29.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

78


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/826/PESK

ta' l-24 ta' Novembru 2005

dwar it-twaqqif ta' Grupp ta' Konsulenza tal-Pulizija ta' l-UE (EUPAT) fir-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikolu 14, it-tielet sub-paragrafu ta' l-Artikolu 25, l-Artikolu 26 u l-Artikolu 28(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond il-Ftehim Kwadru ta' Ohrid, il-kontribut ta' l-Unjoni huwa bbażat fuq approċċ wiesa' ma' attivitajiet sabiex tiġi indirizzata l-firxa kollha ta' aspetti ta' l-istat tad-dritt, inklużi l-programmi ta' bini ta' istituzzjonijiet u l-attivitajiet tal-pulizija li għandhom isostnu u jirrinfurzaw lil xulxin reċiprokament. L-attivitajiet ta' l-Unjoni, sostnuti, inter alia, mill-programmi Komunitarji għall-bini ta' istituzzjonijiet taħt ir-Regolament CARDS, sejrin jikkontribwixxu fl-implementazzjoni ġenerali tal-paċi fir-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja kif ukoll għall-kisbiet tal-politika ġenerali ta' l-Unjoni fir-reġjun, notevolment il-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni.

(2)

L-Unjoni ħatret Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (EUSR) sabiex jikkontribwixxi għall-konsolidament tal-proċess politiku paċifiku u l-implementazzjoni sħiħa tal-Ftehim Kwadru ta' Ohrid, sabiex jgħin jiżgura l-koerenza ta' l-azzjoni esterna ta' l-UE u jiżgura l-koordinazzjoni ta' l-isforzi ta' għajnuna mill-komunità internazzjonali fl-implementazzjoni u għas-sostenibbiltà tad-dispożizzjonijiet ta' dak il-Ftehim Kwadru.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni 1371 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adottata fis-26 ta' Settembru 2001 tilqa' l-Ftehim Kwadru u ssostni l-implementazzjoni sħiħa tiegħu permezz ta', inter alia, l-UE.

(4)

Fl-interess tal-preservazzjoni u l-propagazzjoni tar-riżultati sinifikattivi miksuba fir-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja permezz ta' impenn konsiderevoli ta' l-isforz politiku u r-riżorsi ta' l-UE, l-UE kabbret l-irwol tagħha fil-ħidma tal-pulizija sabiex tikkontribwixxi iktar għal ambjent ta' sigurtà stabbli sabiex il-Gvern tar-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja ikun jista' jimplementa l-Ftehim Kwadru ta' Ohrid.

(5)

Is-sitwazzjoni fir-rigward tas-sigurtà fir-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja kompliet titjieb mill-konflitt fl-2001 'l hawn. Fl-2005 l-istabbiltà ssaħħet iktar. Ittieħdu passi fil-preparazzjoni għal u l-implementazzjoni tar-riformi ċentrali tal-Ftehim Kwadru ta' Ohrid u saru sforzi sabiex jiġu indirizzati prijoritajiet oħrajn tar-riforma, anke fil-qasam ta' l-istat tad-dritt. Madankollu impenn kontinwu ta' l-isforz poltiku u r-riżorsi ta' l-UE sejjer jgħin sabiex tiġi msejsa iktar l-istabbiltà kemm fil-pajjiż kif ukoll fir-reġjun.

(6)

Fis-16 ta' Settembru 2003, l-awtoritajiet tar-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja stiednu lill-UE tassumi r-responsabbiltà għal rwol akbar fil-ħidma tal-pulizija u għall-insedjament ta' Missjoni tal-Pulizija ta' l-UE (EUPOL PROXIMA).

(7)

L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2003/681/PESK (1) stabbilixxiet l-EUPOL PROXIMA għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-15 ta' Diċembru 2003 sa l-14 ta' Diċembru 2004. L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/789/PESK (2) estendiet l-EUPOL PROXIMA għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-15 ta' Diċembru 2004 sa l-14 ta' Diċembru 2005.

