’ trasmissjoni ta’ deċiżjoni

1.   Bla ħsara għall-paragrafu 2, l-Istat emittenti ma jistax ikompli bl-esekuzzjoni ta’ deċiżjoni trasmessa skond l-Artikolu 4.

2.   Id-dritt ta’ esekuzzjoni tad-deċiżjoni għandu jerġa’ jsir ta’ l-Istat emittenti:

(a)

malli jiġi notifikat mill-Istat ta’ esekuzzjoni dwar in-nuqqas totali jew parzjali ta’ esekuzzjoni jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ infurzar tad-deċiżjoni fil-każ ta’ l-Artikolu 7, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 7(2)(a), fil-każ ta’ l-Artikolu 11(1), u fil-każ ta’ l-Artikolu 20(3), jew

(b)

meta l-Istat ta’ esekuzzjoni ġie nformat mill-Istat emittenti li l-esekuzzjoni tad-deċiżjoni ġiet irtirata mill-Istat ta’ esekuzzjoni skond l-Artikolu 12.

3.   Jekk, wara t-trasmissjoni ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 4, xi awtorità ta’ l-Istat emittenti tirċievi kwalunkwe somma ta’ flus li tħallset volontarjament mill-persuna kundannata fir-rigward tad-deċiżjoni, dik l-awtorità għandha tinforma lill-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni mingħajr dewmien. L-Artikolu 9(2) għandu japplika.

Artikolu 16

Lingwi

1.   Iċ-ċertifikat, li l-formola standard għaliħ tinsab fl-Anness, għandu jiġi tradott fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Kwalunkwe Stat Membru jista’, meta din id-Deċiżjoni Kwadru tiġi adottata jew f’data aktar tard, jistqarr permezz ta’ dikjarazzjoni depożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li jaċċetta traduzzjoni f’waħda jew iżjed mill-lingwi uffiċjali l-oħra ta’ l-Istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni.

2.   L-esekuzzjoni tad-deċiżjoni tista’ tiġi sospiża għaż-żmien meħtieġ biex tinkiseb it-traduzzjoni tagħha, li għandha titħallas mill-Istat ta’ esekuzzjoni.

Artikolu 17

Spejjeż

L-Istati Membri ma għandhomx jitolbu minn għand xulxin ir-rimborż ta’ spejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

Artikolu 18

Relazzjoni ma’ ftehim u arranġamenti oħra

Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni ta’ ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali bejn Stati Membri sakemm tali ftehim jew arranġamenti jippermettu li l-applikazzjoni tmur lil hinn minn dak dispost f’din id-Deċiżjoni Kwadru u jgħinu fis-simplifikazzjoni jew fil-faċilitazzjoni ulterjuri tal-proċeduri għall-infurzar ta’ penali finanzjarji.

Artikolu 19

Applikazzjoni territorjali

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tapplika għal Ġibilterra.

Artikolu 20

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din ir-Deċiżjoni Kwadru sat-22 ta’ Marzu 2007.

2.   Kull Stat Membru jista’, għal perjodu ta’ mhux aktar minn 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, jillimita l-applikazzjoni tagħha għal:

(a)

deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 (a)(i) u (iv); u/jew

(b)

fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, deċiżjonijiet relatati ma kondotta li għaliha strument Ewropew jipprovdi għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi.

Kwalunkwe Stat Membru li jrid jagħmel użu minn dan il-paragrafu għandu jinnotifika dikjarazzjoni f’dak is-sens lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill meta din id-Deċiżjoni Kwadru tiġi adottata. Id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.   Kull Stat Membru jista’ jopponi r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fejn iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4 jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali jew tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(3) għandha tapplika.

4.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ japplika l-prinċipju ta’ reċiproċità fir-rigward ta’ kwalunkwe Stat Membru li jkun qed jagħmel użu mill-paragrafu 2.

5.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obligazzjonijiet imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Kwadru. Abbażi ta’ rapport stabbilit mill-Kummissjoni abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kunsill għandu, sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Marzu 2008, jistma l-miżura li fiha l-Istat Membri kkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

6.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni bid-dikjarazzjonijiet magħmula skond l-Artikoli 4(7) u 16.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35(7) tat-Trattat, Stat Membru li ltaqa’ ma’ diffikultajiet ripetuti jew ma’ nuqqas ta’ attività minn Stat Membru ieħor fir-rikonoxximent u l-esekuzzjoni reċiproċi ta’ deċiżjonijiet, li ma ġewx riżolti permezz ta’ konsultazzjonijiet bilaterali, jista’ jinforma lill-Kunsill bil-ħsieb li tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru fuq il-livell ta’ Stat Membru.

