16.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

310


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/574/PESK

tat-18 ta' Lulju 2005

dwar sostenn għall-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas ta' l-implementazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva, li fil-Kapitlu III tagħha fiha lista ta' miżuri sabiex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni u li jeħtieġu li jittieħdu kemm fi ħdan l-UE u f'pajjiżi terzi.

(2)

L-UE qiegħda timplementa b'mod attiv din l-Istrateġija u qiegħda tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari billi tipprovdi riżorsi finanzjarji sabiex tappoġġja proġetti speċifiċi mmexxija minn istituzzjonijiet multilaterali, bħall-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika (IAEA).

(3)

Fis-17 ta' Novembru 2003 il-Kunsill adotta il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/PESK dwar l-universalizzazzjoni u r-rinfurzar ta’ ftehim multilaterali fil-qasam ta' non-proliferazzjoni ta' l-armi ta' distruzzjoni massiva u l-mezzi kif jiġu inflitti (1).

(4)

Fis-17 ta’ Mejju 2004 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/495/PESK tas-17 ta' Mejju 2004 dwar sostenn għall-attivitajiet ta' l-IAEA taħt il-Programm ta' Sigurtà Nukleari tagħha u fil-kwadru ta' l-implementazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva (2).

(5)

Mindu, sa fejn hija kkonċernata l-UE, il-Kunsill adotta, fit-22 ta' Diċembru 2003, id-Direttiva 2003/122/EURATOM dwar il-kontroll ta' sorsi radjuattivi ssiġillati ta' attività għolja u ta' sorsi orfni (3), it-tisħiħ tal-kontroll ta' sorsi radjuattivi ta' attività għolja fil-pajjiżi terzi kollha, skond id-dikjarazzjoni tal-G-8 u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-kontroll, għall-finijiet ta' sigurtà, ta' sorsi radjuattivi, jibqa' għan importanti li għandu jibqa' jiġi segwit.

(6)

L-universalizzazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali ta' l-IAEA tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' verifika u tas-sistema ta' salvagwardji ta' l-IAEA.

(7)

L-IAEA ssegwi l-istess għanijiet stabbiliti fi (5), (6) u (7). Dan isir fil-kuntest tal-Kodiċi tal-Kondotta rivedut dwar is-Salvagwardja u s-Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi li ġie approvat mill-Bord tal-Gvernaturi ta' l-IAEA f'Settembru 2003 u ta' l-implementazzjoni tal-Pjan għas-Sigurtà Nukleari tagħha li huwa ffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet volontarji lill-Fond tas-Sigurtà Nukleari tagħha. L-IAEA hija mpenjata ukoll fi sforzi sabiex tissaħħaħ il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjal Nukleari u sabiex tippromwovi l-konklużjoni u l-implemenazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali ta' l-IAEA.

(8)

Il-Kummissjoni aċċettat li tiġi fdata bis-superviżjoni ta' l-implementazzjoni adegwata tal-kontribuzzjoni ta' l-UE,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

1.   Għall-finiijiet li jiġu implementati b'mod immedjat u prattiku wħud mill-elementi ta' l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva, l-UE għandha tappoġġja l-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u verifika nukleari sabiex jintlaħqu għanijiet li ġejjin:

it-titjib tal-protezzjoni ta' materjali u tagħmir li huma sensittivi għall-proliferazzjoni u l-abbiltà rilevanti,

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' skoperta tat-traffikar illeċitu ta' materjali nukleari u ta' sustanzi radjuattivi, kif ukoll it-tisħiħ tar-risposta fil-konfront tagħhom,

il-progress lejn it-tisħiħ tas-salvagwardi ta' l-IAEA u b-mod partikolari, l-universalizzazjoni tal-Protokoll Addizzjonali ta' l-IAEA.