(8)

Matul il-konsultazzjonijiet ma' l-UE, ġie indikat mill-Gvern tar-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja (fYROM) li jkun milqugħ pożittivament, taħt ċerti kondizzjonijiet, Grupp ta' Konsulenza tal-Pulizija ta' l-UE li jservi bħala mezz ta' kontinwazzjoni bejn it-tmiem ta' l-EUPOL PROXIMA u proġett ippjanat iffinanzjat minn CARDS bil-ħsieb li jipprovdi assistenza teknika fil-kamp operattiv.

(9)

Konformement mal-linji gwida stabbiliti mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Nizza mis-7 sad-9 ta' Diċembru 2000, din l-Azzjoni Konġunta għandha tiddetermina l-irwol tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “SG/HR”), skond l-Artikoli 18(3) u 26 tat-Trattat fl-implementazzjoni tal-miżuri li jaqgħu fl-ambitu tal-kontroll politiku u tad-direzzjoni strateġika eżerċitati mill-PSC.

(10)

L-Artikolu 14(1) tat-Trattat isejjaħ għall-indikazzjoni ta' ammont finanzjarju ta' referenza għall-perjodu kollu ta' implementazzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta. L-indikazzjoni ta' l-ammonti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-budget Komunitarju turi r-rieda ta' l-awtorità leġislattiva u hija suġġett għad-disponibbiltà ta' approprjazzjonijiet ta' impenn matul is-sena rispettiva tal-budget.

(11)

Għandu jsir rikors, sa fejn ikun possibbli, għall-użu mill-ġdid ta' tagħmir li jkun fadal minn attivitajiet operattivi oħra ta' l-UE, speċjalment l-EUPOL PROXIMA, b'kont meħud tal-ħtiġijiet operattivi u tal-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba.

(12)

Il-mandat ta' l-EUPM sejjer jiġi implementat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li fiha mhuwiex żgurat bis-sħiħ l-istat tad-dritt u li tista' tkun ta' ħsara għall-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Objettiv

1.   L-Unjoni Ewropea b'dan tistabbilixxi Grupp ta' Konsulenza tal-Pulizija ta' l-UE (EUPAT) fir-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja (fYROM) mill-15 ta' Diċembru 2005 sa l-14 ta' Ġunju 2006.

2.   L-objettiv ta' l-EUPAT għandu jkun li jkompli jsostni l-iżvilupp ta' servizz effiċjenti u professjonali tal-pulizija bbażat fuq standards Ewropej tal-ħidma tal-pulizija.

Artikolu 2

Mandat

L-EUPAT, konformement ma' l-għanijiet tal-Ftehim Kwadru ta' Ohrid, fi sħubija ma' l-awtoritajiet relevanti, u b'perspettiva iktar wiesgħa ta' l-Istat ta' Dritt għandu jkompli jsostni l-iżvilupp ta' servizz effiċjenti u professjonali tal-pulizija bbażat fuq standards Ewropej tal-ħidma tal-pulizija, b'koordinament mill-qrib mal-Kummissjoni, partikolarment fid-dawl ta' l-implementazzjoni tal-programmi Komunitarji relevanti ta' bini ta' istituzzjonijiet u b'komplementarità ma' l-OSCE u ma' programmi bilaterali. Taħt il-gwida ta' l-EUSR u bi sħubija ma' l-awtoritajiet tal-Gvern ospitanti, l-esperti tal-pulizija ta' l-UE għandhom jissorveljaw u jiggwidaw lill-pulizija tal-pajjiż fir-rigward ta' kwistjonijiet prijoritarji fl-oqsma tal-Pulizija tal-Fruntiera, tal-Paċi, Ordni u Responsabbiltà Pubbliċi, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-kriminalità organizzata. L-attivitajiet ta' l-EUPAT għandhom jiffokaw fuq il-livelli medji u superjuri ta' l-amministrazzjoni.

Għal dan il-għan, l-EUPAT għandu jagħti attenzjoni speċjali lil dawn li ġejjin:

l-implementazzjoni globali tar-riforma tal-pulizija fil-kamp operattiv;

il-koperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura;

l-istandards professjonali/il-kontroll intern.

Artikolu 3

Fażi ta' ppjanar

1.   Bħala tħejjija għat-twaqqif ta' l-EUPAT, il-Kap tal-Pulizija tal-Missjoni ta' l-EUPOL PROXIMA, filwaqt li jkompli jibni fuq ix-xogħol li sar mill-EUPOL PROXIMA, u abbażi tal-gwida mogħtija mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PSC), għandu jfassal Pjan Ġenerali u jiżviluppa l-istrumenti tekniċi kollha meħtieġa sabiex iwettaq it-twaqqif ta' l-EUPAT.