8.   Kwalunkwe Stat Membru li applika l-paragrafu 3 f’sena kalendarja, għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fil-bidu tas-sena kalendarja sussegwenti, bil-każijiet li fihom ġew applikati r-raġunijiet msemmija f’dik id-dispożizzjoni għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni.

9.   Fi żmien 7 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport abbażi ta’ l-informazzjoni riċevuta, akkumpanjat minn kwalunkwe inizjattivi li tikkonsidra xierqa. Abbażi tar-rapport il-Kunsill għandu jirrevedi dan l-Artikolu bil-ħsieb li jikkonsidra jekk il-paragrafu 3 għandux jinżamm jew għandux jiġi sostitwit minn dispożizzjoni iżjed speċifika.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Kwadru għanda tidħol fis-seħħ fil-jum li tkun ġiet ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, nhar l-24 ta’ Frar 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 278, 2.10.2001, p. 4.

(2)  ĠU C 271E, 7.11.2002, p. 423.

(3)  ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

(4)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(5)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2004 (ĠU L 381, 28.12.2004, p. 10).

(6)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/428/ĠAI tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar l-istabbiliment ta’ Network Ġudizzjarju Ewropew (ĠU L 191, 7.7.1998, p. 4).


ANNESS

ĊERTIFIKAT

imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji

(a)

*

Stat emittenti: …

*

Stat ta’ esekuzzjoni: …

(b)

L-awtorità li ħarġet id-deċiżjoni li timponi penali finanzjarja:

 

Isem uffiċjali: …

 

Indirizz: …

 

Riferiment fil-file (…) …

 

Nru. tel.: (kodiċi tal-pajjiż) (kodiċi taż-żona/tal-belt) …

 

Nru. tal-fax (kodiċi tal-pajjiż) (kodiċi taż-żona/tal-belt) …

 

E-mail (fejn disponibbli) …

 

Lingwi li bihom hija possibbli l-komunikazzjoni ma’ l-awtorità tal-ħruġ

 

Dettalji ta’ persuna/i għal kuntatt għal iżjed informazzjoni għall-finijiet ta’ l-infurzar tad-deċiżjoni jew, fejn applikabbli, għall-finijiet tat-trasferiment lejn l-Istat emittenti ta’ flejjes miksuba mill-infurzar (isem, titolu/grad, Nru. tel., Nru. tal- fax, u, fejn disponibbli, E-mail):

(ċ)

L-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti għall-infurzar tad-deċiżjoni li timponi l-penali finanzjarja (jekk l-awtorità hija differenti mill-awtorità fil-punt (b)):

 

Isem uffiċjali: …

 

Indirizz: …

 

Nru. tel.: (kodiċi tal-pajjiż) (kodiċi taż-żona/tal-belt) …

 

Nru. tal-fax (kodiċi tal-pajjiż) (kodiċi taż-żona/tal-belt) …

 

E-mail (fejn disponibbli) …

 

Lingwi li bihom hija possibbli l-komunikazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti għall-infurzar …

 

Dettalji ta’ persuna/i għal kuntatt għal iżjed informazzjoni għall-finijiet ta’ l-infurzar tad-deċiżjoni jew, fejn applikabbli, għall-finijiet tat-trasferiment lejn l-Istat emittenti ta’ flejjes miksuba mill-infurzar (isem, titolu/grad, Nru. tel., Nru. tal-fax, u, fejn disponibbli, E-mail): …

(d)

Fejn awtorità ċentrali ingħatat ir-responsabbiltà għat-trasmissjoni amminstrattiva ta’ deċiżjonijiet li jimponu penali finanzjarji fl-Istat emittenti:

 

Isem ta’ l-awtorità ċentrali: …

 

Persuna ta’ kuntatt, jekk applikabbli (titolu/grad u isem): …

 

Indirizz: …

 

Riferiment fil-file (…)

 

Nru. tel.: (kodiċi tal-pajjiż) (kodiċi taż-żona/tal-belt) …

 

