29.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

61


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/807/PESK

tal-21 ta’ Novembru 2005

li testendi u temenda l-mandat tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea (EUMM)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Novembru 2002, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2002/921/PESK li testendi l-mandat tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ ta’ l-Unjoni Ewopea (1) (EUMM).

(2)

Fit-22 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/794/PESK (2), li testendi sal-31 ta’ Diċembru 2005 l-Azzjoni Konġunta 2002/921/PESK.

(3)

L-EUMM għandha tkompli l-attivitajiet tagħha fil-Balkani tal-Punent b'appoġġ għall-politika ta' l-Unjoni Ewropea għal dak ir-reġjun, b' attenzjoni partikolari fuq il-Kosoovo, is-Serbja u Montenegro, u r-reġjuni ġirien li jistgħu jiġu affettwati minn xi żviluppi negattivi fil-Kosovo jew fis-Serbja u Montenegro.

(4)

Il-mandat ta' l-EUMM għandu għalhekk jiġi estiż u emendat għaldaqstant,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Il-mandat ta' l-EUMM huwa hawn estiż sal-31 ta' Diċembru 2006.

Artikolu 2

L-Azzjoni Konġunta 2002/921/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 2(2) (a) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“(a)

issegwi l-iżviluppi politiċi u ta' sigurtà fil-qasam tar-responsabbiltà tagħha, b' attenzjoni partikolari fuq il-Kosovo, is-Serbja u Montenegro, u r-reġjuni ġirien li jistgħu jiġu affettwati minn xi żviluppi negattivi fil-Kosovo jew is-Serbja u Montenegro;”

2)

L-Artikolu 3(3), għandu jaqra:

“3.   Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jiżgura li l-EUMM tiffunzjona b'mod flessibbli u effiċjenti. F'dak il-kuntest, huwa għandu jeżamina mill-ġdid regolarment il-funzjonijiet u t-territorju ġeografiku kopert mill-EUMM sabiex ikompli jadatta l-organizzazzjoni interna ta' l-EUMM għall-prijoritajiet ta' l-Unjoni fil-Balkani tal-Punent. Huwa għandu jirrapporta lill-Kunsill fil-bidu ta' l-2006 dwar jekk jeżistux il-kondizzjonijiet biex jintemmu l-attivitajiet ta' monitoraġġ fl-Albanija; huwa għandu jirrevedi kmieni fl-2006 il-preżenza ta' l-EUMM fil-Bosnja u Ħerzegovina u jressaq rakkomandazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tiġi assoċjata b'mod sħiħ.”

3)

L-Artikolu 6(1), għandu jaqra:

“1.   L-ammont ta' referenza finanzjarju maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għandu jkun

(a)

EUR 2 miljuni għall-2005 u

(b)

EUR 1 723 982,80 għall-2006.”

;

4)

Fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 8, id-data tal-“31 ta' Diċembru 2005” għandha tiġi mibdula bid-data tal-“31 ta' Diċembru 2006”.

Artikolu 3

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, nhar il-21 ta’ Novembru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU L 321, 26.11.2002, p. 51 u rettifika f' ĠU L 324, 29.11.2002, p. 76.

(2)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 55