2.   Il-proġetti ta' l-IAEA, li jikkorrispondu għal miżuri ta' l-Istrateġija tal-UE, huma l-proġetti bil-għan li:

jassistu l-Istati sabiex isaħħu l-Protezzjoni Fiżika ta' Materjali Nukleari u ta' Materjali Radjuattivi oħra fl-Użu, fil-Ħażna u matul it-Trasport, u ta' Faċilitajiet Nukleari,

jassistu l-Istati sabiex isaħħu s-Sigurtà ta' Materjali Radjuattivi f'Applikazzjonijiet mhux Nukleari,

jsaħħu l-kapaċitajiet, ta' l-Istati, ta' l-Iskoperta tat-Traffikar Illeċitu u ta' Risposta fil-konfront tiegħu.

jgħinu l-Istati fl-abbozzar tal-miżuri leġislattivi meħtieġa għall-implementazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali ta' l-IAEA.

Dawn il-proġetti jitwettqu f'pajjiżi li jeħtieġu għajnuna f'dawn l-oqsma.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti msemmija hija esposta fl-Anness.

Artikolu 2

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implementazzjoni tat-tliet proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) huwa ta' EUR 3 914 000.

2.   L-amministrazzjoni ta' l-infiq iffinanzjat mill-budget ta' l-Unjoni Ewropea speċifikat fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-proċeduri u r-regoli tal-Komunità li japplikaw għall-kwistjonijiet tal-budget bl-eċċezzjoni li kull pre-finanzjament ma għandux jibqa' proprjetà tal-Komunità.

3.   Għall-finijiet ta' l-implementazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' qafas finanzjarju ma' l-IAEA dwar il-kondizzjonijiet għall-użu tal-kontribuzzjoni ta' l-UE, li tkun f'għamla ta' għotja. Ftehim ta' finanzjament speċifiku għandu jiġi konkluż li għandu jistipula li l-IAEA għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni ta' l-UE, b'mod adegwat għad-daqs tiegħu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implementazzjoni korretta tal-kontribuzzjoni ta' l-UE imsemmija f'dan l-Artikolu. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni għandha tiġi fdata bil-kontroll u l-valutazzjoni ta' l-aspetti finanzjarji ta' l-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta kif imsemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Il-Presidenza, megħjuna mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK, għandha tkun responsabbli għall-implementazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta, f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni, u għandha tinforma lill-Kunsill dwar l-implementazzjoni tagħha.

Artikolu 4

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, fil-poteri rispettivi tagħhom, konsistenza bejn l-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-attivitajiet esterni tal-Komunità skond l-Artikolu 3(2) tat-TUE. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.

Artikolu 5

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Għandha tiskadi 15-il xahar wara li tiġi adottata.

Artikolu 6

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brusell, 18 ta' Lulju 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34.

(2)  ĠU L 182, 19.5.2004, p. 46.

(3)  ĠU L 346, 31.12.2003, p. 57.


ANNESS

Appoġġ ta' l-UE għall-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u verifika nukleari u fil-kwadru ta' l-implementazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva

1.   Deskrizzjoni

Il-Bord tal-Gvernaturi ta' l-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika (IAEA) approva, f'Marzu 2002, pjan ta' attivitajiet ta' protezzjoni kontra t-terroriżmu nukleari (GOV/2002/10). Barra minn hekk, id-dokument: “Measures to Strengthen International Cooperation in Nuclear, Radiation, Transport Safety and Waste Management: Promoting Effective and Sustainable National Regulatory Infrastructure for the Control of Radiation Sources” (GOV/2004/52-GC(48)/15) jinkludi partijiet li huma relevanti għall-koperazjoni IAEA-UE taħt l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Profilazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva. Dan jipprovdi approċċ komprensiv lejn is-sigurtà nukleari, inklużi l-kontrolli regolatorji, ir-responsabbiltà u l-protezzjoni ta' materjali nukleari u oħrajn radjuattivi li jintużaw, li jiġu maħżuna u li jiġu trasportati, “mill-bidu sat-tmiem”, għal perjodi ta' żmien qosra kif ukoll twal. Madankollu, jekk il-protezzjoni tfalli, jew fil-każ ta' materjal li għadu mhux soġġett għall-protezzjoni fil-post fejn jinsab, għandhom jiġu stabbiliti miżuri sabiex jiġu skoperti s-serq jew it-tentattivi sabiex l-materjal ikun is-suġġett ta' kuntrabandu.