Nru. tal-fax: (kodiċi tal-pajjiż) (kodiċi taż-żona/tal-belt) …

 

E-mail (fejn disponibbli) …

(e)

L-awtorità jew awtoritajiet li jistgħu jiġu kkuntattjati (fil-każ fejn il-punt (ċ) u/jew (d) ġew kompletati):

Awtorità msemmija fil-punt (b)

Tista’ tiġi kkuntattjata għal mistoqsijiet dwar: …

Awtorità msemmija fil-punt (ċ)

Tista’ tiġi kkuntattjata għal mistoqsijiet dwar: …

Awtorità msemmija fil-punt (d)

Tista’ tiġi kkuntattjata għal mistoqsijiet dwar: …

(f)

Informazzjoni dwar il-persuna fiżika jew ġuridika li fuqha ġiet imposta l-penali finanzjarja:

1.   Fil-każ ta’ persuna fiżika

Kunjom: …

Isem/Ismijiet: …

Isem ta’ xebba, fejn applikabbli: …

Psewdonimi, fejn applikabbli: …

Sess: …

Ċittadinanza: …

Numru ta’ identità jew numru ta’ sigurtà soċjali (fejn disponibbli): …

Data tat-Twelid: …

Post tat-Twelid: …

L-aħħar indirizz magħruf: …

Lingwa/i li l-persuna tifhem (jekk magħruf): …

(a)

Jekk id-deċiżjoni hija trasmessa lill-Istat ta’ esekuzzjoni għaliex il-persuna kontra min id-deċiżjoni ttieħdet hija normalment residenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni, żid l-informazzjoni li ġejja:

Residenza normali fl-Istat ta’ esekuzzjoni: …

(b)

Jekk id-deċiżjoni hija trasmessa lill-Istat ta’ esekuzzjoni għaliex il-persuna kontra min id-deċiżjoni ttieħdet għandha l-proprjetà fl-Istat ta’ esekuzzjoni, żid l-informazzjoni li ġejja:

Deskrizzjoni tal-proprjetà tal-persuna: …

Lok tal-proprjetà tal-persuna: …

(ċ)

Jekk id-deċiżjoni hija trasmessa lill-Istat ta’ esekuzzjoni għaliex il-persuna kontra min id-deċiżjoni ttieħdet għandha d-dħul fl-Istat ta’ esekuzzjoni, żid l-informazzjoni li ġejja:

Deskrizzjoni tas-sors/i tad-dħul tal-persuna: …

Lok tas-sors/i tad-dħul tal-persuna: …

2.   Fil-każ ta’ persuna ġuridika:

Isem: …

Tip ta’ persuna ġuridika: …

Numru ta’ reġistrazzjoni (jekk disponibbli) (1): …

Sede ta’ reġistrazzjoni (jekk disponibbli) (1): …

Indirizz tal-persuna ġuridika: …

(a)

Jekk id-deċiżjoni hija trasmessa lill-Istat ta’ esekuzzjoni għaliex il-persuna ġuridika li kontriha ttieħdet id-deċiżjoni għandha l-proprjetà fl-Istat ta’ esekuzzjoni, żid l-informazzjoni li ġejja:

Deskrizzjoni tal-proprjetà tal-persuna ġuridika: …

Lok tal-proprjetà tal-persuna ġuridika: …

(b)

Jekk id-deċiżjoni hija trasmessa lill-Istat ta’ esekuzzjoni għaliex il-persuna ġuridika li kontriha ttieħdet id-deċiżjoni għandha d-dħul fl-Istat ta’ esekuzzjoni, żid l-informazzjoni li ġejja:

Deskrizzjoni tas-sors/i tad-dħul tal-persuna ġuridika: …

Lok tas-sors/i tad-dħul tal-persuna ġuridika: …

(g)

Id-deċiżjoni li timponi penali finanzjarja:

1.

In-natura tad-deċiżjoni li timponi penali finanzjarja (immarka l-kaxxa rilevanti):

 (i)

Deċiżjoni ta’ qorti ta’ l-Istat emittenti fir-rigward ta’ reat kriminali taħt il-liġi ta’ l-Istat emittenti.

 (ii)

Deċiżjoni ta’ awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ reat kriminali taħt il-liġi ta’ l-Istat emittenti. Huwa konfermat li l-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza b’mod partikolari f’materji kriminali.

