30.9.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

9


ID-DEĊIŻJONI Nru 1554/2005/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Settembru 2005

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/51/KE li tistabbilixxi Programm relatat mal-qafas strateġiku tal-Komunità dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-Deċiżjoni Nru 848/2004/KE li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarju biex jippromwovi organizzazzjonijiet attivi fuq livell Ewropew fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tali-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2001/51/KE (2) il-Kunsill stabbilixxa programm relatat mal-qafas strateġiku tal-Komunità dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi biex itejjeb l-għarfien ta' kwistjonijiet relatati ma' l-ugwaljanza bejn is-sessi, jippromwovi u jxerred il-valuri u l-prattiki li huma l-bażi ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u jiżviluppa l-kapaċità ta' kull min hu involut li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod effettiv.

(2)

Bid-Deċiżjoni Nru 848/2004/KE (3) il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stabbilew Programm ta' Azzjoni Komunitarju biex jippromwovi organizzazzjonijiet attivi fuq livell Ewropew fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa biex jagħtu sostenn għall-attivitajiet ta' tali organizzazzjonijiet li għandhom programm kontinwu ta' xogħol jew miżura speċifika li sservi l-interess ġenerali Ewropew fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jew li jfittex li jilħaq objettiv li huwa parti mill-politika ta' l-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam.

(3)

Iż-żewġ programmi jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2005. Huwa essenzjali li l-kontinwità tal-politika Komunitarja għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi tenut kont ta' l-objettivi miktuba fl-Artikolu 13 tat-Trattat tkun żgurata.

(4)

Huwa neċessarju li l-programmi jiġu estiżi għal perjodu transitorju ta' sena sakemm jigi stabbilit programm kwadru pluriennali ġdid dwar il-finanzjament ta' azzjonijiet fil-qasam ta' l-impjieg u dak soċjali għall-perjodu mill-2007 sa l-2013 inkluża linja ta' żvilupp dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi.

(5)

Id-Deċiżjoni 2001/51/KE kienet ibbażata fuq l-Artikolu 13 tat-Trattat. Madankollu, wara l-emendi introdotti mit-Trattat ta' Nizza, l-Artikolu 13(2) jikkostitwixxi l-bażi speċifika legali għall-adozzjoni ta' miżuri ta' inċentivi Komunitarji intenzjonati biex jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Huwa għalhekk xieraq li l-emenda għad-Deċiżjoni 2001/51/KE tkun ibbażata fuq l-Artikolu 13(2).

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2001/51/KE hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 1, id-data “31 ta' Diċembru 2005” għandha tinbidel bi “31 ta' Diċembru 2006”.

2.

l-Artikolu 11(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   l-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu 2001-2006 għandu jkun ta' EUR 61,5 miljun.”

L-Artikolu 2

Id-Deċiżjoni Nru 848/2004/KE hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 1(3), id-data “31 ta' Diċembru 2005” għandha tinbidel bi “31 ta' Diċembru 2006”.

2.

l-Artikolu 6(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   il-kwadru finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu 2004 sa 2006 għandu jkun ta' EUR 3,3 miljun.”.

L-Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar is-7 ta' Settembru 2005

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

C. CLARKE


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2005.

(2)   ĠU L 17, tad-19.1.2001, p. 22.

(3)   ĠU L 157, tat-30.4.2004, p. 18. Deċiżjoni kif rettifikata fil-ĠU L 195, tat-2.6.2004, p. 7.