Is-salvagwardji internazzjonali, kif implementati mill-IAEA, jirrappreżentaw metodu ċentrali għall-verifika tat-twettiq min-naħa ta' Stati ta' impenji li ma jużawx materjal jew teknoloġija nukleari sabiex jiżviluppaw armi nukleari jew mezzi splussivi nukleari oħra. Il-konklużjoni ta' ftehim komprensiv ta' salvagwardi (1) u Protokoll addizzjonali (2) għalih huwa impenn importanti assunt minn Stat fir-rigward tas-sigurtà u l-kontroll ta' materjal nukleari u ta' materjal u attivitajiet relatati man-nukleari fit-territorju tiegħu, taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jew imwettqa taħt il-kontroll tiegħu kullimkien. F'dan ir-rigward, huwa importanti ħafna li tkun fis-seħħ il-liġi implementattiva nazzjonali meħtieġa sabiex entitajiet governattivi awtorizzati jkunu jistgħu jeserċitaw il-funzjonijiet regolatorji meħtieġa u jikkontrollaw il-imġieba ta' kull persuna impenjata f'attivitajiet regolati.

Hemm domanda kbira għall-appoġġ għal dawn l-isforzi fl-Istati Membri kollha ta' l-IAEA li għadhom mhumiex membri ta' l-IAEA. Madankollu, il-proġetti konnessi mat-tisħiħ tas-sigurtà nukleari huma kkonċentrati primarjament fuq pajjiżi fl-Ewropa tax-Xlokk: il-Bulgarija, it-Turkija; l-Albanija, il-Bosnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, is-Serbja u l-Montenegro, u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Moldova u r-Rumanija, u fir-reġjun ta' l-Asja Ċentrali: il-Kazakhstan, il-Kyrgyzstan, l Uzbekistan, it-Tajikistan u it-Turkmenistan, u r-reġjun tal-Kawkasu: l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja, fl-Afrika ta' Fuq, il-Marokk, l-Alġerija, t-Tuneżija u l-Eġittu, u fir-reġjun tal-Mediterran u fil-Lvant Nofsani: il-Libanu, s-Sirja, l-Iżrael u l-Ġordan. L-attivitajiet taħt il-proġett dwar l-għajnuna fl-iżvilupp ta' leġislazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-ftehim tas-salvagwardji u tal-Protokoll addizzjonali (Proġett 4), jiġi implementat fil-pajjiżi identifikati bħala riżultat ta' prijoritajiet politiċi stabbiliti mill-UE.

Għall-ewwel, il-htiġijiet għal sigurtà nukleari mtejba jiġu valutati fil-pajjiżi l-ġodda ta' l-Azzjoni Konġunta tal-UE sabiex jiġu identifikati l-prijoritajiet għas-sostenn. Għal dak l-iskop, grupp ta' esperti rikonoxxuti sejrin jagħmlu valutazzjoni ta' l-istatus attwali ta' miżuri ta' sigurtà nukleari li diġà jeżistu f'dawn il-pajjiżi u sejrin jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar titjib. Ir-rakkomandazzjonijiet iservu bħala bażi għad-definizzjoni ta' l-għajnuna sussegwenti, u sejrin ikopru l-istatus attwali u l-ħtieġa ta' titjib fir-rigward ta' prevenzjoni, skoperta u reazzjoni għal atti malizzjużi li jinvolvu materjali nukleari u materjali oħra radjuattivi, inklużi dawk ta' użu mhux nukleari, u ta' faċilitajiet nukleari.

Bħala riżultat ta' din il-valutazzjoni, jiġu stabbiliti prijoritajiet fl-identifikazzjoni ta' numru massimu ta' pajjiżi għal kull proġett li jkun kopert mill-budget u li jsir disponibbli permezz ta' l-appoġġ ta' l-UE.