 (iii)

Deċiżjoni ta’ awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti fir-rigward ta’ atti li huma kastigabbli taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti billi jikkostitwixxu ksur tal-liġi. Huwa konfermat li l-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza b’mod partikolari f’materji kriminali.

 (iv)

Deċiżjoni ta’ qorti li għandha l-kompetenza b’mod partikolari f’materji kriminali dwar deċiżjoni kif imsemmija fil-punt (iii).

Id-deċiżjoni ttieħdet fi (data) …

Id-deċiżjoni saret finali fi (data) …

Numru ta’ riferenza tad-deċiżjoni (jekk disponibbli): …

Il-penali finanzjarja tikkostitwixxi obbligu ta’ ħlas (immarka l-kaxxa/i rilevanti u indika l-ammont/i b’indikazzjoni tal-munita):

 (i)

Somma ta’ flus imposta b’deċiżjoni wara kundanna ta’ reat.

Ammont: …

 (ii)

Kumpens impost fl-istess deċiżjoni għall-benefiċċju ta’ vittmi, fejn il-vittma tista’ ma tkunx parti ċivili fil-proċedimenti u fejn il-qorti tkun qed taġixxi fl-eżerċizzju tal-kompetenza kriminali tagħha.

Ammont: …

 (iii)

Somma ta’ flus fir-rigward ta’ l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti jew proċedimenti amministrattivi li wasslu għad-deċiżjoni.

Ammont: …

 (iv)

Somma ta’ flus għal fond pubbliku jew organizzazzjoni ta’ sostenn għall-vittmi, imposta fl-istess deċiżjoni.

Ammont: …

L-ammont totali tal-penali finanzjarja b’indikazzjoni tal-munita: …

2.

Taqsira ta’ fatti u deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom seħħ(ew) ir-reat(i), inkluż il-ħin u l-post: …

Natura u klassifikazzjoni legali tar-reat(i) u d-dispożizzjoni jew kodiċi statutorja/u applikabbli li abbażi tagħha/tiegħu ttieħdet id-deċiżjoni: …

3.

Sa fejn ir-reat(i) identifikat(i) taħt il-punt 2 hawn fuq jikkostitwixxi/u wieħed jew iżjed mir-reati li gejjin, ikkonferma dan billi timmarka l-kaxxa/i rilevanti:

parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali;

terroriżmu;

traffikar tal-bnedmin;

sfruttament sesswali tat-tfal u pornografjia bit-tfal;

traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi;

traffikar illeċitu ta’ armi, munizjoni u splussivi;

korruzzjoni;

frodi, inkluża dik li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej fis-sens tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej;

laundering ta’ qligħ mill-kriminalità;

falsifikazzjoni ta’ flus, inkluża l-falsifikazzjoni ta’ l-ewro;

reati relatati ma’ l-informatika;

reati ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu ta’ speċi minnaċċjati ta’ annimali u ta’ speċi minnaċċjati ta’ pjanti u varjetajiet;

faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati;

qtil, offiżi gravi fuq il-persuna;

kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti umani;

ħtif ta’ persuni, iż-żamma illegali ta’ persuni u t-teħid ta’ ostaġġi;

razziżmu u xenofobja;

serq kwalifikat bi vjolenza, organizzat jew bl-użu ta’ armi;

traffikar illeċitu f’beni kulturali, inklużi antikitajiet u opri ta’ l-arti;

frodi b’egħmil qarrieqi;

racketeering u estorsjoni;

falsifikazzjoni u piraterija ta’ prodotti;

falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u t-traffikar tagħhom;

falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas;

traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u ta’ growth promoters oħra;

traffikar illeċitu ta’ materjali nukleari jew radjuattivi;

traffikar ta’ vetturi misruqa;

stupru;

ħruq volontarju ta’ proprjetà;

reati li jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

teħid illegali ta’ inġenji ta’ l-ajru/bastimenti;

sabotaġġ;

kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq, inklużi l-ksur tar-regolamenti dwar il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ u r-regolamenti dwar merkanzija perikoluża;

kontrabandu ta’ merkanziji;

ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

theddid u atti ta’ vjolenza kontra persuni, inkluża vjolenza matul attivitajiet sportivi;

ħsara volontarja kriminali;

serq;

reati stabbiliti mill-Istat emittenti u ntiżi sabiex jimplimentaw l-obbligi assunti permezz ta’ istrumenti adottati taħt it-Trattat tal-KE jew taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta’ l-UE.

