12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

641


DEIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Novembru 2005

li temenda d-Deċiżjonijet 2005/759/KE u 2005/760/KE dwar il-miżuri għall-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur f’għasafar oħra għajr it-tjur ta’ l-irziezet

(innotifikata taħt dokument numru C(2005) 4663)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2005/862/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (2), u partikolarment l-Artikolu 18(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KEE tal-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (3), u partikolarment l-Artikolu 22(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa ta' l-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (4), u b' mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur ta’ l-irziezet u għasafar oħra, li tikkawża mwiet u disturbi li malajr jistgħu jiksbu daqs epiżootiku li kapaċi jkunu ta’ theddida serja għas-saħħa pubblika u dik ta’ l-annimali u li jnaqqsu sew il-profittabbiltà tat-trobbija tat-tjur ta' l-irziezet. Hemm riskju li l-aġent tal-marda jista’ jiddaħħal permezz tal-kummerċ internazzjonali fl-għasafar ħajjin għajr it-tjur ta’ l-irziezet, inkluż it-tjur li jiġu mas-sidien tagħhom (għasafar tad-dar).

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/666/KE tas-16 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa ta' l-annimali u ċ-ċertifikat veterinarju għall-importazzjoni ta' għasafar, barra minn tjur u l-kondizzjonijiet għal kwarantina (5) tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ għasafar minn pajjiżi terzi elenkati bħala membri ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija dwar is-Saħħa ta' l-Annimali (OIE).

(3)

Influwenza tat-tjur patoġenika ħafna ġiet lokalizzata fit-tjur importati fi kwarantina fi Stat Membru, u l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/759/KE tas-27 ta’ Ottubru 2005 dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien fir-rigward ta’ influwenza tat-tjur patoġenika ħafna f'ċerti pajjiżi terzi u l-moviment minn pajjiżi terzi ta’ għasafar li jakkumpanjaw lis-sidien tagħhom (6), u d-Deċiżjoni 2005/760/KE tas-27 ta’ Ottubru 2005 dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien fir-rigward ta’ influwenza tat-tjur patoġenika f'ċerti pajjiżi terzi għall-importazzjoni ta' tjur maqbuda (7).

(4)

Ġew irrapportati każi ġodda ta' l-influwenza tat-tjur f'ċerti pajjiżi membri ta' l-OIE. Is-sospensjoni taċ-ċaqliq ta’ għasafar tad-dar u ta’ l-importazzjonijiet ta’ għasafar oħra minn ċerti żoni ta' riskju għandhom għalhekk jiġu estiżi.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa ta' l-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/65/KEE jipprevedi għar-reġimi veterinarji ta’ kontroll li jiddependu fuq in-numru u l-pajjiż ta’ l-oriġini ta’ l-annimali, Huwa xieraq li tintuża l-lista tal-pajjiżi terzi fit-Taqsima 2 tal-Parti B ta’ l-Anness II għal dak ir-regolament flimkien mal-lista ta’ pajjiżi previsti fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 745/2004 tas-16 ta’ April 2004 li jistabbilixxi miżuri fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti ġejjin mill-annimali għall-kunsum personali (8) sabiex jipprovdu għal deroga f’din id-Deċiżjoni.

(6)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw il-prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (9), it-tqegħid fis-suq ta’ firxa ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali, bħall-ġelatina għall-użu tekniku, materjali għall-użu farmaċewtiku u oħrajn, li joriġinaw f’żoni tal-Komunità, taħt restrizzjonijiet tas-saħħa huwa awtorizzat, għax prodotti bħal dawn huma kkunsidrati sikuri minħabba kundizzjonijiet speċifiċi ta’ produzzjoni, ipproċessar u użu li effettivament jiddiżattivaw patoġeni possibbli jew jipprevjenu kuntatt ma’ annimali suxxettibbli. Skond il-punt 7 tal-Parti B tat-Taqsima II fil-Kapitolu III ta’ l-Anness VIII għal dak ir-Regolament, it-tqegħid fis-suq tal-gwanu mhuwiex suġġett għall-ebda kundizzjoni tas-saħħa ta’ l-annimali.

(7)

Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, miżuri ta' salvagwardja dwar prodotti koperti bl-Annessi VII u VIII għal dak ir-Regolament huma adottati skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/425/KEE.

(8)

Id-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skond dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 2005/759/KE hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Moviment mill-pajjiżi terzi

1.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw il-moviment mill-pajjiżi terzi ta’ l-għasafar tad-dar ħajjin mill-pajjiżi terzi biss fejn il-konsenja ikun fiha mhux iktar minn ħames għasafar u:

a)

l-għasafar jiġu minn pajjiż membru ta’ l-OIE li qiegħed taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni Reġjonali mniżżla fil-Parti A ta’ l-Anness I; jew

b)

l-għasafar jiġu minn pajjiż membru ta’ l-OIE li qiegħed taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni Reġjonali mniżżla fil-Parti B ta’ l-Anness I fuq kundizzjoni li l-għasafar;

i)

ikunu nżammu iżolati għal 30 ġurnata qabel l-esportazzjoni fil-post tat-tluq f’pajjiż terz mniżżel fid-Deċiżjoni 79/542/KEE, jew

ii)

ikunu nżammu fi kwarantina għal 30 ġurnata wara l-importazzjoni fl-Istat Membru destinatarju f’postijiet approvati skond l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2000/666/KE, jew

iii)

ġew, fi ħdan l-aħħar sitt xhur u mhux aktar minn 60 ġurnata qabel it-tluq mill-pajjiż terz, ġew mlaqqma, u ta’ lanqas f’okkażjoni waħda mlaqqma mill-ġdid, kontra l-influwenza tat-tjur bl-użu tat-tilqima H5 approvata għall-ispeċi fil-kwistjoni skond l-istruzzjonijiet tal-manifattur; jew

iv)

inżammu iżolati għal talanqas għaxart ijiem qabel ma ġew esportati u għamlu test biex jindividwaw l-antiġenu jew il-ġenoma H5N1 kif imniżżel fil-Kapitolu 2.7.12 tal-Manwal tat-Testijiet Dijanjostiċi u t-Tilqim għall-Annimali Terrestri mwettqa fuq kampjun meħud qabel it-tielet ġurnata ta’ iżolament.