Sussegwentement, il-proġetti jiġu implementati fil-pajjiżi magħżula f-erba' oqsma:

1.   Tisħiħ tal-Protezzjoni Fiżika ta' Materjali Nukleari u ta' Materjali Radjuattivi oħra li jintużaw, li jiġu maħżuna u li jiġu Trasportati, u ta' Faċilitajiet Nukleari

Għandu jingħata kont adegwat tal-materjali użati jew maħżuna f'impjanti u tal-postijiet nukleari u dawn għandhom jiġu protetti sabiex jiġi pprevenut is-serq jew is-sabotaġġ. Sistema regolatorja effettiva għandha tidentifika dawk l-elementi li l-implementazzjoni tagħhom tkun meħtieġa fil-livell ta' l-Istat u ta' l-operatur.

Numru massimu ta' sitt pajjiżi sejrin jintgħażlu għall-Proġett 1.

2.   Tisħiħ tas-Sigurtà ta' Materjali Radjuattivi f'Applikazzjonijiet mhux Nukleari

Dan il-proġett jinkludi żewġ oqsma ta' attività differenti; wieħed li fih tiġi stabbilita/mtejba l-infrastruttura regolatorja u wieħed li fih jiġu żarmati u eliminati sorsi mhux użati.

Materjali radjuattivi huma spiss użati f'applikazzjonijiet mhux nukleari, per eżempju, f'użu mediku jew industrijali. Xi uħud minn dawn is-sorsi huma radjuattivi ħafna, u jaqgħu fil-kategoriji 1-3, kif definiti fid-dokument ta' l-IAEA “Categorization of Radioactive Sources”. Jekk dawn is-sorsi ma jkunux kontrollati u mħarsa kif jixraq, jistgħu jaqgħu f'idejn żbaljati u jiġu użati f'attivitajiet malizzjużi. L-infrastruttura regolatorja tas-salvagwardja mir-radjazzjoni u tas-sigurtà tas-sorsi radjuattivi għandha tkun effikaċi u tiffunzjona adegwatament skond l-istandards internazzjonali, il-linji gwida tal-Kodiċi tal-Kondotta dwar is-Salvagwardja u s-Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi u l-aħjar prattiċi. Numru massimu ta' sitt pajjiżi sejrin jintgħażlu għal dan il-qasam ta' attività għall-Proġett 2.

Hija ta' importanza kbira li sorsi qawwija u vulnerabbli ikunu fiżikament protetti minn atti malizzjużi meta jiġu wżati jew maħżuna, u meta ma jkunux meħtieġa iżjed għandhom jiġu żarmati u mwarrba bħala skart radjuattiv f'depożitu protett u sigur. Numru massimu ta' sitt pajjiżi sejrin jintgħażlu għal dan il-qasam ta' attività għall-Proġett 2.

3.   Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' Stati għall-Iskoperta u ta' Risposta għat-Traffikar Illeċitu

It-traffikar illeċitu jikkostitwixxi sitwazzjoni li tinvolvi r-riċeviment, jew il-fornitura, jew l-użu, jew it-trasferiment jew ir-rimi ta' materjal nukleari u ta' materjali radjuattivi oħra, bi ħsieb jew mingħajr ħsieb, u permezz ta' jew mingħajr qsim ta' fruntieri internazzjonali.

Mezz splussiv nukleari ta' għamla mhux raffinata, magħmul minn terrorista, jew mezz ta' dispersjoni radjoloġika ma jistgħux jiġu mibnija mingħajr l-akkwist tal-materjal permezz tat-traffikar illeċitu. Barra minn dan, jista' jiġi akkwistat permezz tat-traffikar illeċitu anke t-tagħmir sensittiv u t-teknoloġija sabiex jiġi prodott materjal sensittiv għal xi mezz splussiv nukleari mhux raffinat jew sabiex jinbena dan. Wieħed jista' jassumi li jkun meħtieġ il-moviment transkonfinali ta' materjal jew teknoloġija sabiex il-materjal jasal fl-aħħar destinazzjoni tiegħu. Sabiex jikkumbattu t-traffikar illeċitu, l-Istati għalhekk jeħtieġu li jkunu stabbiliti s-sistemi regolatorji neċessarji, kif ukoll is-sistemi tekniċi (inklużi strumenti ta' użu faċli) u proċeduri u nformazzjoni disponnibbli fl-istazzjonijiet tal-fruntiera sabiex jiġu skoperti tentattivi ta' kuntrabandu ta' materjali radjuattivi (inklużi materjali fissili u radjuattivi) jew il-kummerċ mhux awtoriżżat ta' tagħmir u teknoloġija sensittivi.