Jekk din il-kaxxa tiġi mmarkata, indika d-dispożizzjonijiet eżatti ta’ l-istrument adottat abbażi tat-Trattat tal-KE jew it-Trattat ta’ l-UE li għalihom japplika r-reat: …

4.

Sa fejn ir-reat(i) identifikat(i) fil-punt 2 hawn fuq mhuwiex/mhumiex kopert(i) mill-punt 3, agħti deskrizzjoni sħiħa tar-reat(i) ikkonċernat(i): …

(h)

Status tad-deċiżjoni li timponi l-penali finanzjarja

1.

Ikkonferma li (immarka l-kaxxi):

 (a)

id-deċiżjoni hija deċiżjoni finali

 (b)

sa fejn taf l-awtorità li qiegħda toħroġ iċ-ċertifikat, ma ġietx mogħtija deċiżjoni kontra l-istess persuna dwar l-istess atti fl-Istat ta’ esekuzzjoni u ma ġiet esegwita l-ebda tali deċiżjoni mogħtija fi kwalunkwe Stat ieħor, li mhuwiex l-Istat emittenti jew l-Istat ta’ esekuzzjoni

2.

Indika jekk il-każ kienx suġġett għal proċedura bil-miktub:

 (a)

Le, ma kienx.

 (b)

Iva, kien. Huwa konfermat li l-persuna konċernata kienet, skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti, informata personalment jew permezz ta’ rappreżentant kompetenti skond il-liġi nazzjonali, dwar id-drittijiet tagħha li tikkuntesta l-każ u dwar il-limiti ta’ żmien għal tali rimedju legali

3.

Indika jekk il-persuna konċernata dehret personalment fil-proċedimenti:

 (a)

Iva, dehret.

 (b)

Le, ma dehritx. Huwa konfermat:

li l-persuna kienet informata personalment jew permezz ta’ rappreżentant kompetenti skond il-liġi nazzjonali, bil-proċedimenti skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti,

jew

li l-persuna indikat li ma tikkontestax il-każ

4.

Ħlas parzjali tal-penali

Jekk kwalunkwe parti tal-penali diġa tħallset lill-Istat emittenti, jew, sa fejn taf l-awtorità li qiegħda toħroġ iċ-ċertifikat, tħallset lil kwalunkwe Stat ieħor, indika l-ammont li tħallas: …

(i)

Sanzjonijiet alternattivi, inklużi sanzjonijiet ta’ priġunerija

1.

Indika jekk l-Istat emittenti jippermetti lill-Istat ta’ esekuzzjoni japplika sanzjonijiet alternattivi fil-każ li ma jkunx possibbli l-infurzar tad-deċiżjoni li timponi penali, totalment jew f’parti:

iva

le

2.

Jekk iva, indika liema sanzjonijiet jistgħu jiġu applikati (natura tas-sanzjoniojiet, livell massimu tas-sanzjonijiet):

Priġunerija. Perjodu massimu: …

Servizz komunitarju (jew ekwivalenti). Perjodu massimu: …

Sanzjonijiet oħra. Deskrizzjoni: …

(j)

Ċirkostanzi oħra pertinenti għall-każ (informazzjoni mhux obbligatorja): …

(k)

It-test tad-deċiżjoni li timponi l-penali finanzjarja huwa mehmuż maċ-ċertifikat.

Firma ta’ l-awtorità li toħroġ iċ-ċertifikat u/jew ir-rappreżentant li tiċċertifika li l-kontenut taċ-ċertifikat huwa preċiż: …

Isem: …

Pożizzjoni (titolu/grad): …

Data: …

Timbru uffiċjali (jekk disponibbli)


(1)  Fejn deċiżjoni hija trasmessa lill-Istat ta’ esekuzzjoni għaliex il-persuna ġuridika li kontriha ttieħdet id-deċiżjoni għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’dak l-Istat, in-Numru ta’ reġistrazzjoni u s-Sede jew l-Indirizz ta’ l-uffiċċju reġistrat għandhom jiġu kompletati.