2.   Il-konformità mal-kundizzjonijiet fil-paragrafu 1 se jiġi ċċertifikat minn veterinarju uffiċjali, fil-każ tal-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 1 (b) (ii) ibbażat fuq id-dikjarazzjoni tas-sidien, fil-pajjiż terz tat-tluq skond iċ-ċertifikat mudell previst fl-Anness II.

3.   Iċ-ċertifikat veterinarju se jiġi kkumplimentat bi

a)

dikjarazzjoni tas-sid jew rappreżentant tas-sid skond l-Anness III,

b)

konferma bħal din kif ġejja:

‘Għasafar pets skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2005/759/KE’”

2.

L-Artikolu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għall-moviment lejn it-territorju Komunitarju ta’ għasafar ħajjin li jakkumpanjaw lis-sidien tagħhom minn Andorra, il-Gżejjer Faeroe, Greenland, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, Monako, in-Norveġja, San Marino, l-Iżvizzera u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan.”

3.

Fl-Artikolu 5, id-data “t-30 ta’ Novembru 2005” tinbidel għal “l-31 ta’ Jannar 2006”.

4.

L-Anness I huwa emendat skond l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni Nru 2005/760/KE hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 2 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   B’deroga mill-Artikolu 1(1)(a), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ l-għasafar mill-korpi, l-istituti u ċ-ċentri u maħsuba għal korpi, istituti u ċentri approvati mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru destinatarju b’konformità mad-Direttiva 92/65/KEE.

2.   B’deroga mill-Artikolu 1(1)(b), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’:

a)

l-bajd għat-tfaqqis msemmija fl-Artikolu 1(1)(a), previst illi l-bajd huma maħsuba għal:

i)

l-korpi approvati, istituti u ċentri msemmija fil-paragrafu 1, jew

ii)

faqqasa ddedikati approvati mill-awtorità kompetenti għal dak il-għan, li fl-istess ħin mhumiex involuti fit-tfaqqis tal-bajd għat-tjur ta' l-irziezet u li fihom il-bajd jitqiegħdu biss wara l-fumigazzjoni biex jiddekontaminaw il-qxur b'mod effettiv;

b)

kampjuni miġbura minn xi speċi ta’ għasafar u li huma ppakkjati b'mod sikur u mibgħuta direttament lil-laboratorju approvat fi Stat Membru għal dijanjożi tal-laboratorju taħt ir-responsabbitajiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż tat-tluq mniżżel fl-Anness;

c)

prodotti ġejjin minn dawk l-ispeċi konformi mal-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu II(C), il-Kapitolu III(C), il-Kapitolu IV(B), il-Kapitolu VI(C) u Kapitolu X(B) ta’ l-Anness VII, u l-Kapitolu II(C), Il-Kapitolu III(II)(B), VII(A)(1)(a), il-Kapitolu VII(B)(5) u l-Kapitolu X ta’ l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002;

d)

prodotti ġejjin minn dawk l-ispeċi li, f’konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, mhumiex suġġett għal xi kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali u li mhumiex suġġetti għal kull projbizzjoni jew restrizzjoni għar-raġuni III(III) ta’ l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, fir-rigward tal-gwanu mineralizzat ta’ l-għasafar ġejjin minn pajjiżi li ma ddikjarawx il-preżenza ta’ l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja kkawżata mill-vajrus ta’ l-influwenza A tas-subtip H5N1 waqt dawn l-aħħar 12-il xahar.”

2.

Fl-Artikolu 6, id-data “t-30 ta’ Novembru 2005” tinbidel għal “l-31 ta’ Jannar 2006”.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawk il-miżuri. Huma għandhom minnufih jgħarrfu l-Kummissjoni b'dan.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzati lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar it-30 ta’ Novembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

(2)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(3)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(4)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1193/2005 (ĠU L 194, 26.7.2005, p. 4).

(5)  ĠU L 278, 31.10.2000, p. 26. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2002/279/KE (ĠU L 99, 16.4.2002, p. 17).

(6)  ĠU L 285, 28.10.2005, p. 52.

(7)  ĠU L 285, 28.10.2005, p. 60.

(8)  ĠU L 122, 26.4.2004, p. 1.

(9)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 416/2005 (ĠU L 66, 12.3.2005, p. 10).


ANNESS

Anness I għad-Deċiżjoni 2005/759/KE hija mibdula b’li ġej:

“ANNESS I

Parti A

Il-pajjiżi membri ta’ l-OIE li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjonijiet Reġjonali ta' l-OIE msemmija fl-Artikolu 1 (1) (a):

Parti B

Il-pajjiżi membri ta’ l-OIE li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjonijiet Reġjonali ta' l-OIE msemmija fl-Artikolu 1 (1) (a):

l-Afrika,

l-Ameriki,

L-Ażja, il-Lvant Imbiegħed u l-Oċeanja

l-Ewropa, minbarra l-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3, u

Il-Lvant Nofsani.”