Għandhom ukoll ikunu stabbiliti miżuri effettivi li jirrispondu għal atti bħal dawn u sabiex jirrispondu wkoll għall-ħtif ta' kull materjal radjuattiv. Il-persunal ta' l-infurzar tal-liġijiet (tad-dwana, tal-pulizija, eċċ.) ħafna drabi ma jkunx imħarreġ fl-użu ta' tagħmir għall-iskoperta, u b'hekk it-tagħmir u t-teknoloġija sensittivi jistgħu ma jkunx familjari għalih. It-taħriġ ta' dawn l-uffiċjali huwa għalhekk essenzjali għas-suċċess ta' kwalunkwe miżura li tiġi stabbilita għall-iskoperta tat-traffikar illeċitu. Għandu jiġi offrut taħriġ differenti lill-persunal ta' kategoriji differenti, kemm fl-użu ta' strumenti ta' skoperta kif ukoll sabiex jifhmu l-qari ta' l-istrument, sabiex ikunu kapaċi jiddeterminaw il-miżuri li konsegwentement ikunu meħtieġa.

4.   Għajnuna Leġislattiva għall-Implementazzjoni ta' l-Obbligi ta' l-Istati taħt il-Ftehim dwar Salvagwardji ta' l-IAEA u l-Protokolli Addizzjonali

Il-konklużjoni ta' Ftehim dwar salvagwardji u ta' Protokolli addizzjonali ma' l-IAEA hija miżura effikaċi li tippromwovi kontroll strett nazzjonali u internazzjonali ta' materjal nukleari u teknoloġiji relatati. Filwaqt li hemm xi impenji u elementi ċentrali li l-Istati huma obbligati jimplementaw fil-leġislazzjoni nazzjonali fir-rigward ta' salvagwardji, li huma relevanti għas-sigurtà u l-kontroll ta' materjal nukleari u ta' materjal u attivitajiet relatati man-nukleari, hemm ukoll impenji ulterjuri li l-Istati għandhom iwettqu sabiex jikkonformaw ma' l-impenji internazzjonali tagħhom għall-finijiet tas-salvagwardji. F'dan ir-rigward il-leġislazzjoni implementattiva nazzjonali għandha tipprovdi qafas ta' prinċipji u ta' dispożizzjonijiet ġenerali li jippermettu lill-entitajiet governattivi awtorizzati jeżerċitaw il-funzjonijiet regolatorji neċessarji u li jirregola l-komportament ta' kull persuna involuta f'attivitajiet regolati.

Huwa importanti li l-leġislazzjoni implementattiva nazzjonali tidentifika b'mod ċar l-attivitajiet nukleari, l-installazzjonijiet, il-faċilitajiet u l-materjal li għalihom japplikaw is-salvagwardji. Barra minn dan, l-Istati li kkonkludew Protokoll addizzjonali għandhom jiżguraw it-titjib tal-leġislazzjoni implementattiva nazzjonali tagħhom sabiex l-Istat konċernat ikun jista' jikkonforma ma' l-obbligi addizzjonali taħt il-Protokoll addizzjonali. B'mod partikolari, il-leġislazzjoni domestika ta' l-Istat għandha tiġi riveduta sabiex jitwessgħu r-responsabbilitajiet u s-setgħat tal-korp regolatorju, maħtur sabiex jimplementa u japplika l-ftehim ta' salvagwardji konklużi.