2.   Għal dan il-għan. il-Kap attwali tal-Missjoni għandu jikkonsulta u jikkoordina mal-Kummissjoni Ewropea u ma' l-OSCE fi Skopje kif ukoll mal-Gvern tar-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja, skond kif ikun meħtieġ.

Artikolu 4

Struttura

1.   L-EUPAT għandu jikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

(a)

kwartieri ġenerali fi Skopje, magħmulin mill-Kap ta' l-EUPAT u mill-persunal kif definit fil-Pjan Ġenerali;

(b)

unità ċentrali waħda ta' ko-lokazzjoni fil-livell tal-Ministeru ta' l-Intern;

(ċ)

unitajiet mobbli ko-lokati fil-fYROM fil-livelli xierqa.

2.   Dawn l-elementi għandhom jiġu elaborati fil-Pjan Ġenerali.

Artikolu 5

Il-Kap ta' l-EUPAT u l-persunal

1.   Il-Kap ta' l-EUPAT għandu jkun responsabbli mit-tmexxija u l-koordinament ta' l-attivitajiet ta' l-EUPAT.

2.   Il-Kap ta' l-EUPAT għandu jieħu f'idejh l-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-EUPAT u għandu jkun responsabbli mill-kwistjonijiet ta' persunal u ta' dixxiplina. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta' l-UE konċernata.

3.   Il-Kap ta' l-EUPAT għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

4.   L-uffiċjali tal-pulizija għandhom jiġu sekondati mill-Istati Membri. Il-perjodu li għalih jiġu sekondati għandu jkun ta' 6 xhur u jibda fil-15 ta' Diċembru 2005. Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż relatati ma' l-uffiċjali tal-pulizija sekondati minnu, inklużi s-salarji, l-assikurazzjoni medika, l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar lejn u mill-fYROM, u l-allowances barra minn dawk li jkunu per diem.

5.   L-EUPAT għandu jirrekluta l-persunal ċivili internazzjonali u l-persunal lokali fuq bażi kontrattwali skond kif ikun meħtieġ.

6.   L-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu, jekk ikun meħtieġ, ukoll jissekondaw persunal ċivili internazzjonali għal perjodu ta' sitt xhur li jibda fil-15 ta' Diċembru 2005. Kull Stat Membru jew istituzzjoni ta' l-UE għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe persunal sekondat minnhom inklużi s-salarji, l-assikurazzjoni medika, l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar lejn u mill-fYROM, u l-allowances barra minn dawk li jkunu per diem.

7.   Filwaqt li jibqgħu taħt l-awtorità ta' l-Istati Membri jew istituzzjonijiet Komunitarji li jissekondawhom, l-esperti kollha fl-EUPAT għandhom iwettqu dmirijiethom u jaġixxu fl-interess uniku ta' l-azzjoni ta' l-UE ta' sostenn. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (minn hawn 'il quddiem imsejħa “r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill”) (3).

8.   Permezz ta' miżuri adatti, il-membri ta' l-EUPAT għandhom jiżguraw il-viżibbiltà ta' l-azzjoni ta' l-UE.

Artikolu 6

Linja ta' Kmand

1.   L-istruttura ta' l-EUPAT bħala parti mill-approċċ iktar wiesa' ta' l-Istat ta' Dritt ta' l-UE fil-fYROM għandha jkollha linja ta' kmand unifikata.

2.   Il-PSC għandu jipprovdi l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika.

3.   Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jiggwida lill-Kap ta' l-EUPAT permezz ta' l-EUSR.

4.   Il-Kap ta' l-EUPAT għandu jmexxi l-EUPAT u jassumi l-amministrazzjoni ta' kuljum tagħha.

5.   Il-Kap ta' l-EUPAT għandu jirrapporta lis-SG/HR permezz ta' l-EUSR.

6.   L-EUSR għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SG/HR.

Artikolu 7

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-EUPAT.

