12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

708


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Diċembru 2005

li teħles lill-Finlandja u l-Iżvezja mill-obbligu li japplikaw id-Direttiva tal-Kunsill 68/193/KEE dwar il-marketing ta' materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja

(innotifikata taħt dokument numru C(2005) 5469)

(It-testi bil-Finlandiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

(2005/931/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 68/193/KEE tad-9 ta' April 1968 dwar il-marketing ta' materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18a tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talbiet imressqa mill-Finlandja u mill-Iżvezja.

Billi:

(1)

Id-Direttiva 68/193/KEE tistipula ċerti dispożizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta' materjal għall-propagzzjoni tad-dwieli. Din id-Direttiva tipprevedi li, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jinħelsu għal kollox jew parzjalment mill-obbligu li japplikaw din id-Direttiva.

(2)

Il-materjal għall-propagazzjoni tad-dwieli normalment mhuwiex imkabbar jew imqiegħed fis-suq fil-Finlandja u l-Iżvezja. Barra minn hekk, it-tkabbir tad-dwieli huwa ta’ importanza ekonomika minima fil-pajjiżi msemmija hawn fuq.

(3)

Sakemm jibqgħu dawn il-kundizzjonijiet, l-Istati Membri rilevanti għandhom jinħelsu mill-obbligu li japplikaw id-Direttiva 68/193/KEE għall-materjal ikkonċernat.

(4)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal ta' Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikultura u l-Foresterija,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Finlandja u l-Iżvezja huma b’dan meħlusa mill-obbligu li japplikaw id-Direttiva 68/193/KEE, minbarra l-Artkoli 12(1) u 12a.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata r-Repubblika tas-Finlandja u lir-Renju tad-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, nhar il-21 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 93, 17.4.1968, p. 15. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2005/43/KE (ĠU L 164, 24.6.2005, p. 37).