Il-benefiċjarji tal-proġett sejrin ikunu l-pajjiżi mmirati li jiġu magħżula.

2.   Għanijiet

Għan globali: It-tisħiħ tas-sigurtà nukleari f'pajjiżi magħżula.

2.1.   Fażi ta' Valutazzjoni: Il-finanzjament ta' Missjonijiet Internazzjonali għas-Sigurtà Nukleari

Il-valutazzjoni sejra issir mill-IAEA sabiex tidentifika ħtiġijiet ta' tisħiħ tas-sigurtà nukleari f'kull wieħed minn dawk il-pajjiżi msemmija fil-punt 1, fejn tali valutazzjoni ma ġietx imwettqa. Il-valutazzjoni għandha tkopri, skond il-ħtieġa, il-protezzjoni fiżika u s-sigurtà ta' applikazzjonijiet nukleari u mhux nukleari, l-infrastruttura regolatorja meħtieġa għas- salvagwardja mir-radjazzjoni u għas-sigurtà tas-sorsi radjuattivi, kif ukoll il-miżuri stabbiliti għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu. Ir-riżultati tal-valutazzjoni globali għandhom jintużaw bħala bażi għall-għażla tal-pajjiżi fejn il-proġetti jiġu implementati.

Il-proġetti, bħala parti mill-missjoni mifruxa għas-sigurtà nukleari msemmija hawn fuq, sejrin:

jagħmlu valutazzjoni, f'kull pajjiż, ta' l-istatus ta' protezzjoni fiżika ta' materjali nukleari u materjali oħra radjuattivi, u tal-protezzjoni ta' kwalunkwe installazzjoni jew post nukleari jew ta' riċerka fejn ikunu wżati jew maħżuna dawn il-materjali, u jidentifikaw grupp subordinat ta' faċilitajiet u postijiet li jikkontjenu dawn il-materjali sabiex jintgħażlu għal titjib u sostenn sussegwenti,

jagħmlu valutazzjoni, f'kull pajiż, ta' kwalunkwe ħtieġa fir-rigward tat-titjib tas-sigurtà ta' sorsi radjuattivi, jidentifikaw kwalunkwe punt dgħajjef u defiċjenza fl-implementazzjoni ta' l-istandards internazzjonali u tal-Kodiċi tal-Kondotta li jkun jeħtieġ miljorament fl-infrastruttura regolatorja, u jidentifikaw il-ħtieġa ta' protezzjoni addizzjonali ta' sorsi qawwija u vulnerabbli. Jiġi wkoll determinat it-tagħmir speċifiku meħtieġ sabiex jagħti protezzjoni bħala riżultat tal-valutazzjoni,

jagħmlu valutazzjoni, f'kull pajjiż ta' l-istatus attwali tal-kapaċità għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u jidentifikaw il-ħtiġijiet sabiex isir it-titjib meħtieġ.

2.2.   Implementazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi definiti bħala prijoritajiet bħala riżultat tal-fażi ta' valutazzjoni

Proġett 1

Tisħiħ tal-Protezzjoni Fiżika ta' Materjali Nukleari u ta' Materjali Radjuattivi oħra fl-Użu, fil-Ħażna u matul it-Trasport, u fil-Faċilitajiet Nukleari.

Għan tal-proġett: it-tisħiħ tal-protezzjoni fiżika ta' materjali nukleari u radjuattivi oħra fil-pajjiżi magħżula.

Riżultati tal-proġett:

it-titjib fil-kwalità tal-protezzjoni fiżika ta' faċilitajiet magħżula u ta' postijiet li għandhom prijorità,

it-titjib, permezz ta' għajnuna esperta, ta' l-infrastruttura regolatorja nazzjonali għall- protezzjoni fiżika,

l-għoti ta' taħriġ lill-persunal fil-pajjiżi magħżula.

Proġett 2

Tisħiħ tas-Sigurtà ta' Materjali Radjuattivi f'Applikazzjonijiet mhux Nukleari

Għan tal-proġett: it-tisħiħ tas-sigurtà ta' materjali radjuattivi f'applikazzjonijiet mhux nukleari fil-pajjiżi magħżula.