2.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-PSC sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat li jaħtar Kap ta' l-EUPAT, fuq proposta mis-SG/HR, u li japprova u jemenda l-Pjan Ġenerali u l-linja ta' kmand. Il-Kunsill, assistit mis-SG/HR, għandu jiddeċiedi dwar l-objettivi u t-terminazzjoni ta' l-EUPAT.

3.   L-EUSR għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap ta' l-EUPAT. L-EUSR għandu jiżgura koordinazzjoni ma' atturi oħrajn ta' l-UE kif ukoll relazzjonijiet ma' l-awtoritajiet tal-Parti ospitanti u mal-media.

4.   Il-PSC għandu jirċievi, f'intervalli regolari, rapporti mill-Kap ta' l-EUPAT dwar it-twettiq ta' l-azzjoni ta' sostenn. Il-PSC jista' jistieden lill-Kap ta' l-EUPAT għal-laqgħat tiegħu skond il-każ.

5.   Il-PSC għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

Artikolu 8

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub sabiex ikopri l-ispiża relatata ma' l-EUPAT għandu jkun ta' EUR 1,5 miljun.

2.   In-nefqa finanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-UE, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament ma għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.

3.   Il-Kap ta' l-EUPAT għandu jirrapporta b'mod sħiħ lill-Kummissjoni u jaġixxi taħt is-superviżjoni tagħha fir-rigward ta' l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

4.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġijiet operattivi ta' l-EUPAT, inklużi l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-gruppi tagħha.

5.   Id-data li fiha tista' tibda titwettaq in-nefqa għandha tkun id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 9

Koerenza ma' l-azzjoni Komunitarja

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, skond is-setgħat rispettivi tagħhom, il-koerenza bejn l-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-attivitajiet esterni l-oħra tal-Komunità skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3 tat-Trattat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.

Artikolu 10

Rilaxx ta' informazzjoni klassifikata

1.   Is-SG/HR huwa awtorizzat jirrilaxxa lin-NATO/KFOR u lill-Partijiet terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet ta' l-azzjoni ta' sostenn, skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill.

2.   Is-SG/HR huwa wkoll awtorizzat jirrilaxxa lill-OSCE, skond il-ħtiġijiet operazzjonali tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet ta' l-azzjoni ta' sostenn, skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jitħejjew arranġamenti lokali għal dan il-għan.

3.   F'każ ta' ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, is-SG/HR huwa wkoll awtorizzat jirrilaxxa lill-Istat ospitanti informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet ta' l-azzjoni ta' sostenn, skond il-Ftehim bejn il-fYROM u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata (4).

4.   Is-SG/HR huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Partijiet terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta dokumenti mhux klassifikati ta' l-UE, relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward ta' l-azzjoni ta' sostenn, koperti mill-obbligu ta' segretezza professjonali skond l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/338/KE, EURATOM tat-22 ta' Marzu 2004 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (5).

Artikolu 11

Status tal-persunal ta' l-EUPAT

1.   Għandhom isiru l-arranġamenti meħtieġa relatati ma' l-estensjoni, lill-EUPAT, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-fYROM dwar l-istatus u l-attivitajiet tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ex-Jugoslava tal-Maċedonja (EUPOL Proxima) (6).

2.   L-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta' l-UE li ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni marbuta ma' l-issekondar, minn jew li tikkonċerna l-membru tal-persunal. L-Istat Membru jew l-istituzzjoni Komunitarja in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli mill-istituzzjoni ta' kwalunkwe azzjoni kontra l-issekondat.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u perjodu ta' validità

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika sa l-14 ta' Ġunju 2006.

Artikolu 13

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Maghmula fi Brussel, nhar il-24 ta' Novembru 2005.

Ghall-Kunsill

Il-President

I. LEWIS


(1)  ĠU L 249, 1.10.2003, p. 66. Azzjoni Konġunta kif emendata mill-Azzjoni Konġunta 2004/87/PESK (ĠU L 21, 28.1.2004, p. 31).

(2)  ĠU L 348, 24.11.2004, p. 40.

(3)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/571/KE (ĠU L 193, 23.7.2005, p. 31).

(4)  ĠU L 94, 13.4.2005, p. 39.

(5)  ĠU L 106, 15.4.2004, p. 22. Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/701/KE (ĠU L 319, 20.10.2004, p. 15).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/75/PESK (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 65).