Riżultati tal-proġett:

l-istabbiliment/it-titjib ta' l-infrastruttura regolatorja nazzjonali għall-protezzjoni mir-radjazzjoni u għas-sigurtà ta' sorsi radjuattivi permezz ta' Valutazzjoni ta' l-Infrastruttura fir-rigward tas-Salvagwardja mir-Radjazzjoni u tas-Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi (RaSSIA), ta' servizzi ta' konsulenza, ta' tagħmir u ta' taħriġ, skond l-istandards internazzjonali, il-linji gwida tal-Kodiċi tal-Kondotta dwar is-Salvagwardja u s-Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi u l-aħjar prattiċi.

il-protezzjoni jew, skond il-każ, iż-żarmar jew ir-rimi bħala skart ta' sorsi vulnerabbli prottetti fil-pajjiżi magħżula.

Proġett 3

Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' l-Istati għall-Iskoperta u ta' Risposta għat-Traffikar Illeċitu

Għan tal-proġett: it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' l-Istati għall-iskoperta u ta' risposta għat-traffikar illeċitu fil-pajjiżi magħżula.

Riżultati tal-proġett:

il-ġbir u l-valutazzjoni ta' informazzjoni aħjar dwar it-traffikar nukleari illeċitu, minn sorsi miftuħa u mill-punti ta' kuntatt ta' Stati, għat-titjib ta' l-informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi tat-traffikar nukleari illeċitu. Din l-informazzjoni għandha wkoll tgħin għall-prioritarizzazzjoni ta' l-attivitajiet differenti mwettqa fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu,

l-istabbiliment, permezz ta' għajnuna esperta, ta' oqsfa nazzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u t-titjib tal-koordinament nazzjonali tal-kontroll tal-moviment transkonfinali ta' materjali radjuattivi, ta' tagħmir u teknoloġija nukleari sensittivi fil-pajjiżi magħżula,

it-titjib tal-kwalità ta' tagħmir ta' sorveljanza konfinarja f'punti magħżula ta' qsim tal-fruntieri,

l-għoti ta' taħriġ lill-persunal ta' l-infurzar tal-liġi.

Proġett 4

Għajnuna Leġislattiva għall-Implementazzjoni ta' l-Obbligi ta' l-Istati taħt il-Ftehim dwar Salvagwardji ta' l-IAEA u l-Protokolli Addizzjonali

Għan tal-proġett: it-tisħiħ ta' l-oqsfa leġislattivi nazzjonali għall-implementazzjoni ta' ftehim dwar salvagwardja u tal-protokoll addizzjonali konklużi bejn Stati u l-IAEA.

Il-proġett jikkonsisti f'żewġ fażijiet: fażi preparatorja u fażi implementattiva:

il-fażi preparatorja tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta' Istati li m'adottawx il-leġislazzjoni implementattiva meħtieġa skond il-ftehim dwar salvagwardja u l-protokolli addizzjonali konklużi ma' l-IAEA. Din l-identifikazzjoni sejra titwettaq mill-UE. Barra minn dan, hija tinkludi l-iżvilupp ta' materjali ġeneriċi (jiġifieri moduli leġislattivi), meħuda minn eżempji ta' leġislazzjoni nazzjonali eżistenti ta' diversi Stati, sabiex jintużaw bħala bażi għat-tfassil ta' dawk l-eżempji għall-ħtiġijiet nazzjonali rispettivi u għall-kondizzjonijiet ta' l-Istati mmirati.

il-fażi ta' implementazzjoni tikkonsisti fl-għoti ta' għajnuna leġislattiva bilaterali lill-Istati mmirati fl-abbozzar u/jew ir-reviżjoni tal-liġi nazzjonali, bl-użu tal-moduli żviluppati fil-fażi preparatorja.

Riżultati tal-proġett:

l-iżvilupp u l-adozzjoni (fil-lingwi nazzjonali) tal-leġislazzjoni nazzjonali meħtieġa sabiex l-Istati jkunu jistgħu jikkonformaw ma' l-obbligi tagħhom taħt il-ftehim dwar salvagwardja u l-protokolli addizzjonali.

3.   Tul ta’ żmien

Il-valutazzjoni tiġi mwettqa matul perjodu ta' tliet xhur wara li jidħol fis-seħħ il-Ftehim dwar il-Kontribuzzjoni ta' l-UE bejn il-Kummissjoni u l-IAEA. L-erba' proġetti jsiru fl-istess żmien matul it-tnax-il xahar sussegwenti.

It-tul ta' żmien totali stmat għall-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta huwa ta' 15-il xahar.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji huma l-pajjiżi fejn jiġu mwettqa l-valutazzjoni u l-proġetti sussegwenti. L-awtoritajiet tagħhom jiġu assistiti sabiex jidentifikaw il-punti dgħajfa u jirċievu sostenn sabiex tinstab soluzzjoni u tiżdied is-sigurtà.

5.   Entità ta' implementazzjoni

L-IAEA sejra tiġi fdata bl-implementazzjoni tal-proġetti. Il-missjonijiet internazzjonali ta' sigurtà nukleari sejrin jitwettqu skond il-mod standard ta' operazzjoni għal missjonijiet ta' l-IAEA, li jsiru minn esperti ta' l-Istati Membri ta' l-IAEA. L-implementazzjoni ta' l-erba' proġetti sejra ssir direttament mill-persunal ta' l-IAEA, u mill-esperti jew kuntratturi magħżula ta' l-Istati Membri ta' l-IAEA. Fil-każ ta' kuntratturi, l-akkwist pubbliku ta' kwalunkwe prodott, xogħol jew servizz mill-IAEA fil-kuntest ta' din l-Azzjoni Konġunta għandu jsir skond ir-regoli u l-proċeduri applikabbli ta' l-IAEA, kif dettaljat fil-Ftehim dwar il Kontribuzzjoni ta' l-UE ma' l-IAEA.

6.   Parteċipanti terzi

Il-proġetti sejrin jiġu ffinanzjati 100 % permezz ta' din l-Azzjoni Konġunta. L-esperti ta' l-Istati Membri ta' l-IAEA jistgħu jitqiesu bħala parteċipanti terzi. Huma sejrin jaħdmu skond ir-regoli operazzjonali standard stabbiliti għall-esperti ta' l-IAEA.

7.   Stima ta' finanzi meħtieġa

Il-kontribuzzjoni ta' l-UE sejra tkopri l-missjoni tal-valutazzjoni u ta' l-implementazzjoni ta' l-erba' proġetti kif deskritt fil-punt 2.2. L-ispejjeż ġew stmati kif ġej:

Valutazzjoni tas-sigurtà nukleari, inklużi missjonijiet

EUR 140 000

Proġett 1

EUR 1 100 000

Proġett 2

EUR 1 250 000

Proġett 3

EUR 1 114 000

Proġett 4

EUR 200 000

Addizzjonalment, hija inkluża riżerva ta' kontinġenza ta' madwar 3 % ta' l-ispejjeż aċċettabbli (għal ammont totali ta' EUR 110 000) għal spejjez mhux mistennija.

8.   Ammont finanzjarju ta' referenza sabiex tiġi koperta l-ispiża tal-proġett

L-ispiża totali tal-proġett hija ta' EUR 3 914 000.


(1)  L-Istruttura u l-Kontenut tal-Ftehim Bejn l-Aġenzija u Stati Meħtieġa b'Konnessjoni mat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni ta' l-Armi Nukleari, li kienet adottata mill-Bord ta' Gvernaturi ta' l-IAEA fl-1972 (INFCIRC/153 (Corr.)).

(2)  Protokoll Mudell Addizzjonali għall-Ftehim bejn l-Istati(i) u L-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika għall-Applikazzjoni ta' Salvagwardji, li kien approvat mill-Bord ta' Gvernaturi ta' l-IAEA fl-1997 (INFCIRC/540 (Corr.)).